Post tax-xogħol : Brussell
Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 20/05/2025 12:00
Servizz : 12-Direttorat Ġenerali għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku
Referenza : PE/327/S/ Assitant dealing with ICT (AST4)
Gwida għall-kandidati : Iddawnlowdja gwida għall-kandidati

AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/327/S

  

MEMBRU TAL-PERSUNAL TEMPORANJU

 

Assistent(a) inkarigat(a) mir-relazzjonijiet tal-ICT (AST 4)

 

 

Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma’ dan l-avviż ta’ reklutaġġ.

 

Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta’ reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri ta’ selezzjoni u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.

 

 

WERREJ

 

 

A.               FUNZJONIJIET U ELEĠIBBILTÀ

  

B.               PROĊEDURA

  

C.               TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

 

ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA’ SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

  

 

A. FUNZJONIJIET U ELEĠIBBILTÀ

 

1.         Kummenti ġenerali

 Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għal tliet pożizzjonijiet ta’ membru tal-persunal temporanju (AST 4) fid-Direttorat Ġenerali għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u ċ-Ċibersigurtà (DĠ ITEC) u fid-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika (DĠ INLO). Il-profil imfittex huwa dak ta’ assistent(a) inkarigat(a) mir-relazzjonijiet tal-ICT.

 

Il-kuntratt se jiġi konkluż għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AST 4, l-ewwel skala, b’salarju bażiku ta’ EUR 5 279.52 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea. Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se jiġu reklutati l-kandidati li jirnexxu madankollu tista’ tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali tagħhom. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f’ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.

 

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

 

 

2.         Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

 Id-Direttorat Ġenerali għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u ċ-Ċibersigurtà (DĠ ITEC) jipprovdi servizzi tal-IT u tal-komunikazzjoni biex jappoġġja l-ħidma tal-Parlament Ewropew. Jiżviluppa u jżomm spazju ta’ ħidma intern multilingwi, filwaqt li jiżgura aċċess sigur għad-dokumenti essenzjali. Id-DĠ ITEC jimmaniġġja s-sistemi tal-IT tal-Parlament, jallinja l-istrateġija ta’ innovazzjoni tiegħu mal-ħtiġijiet istituzzjonali u jissorvelja infrastruttura tal-IT sigura u sostenibbli. Jittratta wkoll il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ dokumenti parlamentari u jikkollabora mal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għall-pubblikazzjonijiet uffiċjali.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika (DĠ INLO) huwa responsabbli mis-sorveljanza teknika u amministrattiva tal-binjiet kollha li jintużaw mill-Parlament fi Brussell, fil-Lussemburgu, fi Strażburgu u fl-uffiċċji ta’ kollegament fl-Istati Membri. Jimmaniġġja kif id-dipartiment jieħu ħsieb it-tagħmir u s-servizzi relatati mal-operat ta’ dawn il-binjiet, inklużi x-xiri, it-trasport, iċ-ċaqliq, is-servizzi tal-messaġġi, il-catering, il-ħwienet, u aktar. Id-DĠ INLO jikkoordina wkoll l-arranġamenti prattiċi għal-laqgħat.

 

Ibbażati fi Brussell, il-persuni reklutati se jingħaqdu ma’ timijiet dinamiċi li jipprovdu servizzi tal-IT lill-utenti finali u jiżguraw l-operat bla xkiel tal-hardware, tas-software u tas-sistemi tan-network billi jsolvu l-problemi, joffru appoġġ tekniku u jimplimentaw aġġornamenti tas-sistema. Huma se jservu bħala l-punt ta’ kuntatt u l-koordinatur fi ħdan l-unità/id-direttorat/id-direttorat ġenerali tagħhom għal proċessi varji tal-IT. Taħt l-awtorità tas-superviżur tagħhom u b’mod konformi mal-programmi u mal-prijoritajiet stabbiliti mill-korpi governattivi tal-Parlament u mill-maniġment rilevanti, l-assistenti inkarigati mir-relazzjonijiet tal-ICT iwettqu attività waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

·         Jipprovdu appoġġ tal-IT tal-ewwel u tat-tieni linja, jimmaniġġjaw it-talbiet tas-servizz, isolvu l-problemi tal-hardware, tas-software u tan-network u jiżguraw li jissolvew fil-ħin.

