Protezzjoni tal-privatezza tad-data
Sabiex inwettqu d-dmirijiet tagħna lejn iċ-ċittadini Ewropej, aħna nistgħu niġbru informazzjoni personali ("data personali"), li tinġabar u tiġi ttrattata b'konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2018/1725, "ir-Regolament".
X'inhi l-leġiżlazzjoni rilevanti?
Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data ġie ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Novembru 2018 u daħal fis-seħħ fil-11 ta' Diċembru 2018.
Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2019 dwar ir-regoli ta' implimentazzjoni relatati mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-Istituzzjonijiet, Korpi, Uffiċċji u Aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE.
"Data personali" tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli ("suġġett tad-data"). Persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista' tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b'mod partikolari b'referenza għal mezz ta' identifikazzjoni bħal isem, numru ta' identifikazzjoni, data ta' lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tal-persuna.
Is-siti web tal-Parlament Ewropew jiġbru ftit data personali. Xi data hija obbligatorja, minħabba t-teknoloġiji wara l-Internet, xi data hija meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-siti web tagħna, xi data hija kondiviża volontarjament minnek permezz tal-istrixxun ta' kunsens tagħna jew formoli apposta. Huma biss ftit il-paġni li jistiednuk iddaħħal data personali sabiex jipprovdu servizzi speċifiċi jew jitwieġbu talbiet dedikati. F'każijiet bħal dawn, dikjarazzjoni ta' privatezza ddedikata dejjem se tinfurmak dwar, fost l-oħrajn, l-għan tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek, il-bażi legali, il-kategoriji ta' data miġbura, u fuq kollox id-drittijiet tiegħek u lil min għandek tikkuntattja jekk tixtieq teżerċita dawn id-drittijiet. Pereżempju, il-paġna tal-Unità tat-Talbiet għal Informazzjoni miċ-Ċittadini (Ask EP) tinkludi l-buttuna biex tagħmel kuntatt, li tattiva formola online. F'din il-formola, inti tintalab tindika, bħala minimu (jiġifieri l-oqsma obbligatorji) kunjomok, ismek, il-pajjiż ta' residenza tiegħek u l-indirizz tal-email tiegħek, kif ukoll, possibbilment, il-ġeneru, l-indirizz, l-età, il-professjoni u n-nazzjonalità tiegħek. Ladarba tintbagħat, il-formola tiġi trażmessa permezz tal-email lis-servizz kompetenti sabiex dan ikun jista' jaqdik bl-aħjar mod.
Il-Parlament Ewropew jiżgura li d-data miġbura tiġi pproċessata biss għal skopijiet maħsuba u ddikjarati b'mod ċar, u ma tintużax mill-ġdid għal kwalunkwe għan ieħor.
L-informazzjoni personali tinżamm biss għall-perjodu taż-żmien meħtieġ biex tiġi pproċessata d-data. L-informazzjoni dettaljata dwar il-perjodu ta' żamma dejjem se tiġi inkluża fil-politika ta' privatezza relatata mal-attività tal-ipproċessar inkwistjoni. Xi data tista' tinżamm għal terminu itwal għal raġunijiet storiċi, ta' statistika jew ta' sigurtà, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni oħra tar-Regolament.
Aħna niżvelaw informazzjoni lil partijiet terzi biss meta jkun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-iskopijiet speċifikati u din tingħata biss lill-kategoriji ta' destinatarji identifikati. Aħna ma niżvelaw l-ebda data personali għal skopijiet ta' kummerċjalizzazzjoni diretta u nimpenjaw ruħna li nieħdu miżuri ta' sigurtà xierqa biex nissalvagwardjaw din id-data minn użu ħażin minn partijiet terzi.
Is-siti web tal-Parlament Ewropew jistgħu jipprovdu links għal siti web oħra tal-internet. Peress li l-Parlament Ewropew ma għandux kontroll fuq dawn is-siti, nissuġġerixxu li tivverifika l-politika tagħhom dwar il-privatezza.
Iċ-ċittadini kollha għandhom id-dritt li jiksbu aċċess għad-data personali miżmuma mill-Parlament Ewropew dwarhom u li jitolbu r-rettifika jew it-tħassir tagħha, jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar jew, fejn applikabbli, id-dritt ta' oġġezzjoni għall-ipproċessar jew id-dritt għall-portabbiltà tad-data. Fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens jew il-kunsens espliċitu tagħhom, huma għandhom ukoll id-dritt li jirtiraw il-kunsens tagħhom fi kwalunkwe ħin, mingħajr ma tiġi affettwata l-legalità tal-ipproċessar abbażi ta' kunsens qabel l-irtirar tiegħu.
Għal kwalunkwe talba li tikkonċerna l-ipproċessar tad-data personali tiegħek, nistednuk tikkuntattja jew lill-kontrollur responsabbli (kif identifikat fil-politika dwar il-privatezza relatata mal-attività ta' pproċessar speċifika) jew lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Parlament Ewropew (UPD).
Għandek id-dritt ukoll li tressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS), li huwa l-awtorità tal-protezzjoni tad-data għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-Unjoni Ewropea. Wieħed mill-kompiti tiegħu huwa li jittratta l-ilmenti u jwettaq l-inkjesti.
Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Parlament Ewropew (UPD)
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Parlament Ewropew huwa responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament fi ħdan l-istituzzjoni.
Kwalunkwe servizz tal-Parlament Ewropew li juża informazzjoni li tidentifika individwi huwa kopert b'dan ir-Regolament, u huwa meħtieġ li jinnotifika lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data bi kwalunkwe operazzjoni li fiha tiġi pproċessata data personali (ġbir, konsultazzjoni, trażmissjoni, organizzazzjoni, eċċ.).
Dawn l-operazzjonijiet huma deskritti f'reġistri dedikati maħżuna fir-"Reġistru tal-Protezzjoni tad-Data ta' Rekords ta' operazzjonijiet ta' pproċessar ta' data fil-Parlament Ewropew", li huwa disponibbli pubblikament fuq l-internet. Kwalunkwe ċittadin jista' jaċċessa u jikkonsulta dawn ir-rekords bil-lingwa li fiha tkun iddaħħlet l-informazzjoni. Kwalunkwe persuna kkonċernata tista' teżerċita d-drittijiet rikonoxxuti mir-Regolament abbażi tal-informazzjoni li tkun tinsab f'dawn ir-rekords.
Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data (EDPS)
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) huwa l-awtorità tal-protezzjoni tad-data għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-Unjoni Ewropea.
Wieħed mill-kompiti tiegħu huwa li jittratta l-ilmenti u jwettaq l-inkjesti. Il-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Data ser jilqa' u jipproċessa l-ilment tiegħek.
Contact:
-
Contact data:
-
Contact data: