Servizz : 06-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Referenza : COMM IV 2022
Gwida għall-kandidati : Iddawnlowdja gwida għall-kandidati

SEJĦA GĦAL ESPRESSJONI TA' INTERESS

ĦOLQIEN TA' BAŻI TA' DATA

Persunal bil-kuntratt (grupp ta' funzjonijiet IV) fil-qasam tal-komunikazzjoni:

Uffiċjal tal-Istampa u Maniġer tal-Komunità

 

  1. Rimarki ġenerali

Is-Segretarjat tal-Parlament Ewropew qed joħroġ dan l-avviż bil-għan li tinħoloq bażi ta' data ta' kandidati (persunal bil-kuntratt fil-grupp ta' funzjonijiet IV) fil-qasam tal-komunikazzjoni fid-Direttorat Ġenerali tiegħu għall-Komunikazzjoni (DĠ COMM).

Il-bażi ta' data se sservi bħala riżerva ta' kandidati għal reklutaġġ futur possibbli fl-Istati Membri tal-UE (l-Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew – EPLOs).

Ladarba l-bażi ta' data tkun ġiet stabbilita, il-persuni li jkunu esprimew l-interess tagħhom jistgħu jintgħażlu għal postijiet vakanti ta' persunal bil-kuntratt awżiljarju bil-kuntratt li jirriżultaw fid-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni (DĠ COMM), skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Is-selezzjoni ssir f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 ("Kumitat Konġunt għas-selezzjoni tal-persunal bil-kuntratt awżiljarju (COSCON)") u l-Artikolu 8 ("Proċedura ta' selezzjoni għall-persunal bil-kuntratt") tad-"Dispożizzjonijiet ġenerali ta' implimentazzjoni dwar il-kompetizzjonijiet u l-proċeduri ta' selezzjoni u l-gradi ta' uffiċjali u ta' aġenti oħra tal-Parlament Ewropew".

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

Persuni interessati li jkollhom isimhom inkluż fil-bażi ta' data għandhom jibagħtu CV u jimlew il-formola ta' applikazzjoni permezz tal-pjattaforma APPLY4EP, billi l-ewwel joħolqu kont. Biex jagħmlu dan, għandhom jaqraw dan l-avviż bir-reqqa, jikklikkjaw fuq it-tab "Applika online" u jsegwu l-passi tal-proċedura ta' applikazzjoni online. Huma għandhom ukoll jaqraw bir-reqqa l-gwida mehmuża ma' dan l-avviż. Jista' jinħoloq kont wieħed biss fuq APPLY4EP. Id-data personali rreġistrata fil-kont se tiġi pproċessata f'konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u se tibqa' modifikabbli, sabiex tkun tista' tiġi aġġornata. L-istqarrija ta' privatezza għall-APPLY4EP hija disponibbli fuq il-paġna ewlenija tagħha.

 

  1. Deskrizzjoni tax-xogħol

Il-missjoni tad-DĠ COMM hija li "jibni r-reputazzjoni tal-Unjoni Ewropea billi juri l-leġittimità demokratika tagħha, inkorporata fil-Parlament Ewropew", peress li l-poter demokratiku u l-influwenza tal-Parlament jistrieħu fuq il-mandat tal-votanti tiegħu fl-Istati Membri kollha. Id-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-UE għandhom impatt qawwi fuq iċ-ċittadini. L-objettiv ewlieni tad-DĠ COMM huwa li jagħti informazzjoni sħiħa u imparzjali liċ-ċittadini u lill-media dwar il-ħidma li jwettaq il-Parlament, u li jagħti s-setgħa liċ-ċittadini biex jinvolvu ruħhom fil-proċess demokratiku Ewropew. Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, id-DĠ COMM għandu diversi mezzi ewlenin biex jikkomunika dwar x'jagħmel u x'jirrappreżenta l-Parlament, inklużi r-relazzjonijiet mal-istampa, l-uffiċċji ta' kollegament fl-Istati Membri, is-servizzi tal-viżitaturi, il-media tradizzjonali u online, in-networks multiplikaturi pubbliċi u privati, komunità ta' ċittadini involuti u influwenzaturi. 

Barra minn hekk, id-DĠ COMM jassisti lill-Membri fl-attivitajiet ta' komunikazzjoni tagħhom u jipprovdi appoġġ espert u pariri lill-awtoritajiet politiċi tal-Parlament fil-qasam tal-komunikazzjoni.

Id-DĠ COMM qed ifittex:

a) Uffiċjali tal-Istampa

b) Maniġers tal-Komunità

Stazzjonati fl-Uffiċċji ta' Kollegament fl-Istati Membri (EPLOs), l-uffiċjali tal-istampa u l-maniġers tal-komunità jistgħu jintalbu jwettqu waħda jew aktar mill-attivitajiet li ġejjin:

 

  1. Dmirijiet

F'konformità mal-programmi u l-prijoritajiet definiti mill-korpi u/jew mill-maniġment tal-Parlament, u fl-ambitu tal-awtorità tal-uffiċjali responsabbli:

a) Uffiċjali tal-Istampa

  • Iħejju, jeditjaw, jippubblikaw u jiddistribwixxu informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Parlament lill-media u/jew lill-pubbliku ġenerali.
  • Jadattaw u jabbozzaw testi fil-lingwa nazzjonali tagħhom u jqassmuhom lill-media rilevanti.
  • Jiżviluppaw relazzjonijiet ġodda mal-media, iżuru soċjetajiet medjatiċi, regolarment jinvolvu lil ġurnalisti u kreaturi tal-kontenut ġodda.
  • Jassistu lill-Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) fil-kuntatti mal-istampa: jorganizzaw laqgħat ta' informazzjoni offline u online, jiżguraw il-preżenza ta' ġurnalisti u jorganizzaw intervisti.
  • Jikkontribwixxu għal kampanji jew azzjonijiet tal-media marbuta ma' prijoritajiet editorjali, proġetti EPLOs u punti ewlenin tal-attività leġiżlattiva tal-Parlament.
  • Jidentifikaw u jimmiraw lill-ġurnalisti u lill-media abbażi tal-interessi, il-kompetenzi u l-istil tagħhom bil-għan li jagħmlulhom offerta ad hoc. Jaġġornaw lill-ġurnalisti dwar l-iżviluppi f'ħin reali permezz ta' applikazzjonijiet ta' messaġġerija istantanja.
  • Jistiednu lill-ġurnalisti għas-sessjonijiet plenarji tal-Parlament jew avvenimenti oħra ta' komunikazzjoni u jassistuhom fil-vjaġġi tagħhom għall-istampa.
  • Jorganizzaw seminars għall-istampa u laqgħat għall-istampa (online, offline u f'forma ibrida) fi Brussell, Strażburgu jew fl-Istati Membri.
  • Javżaw dwar il-possibbiltà ta' diżinformazzjoni/miżinformazzjoni dwar il-Parlament u jgħinu fit-tfassil tar-reazzjonijiet jekk u meta jkun hemm bżonn.
  • Jimmonitorjaw l-istampa nazzjonali u lokali, jipproduċu analiżi tal-media, javżaw dwar żviluppi politiċi u rappurtar utli ieħor.
  • Jippromwovu prodotti, servizzi u faċilitajiet multimedjali disponibbli u jgħinu lill-ġurnalisti li jużawhom.
  • Jikkontribwixxu għall-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja tajba tad-dipartiment, skont ir-regolamenti fis-seħħ.

Għarfien speċifiku mfittex

  • Ħiliet fil-kitba (stqarrijiet għall-istampa, testi għall-pubbliku ġenerali, eċċ.).
  • Għarfien tas-settur tal-ġurnaliżmu, tar-relazzjonijiet mal-media u tal-istrateġiji ta' komunikazzjoni, inkluż it-tħejjija ta' strateġiji għall-media u pjanijiet għall-media.
  • Għarfien tax-xenarju tal-media fl-Istati Membri.
  • Għarfien tax-xejriet tal-komunikazzjoni.
  • Għarfien dwar il-multimedia, il-komunikazzjoni diġitali, l-użu tal-media soċjali fil-ġurnaliżmu u r-relazzjonijiet mal-media.
  • Għarfien ġenerali tal-affarijiet Ewropej.
  • Għarfien tal-proċeduri amministrattivi, baġitarji u ta' ġestjoni fil-qasam rilevanti.

b) Maniġers tal-Komunità

  • Jiġġestixxu u jżommu l-preżenza tal-Parlament fuq il-pjattaformi online kollha kif ukoll iħejju u jippubblikaw kontenut oriġinali u jimmonitorjaw u jimmoderaw materjal ta' partijiet terzi.
  • Jimmonitorjaw u jimmoderaw l-konverżazzjoni tal-media soċjali f'ħin reali biex jidentifikaw it-tħassib pubbliku attwali.
  • Imexxu attivitajiet ta' komunikazzjoni diġitali fl-Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew (EPLOs), u speċifikament jimmonitorjaw, iżommu u jattivaw il-bażi ta' data tal-Ġestjoni tar-Relazzjonijiet mal-Klijenti.
  • Jiżguraw li ssir valutazzjoni tal-impatt fuq l-attivitajiet ta' komunikazzjoni tal-EPLOs u/jew tas-servizzi tal-media.
  • Ifasslu u jiżviluppaw l-istrumenti kollha ta' komunikazzjoni u informazzjoni disponibbli: is-sit web u l-media soċjali, il-koproduzzjonijiet awdjoviżivi, il-pubblikazzjonijiet maħsuba għall-pubbliku ġenerali, eċċ.
  • Ifasslu, jorganizzaw u jimplimentaw attivitajiet ta' komunikazzjoni maċ-ċittadini, il-partijiet ikkonċernati, il-multiplikaturi tal-opinjonijiet, iż-żgħażagħ, is-soċjetà ċivili, l-iskejjel, l-universitajiet, eċċ.
  • Jiġġestixxu u jżommu preżenza għad-dipartiment fin-networks soċjali.

Għarfien speċifiku mfittex

  • Għarfien dwar l-użu tan-networks soċjali.
  • Għarfien dwar it-tekniki ta' komunikazzjoni tal-media fuq l-internet.
  • Għarfien dwar l-għodod analitiċi u ġestjoni bbażata fuq id-data rilevanti għall-qasam tal-attivitajiet, sabiex jiġu identifikati, analizzati u interpretati xejriet jew mudelli f'settijiet kumplessi ta' data.
  • Fehim ta' kwistjonijiet politiċi interni, nazzjonali u internazzjonali.
  • Għarfien dwar l-għodod ta' produzzjoni grafiċi u multimedjali (tat-tip Adobe).
  • Għarfien dwar l-użu tal-media soċjali fil-ġurnaliżmu.
  • Għarfien dwar it-tekniki tal-ġurnaliżmu multimedjali, metodi ta' pubblikazzjoni online, strateġiji editorjali dwar il-media l-ġdida, proċessi ta' distribuzzjoni elettronika u tekniki ta' komunikazzjoni bl-internet.
  • Għarfien tal-media ta' settur ġeografiku wieħed jew aktar fil-pajjiż tal-impjieg.
  • Għarfien tal-proċeduri amministrattivi, baġitarji u ta' ġestjoni fil-qasam rilevanti.

 

  1. Eleġibilità

a. Kriterji ġenerali

  • Il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
  • Il-kandidati jridu jkunu ssodisfaw kwalunkwe obbligu impost fuqhom mil-liġijiet nazzjonali relatati mas-servizz militari.
  • Il-kandidati jridu jipproduċu r-referenzi xierqa dwar il-karattru tagħhom għat-twettiq ta' dmirijiethom.

b. Kriterji speċifiċi

i. Kwalifiki u ħiliet meħtieġa

  • livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti ta' mill-inqas tliet snin attestati b'diploma,

 jew

  • fejn ikun ġustifikat fl-interessi tas-servizz, taħriġ professjonali ta' livell ekwivalenti.

Qabel ma jiġu rreklutati, il-kandidati magħżula li l-ismijiet tagħhom huma inklużi fil-bażi ta' data se jintalbu jipprovdu dokumenti li jissostanzjaw l-informazzjoni li tinsab fil-formola ta' applikazzjoni (diplomi, ċertifikati u dokumenti ġustifikattivi oħrajn).

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru jew f'pajjiż mhux tal-UE, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta' Stat Membru tal-UE, bħall-ministeru tal-edukazzjoni.

Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f'pajjiż mhux tal-UE jeħtiġilhom jipprovdu ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Tista' ssib aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC (https://www.enic-naric.net/).

ii. Għarfien lingwistiku

Il-kandidati jrid ikollhom għarfien tajjeb ħafna (mill-inqas ta' livell C1) ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan jew l-Ungeriż.

u

għarfien tajjeb ħafna (mill-inqas ta' livell B2) tal-Ingliż (lingwa 2). Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1. Jekk il-lingwa 1 tkun l-Ingliż, ikun meħtieġ għarfien sodisfaċenti (livell B2) ta' waħda mit-23 lingwa uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

Jekk jogħġbok kuf af li l-livelli minimi meħtieġa hawn fuq japplikaw għal kull qasam ta' aptitudni lingwistika (taħdit, kitba, qari, smigħ) imsemmija fil-formola tal-applikazzjoni. Dawn il-kapaċitajiet jikkorrispondu għal dawk speċifikati fil-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi (https://europa.eu/europass/common-european-framework-reference-language-skills).

L-applikanti huma infurmati li l-Ingliż bħala l-lingwa 2 għal din il-proċedura biex tiġi stabbilita bażi ta' data ġiet speċifikata fl-interess tas-servizz u, speċifikament, tad-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni. Il-persuni li isimhom huwa inkluż fil-bażi ta' data għandhom ikunu jistgħu jikkomunikaw b'mod effettiv mal-Kwartieri Ġenerali fi Brussell.

Fil-fatt, l-Ingliż huwa l-lingwa li tintuża l-aktar għall-komunikazzjoni fi ħdan u fost l-unitajiet fid-Direttorat Ġenerali. Hija wkoll il-lingwa l-aktar użata fir-relazzjonijiet mad-direttorati l-oħra fid-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni, id-Direttorati Ġenerali l-oħra u l-awtoritajiet politiċi u amministrattivi tal-Parlament.

Barra minn hekk, l-applikazzjonijiet u l-oqfsa eżistenti għall-ġestjoni tal-komunità – il-biċċa l-kbira tas-sistemi u s-software tal-Ġestjoni tar-Relazzjonijiet mal-Klijenti għall-parteċipazzjoni online jużaw l-Ingliż bħala l-lingwa back-end tagħhom u l-applikazzjonijiet ewlenin li jintużaw għat-twettiq tal-kompiti ta' kuljum ta' speċjalista fl-involviment – huma stabbiliti bl-Ingliż.

Għall-Uffiċjali tal-Istampa, il-kuntatti mal-Membri tal-Parlament (MEPs) u l-ġurnalisti minn pajjiżi oħra, kif ukoll l-organizzazzjoni ta' konferenzi stampa, seminars u laqgħat ta' informazzjoni b'dimensjoni transnazzjonali jew pan-Ewropea huma parti mill-kompiti tagħhom ta' kuljum.

Għaldaqstant, sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, il-kandidati rreklutati għandhom ikunu jistgħu jaħdmu u jikkomunikaw b'mod effettiv bl-Ingliż.

Għal raġunijiet ta' trattament indaqs, il-kandidati kollha, anke jekk ikollhom l-Ingliż bħala l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom, huma meħtieġa li jkollhom għarfien sodisfaċenti tat-tieni lingwa, li trid tkun waħda mil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

iii. Esperjenza professjonali meħtieġa

Wara li jkunu kisbu l-kwalifiki msemmija fit-taqsima (4.b.i) hawn fuq, l-applikanti jridu jkunu kisbu mill-inqas sena esperjenza professjonali rilevanti għad-dmirijiet speċifikati fit-taqsima 3.a jew 3.b, hawn fuq.

 

  1. Bażi ta' data

Jekk int

  • tissodisfa l-kriterji ġenerali ta' eliġibbiltà,
  • u mlejt il-formola ta' applikazzjoni permezz tal-pjattaforma APPLY4EP u indikajt il-kodiċijiet b'mod korrett (ara hawn taħt, "Applikazzjonijiet") f'konformità mal-proċedura u sal-iskadenza,

ismek se jiġi inkluż fil-bażi ta' data.

L-inklużjoni ta' ismek se tkun ibbażata biss fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola ta' applikazzjoni u fid-dokumenti mehmuża. Din l-informazzjoni u dawn id-dokumenti se jiġu vverifikati aktar tard, jekk tintbagħatlek offerta ta' reklutaġġ.

Wara li tiġi inkluż fil-bażi ta' data, tista' tiġi mistieden/mistiedna tipparteċipa f'test ta' selezzjoni. Jekk tiġi mistieden/mistiedna għal test ta' selezzjoni, tirċievi aktar informazzjoni dwar in-natura tiegħu f'dak il-mument.

 

  1. Applikazzjonijiet – kif tesprimi l-interess tiegħek?

Il-persuni interessati jeħtiġilhom jimlew il-formola ta' applikazzjoni tagħhom permezz tal-pjattaforma online APPLY4EP. L-espressjonijiet ta' interess jistgħu jintbagħtu biss permezz ta' dik il-pjattaforma.

Ladarba tkun ħloqt il-kont tiegħek, jeħtieġlek ittella' curriculum vitae ddettaljat. Jeħtieġlek tuża l-format tal-Europass (https://europa.eu/europass/select-language?destination=/node/1).

Imbagħad jeħtieġlek timla l-bqija tal-formola tal-applikazzjoni.

Il-kandidati huma mitluba jużaw il-kodiċijiet speċifiċi fl-applikazzjoni tagħhom għall-parti dwar l-Esperjenza Professjonali. Għal kull esperjenza, jekk rilevanti, il-kandidati huma mistiedna jżidu kodiċi wieħed jew aktar fit-taqsima Deskrizzjoni tal-funzjoni biex jenfasizzaw ċerti ħiliet meta jiddeskrivu dik l-esperjenza professjonali. Il-kandidati jistgħu jużaw aktar minn kodiċi wieħed, skont il-formazzjoni tagħhom. Il-kandidati jistgħu jpoġġu l-kodiċi(jiet) għal kull esperjenza fl-aħħar tal-kaxxa tat-test għad-deskrizzjoni tal-funzjoni. Eżempju (ritratt tal-iskrin) ta' kif kodiċi jista' jiżdied mal-applikazzjoni jista' jinstab fil-gwida għall-kandidati. Il-kodiċijiet (eż. [MJ], l-istess bil-lingwi kollha) huma maħsuba biex jippermettu l-identifikazzjoni tal-kandidati b'ħiliet tekniċi u speċifiċi. Kull kodiċi jaqbel ma' ħila speċifika.

Il-kandidati jistgħu jużaw il-kodiċijiet li ġejjin:

Uffiċjali tal-Istampa – Media – Kodiċijiet speċjali li għandhom jintużaw, jekk applikabbli:

  • [MJ] Ġurnaliżmu
  • [MN] Media Nazzjonali
  • [MD] Media Diġitali
  • [MPSO] Organizzazzjoni ta' Seminars għall-Istampa
  • [MRM] Ġestjoni tar-Relazzjonijiet mal-Media
  • [MEU] Affarijiet tal-UE

Maniġers tal-Komunità – Media Soċjali (SM) – Kodiċijiet speċjali li għandhom jintużaw, jekk applikabbli:

  • [SMCM] Ġestjoni tal-Komunità
  • [SMDOLC] Komunikazzjoni Diġitali/Online
  • [SMSMP] Pjattaformi/Ġestjoni tal-Media Soċjali
  • [SMCRM] Ġestjoni tar-Relazzjonijiet mal-Klijenti
  • [SMNEU] Affarijiet Nazzjonali u tal-UE

Din l-informazzjoni trid tiġi ssostanzjata b'dokumenti ġustifikattivi.

Id-data tal-għeluq għall-espressjonijiet ta' interess hija l-15 ta' Marzu 2023. L-applikazzjonijiet li jaslu wara dik id-data mhumiex se jiġu aċċettati.

L-inklużjoni ta' ismek fil-bażi ta' data jew li tgħaddi mit-test ta' selezzjoni mhijiex garanzija li se tiġi offrut/a impjieg. Jekk isir disponibbli kuntratt, is-servizzi ta' reklutaġġ se jikkonsultaw il-bażi ta' data u joħorġu stediniet lil dawk il-kandidati li l-profili tagħhom jaqblu l-aktar mar-rekwiżiti tal-kariga inkwistjoni. Jekk jirriżulta li l-informazzjoni li jkunu pprovdew ma tkunx korretta, il-kandidati jiġu esklużi mill-proċedura u isimhom jitneħħew mill-bażi ta' data.

Il-Parlament Ewropew japplika politika stretta ta' opportunitajiet indaqs fil-proċeduri ta' selezzjoni tiegħu, sabiex jiggarantixxi trattament indaqs tal-kandidati kollha.

Il-kondizzjonijiet tal-impjieg fl-istituzzjonijiet tal-UE huma stipulati fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Id-dettalji kollha dwar l-arranġamenti tax-xogħol jistgħu jinstabu hawn:  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20140501&from=MT (Titolu IV, "Persunal bil-kuntratt")

Mill-1 ta' Lulju 2022, is-salarju bażiku ta' kull xahar kien ta' bejn EUR 3 877.47 u EUR 7 189.80 (grupp ta' funzjonijiet IV) skont it-taħriġ u l-esperjenza professjonali speċifika tal-kandidat.

Il-bażi ta' data se tibqa' valida sal-31 ta' Diċembru 2025. Il-validità tagħha tista' tiġi estiża b'deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra. Jekk tiġi estiża, il-kandidati li isimhom ikun ġie mniżżel fil-lista jiġu informati fi żmien debitu.