·         Jimmaniġġjaw il-kontijiet tal-utenti, il-permessi tal-aċċess u l-proċessi ta’ onboarding/terminazzjoni fis-sistemi varji kollha.

·         Jipprovdu taħriġ dwar kwistjonijiet relatati mal-IT, l-aħjar prattiki tas-sigurtà, u gwida għall-utenti għal problemi relatati mal-IT.

·         Jinstallaw, jikkonfiguraw, iżommu u jimmaniġġjaw l-assi tal-hardware (servers, desktops, laptops, tagħmir tan-network) u jiżguraw ġestjoni xierqa tal-inventarji.

·         Jassistu fil-manutenzjoni tal-infrastruttura tas-servers u tan-networks, jimmonitorjaw il-prestazzjoni tas-sistemi, japplikaw patches, isolvu l-problemi u jimplimentaw l-upgrades meħtieġa.

·         Jassistu fid-disinn, fl-iżvilupp u fil-manutenzjoni ta’ applikazzjonijiet dipartimentali u għodod ta’ awtomatizzazzjoni tal-uffiċċju.

·         Ifasslu rapporti dwar il-prestazzjoni tat-tim, ix-xejriet tal-inċidenti u l-effettività tas-servizzi, filwaqt li jissuġġerixxu titjib fil-proċessi u jsegwu l-impatt ta’ għodod u proċeduri ġodda.

·         Jikkomunikaw kunċetti tekniċi b’mod ċar lil utenti mhux tekniċi u jużaw ħiliet ta’ soluzzjoni tal-problemi biex itejbu s-servizz provdut.

·         Jissorveljaw il-koordinazzjoni tat-tim u jiżguraw il-konsistenza fil-proċessi u fil-proċeduri fit-timijiet interni u esterni kollha li jkunu jinsabu f’diversi postijiet, filwaqt li jimmonitorjaw il-prestazzjoni tat-tim u s-servizz provdut biex jinżammu standards ta’ kwalità definiti.

·         Jipprovdu gwida, appoġġ u monitoraġġ tal-prestazzjoni għall-membri tat-tim, filwaqt li jaġixxu bħala punt ta’ eskalazzjoni u jiżguraw l-effettività tal-attivitajiet u tal-eżiti tat-tim.

 

It-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet jeħtieġ ukoll ħiliet ta’ organizzazzjoni u koordinazzjoni eċċellenti, reżiljenza, sens qawwi ta’ responsabbiltà, diplomazija, ħiliet interpersonali tajbin u spirtu qawwi ta’ tim.

 

Il-ħidma tinvolvi vjaġġar bejn il-postijiet tax-xogħol tal-Parlament.

 

 

3.         Rekwiżiti ta’ eleġibbiltà

 Sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, jeħtieġlek tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

 

(a)     Rekwiżiti ġenerali

 

F’konformità mal-Artikolu 12(2) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġlek:

 

–          tkun ċittadin(a) ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

–          tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek,

–          tkun issodisfajt kull obbligu impost fuqek mil-liġijiet dwar is-servizz militari,

–         toffri l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

 

(b)     Rekwiżiti speċifiċi

 

(i)      Kwalifiki meħtieġa

 Irid ikollok:

 

-          livell ta’ edukazzjoni postsekondarja ċċertifikat b’diploma,

 

jew

 

-          livell ta’ edukazzjoni sekondarja ċċertifikat b’diploma li tagħti aċċess għall-edukazzjoni postsekondarja, u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-anqas tliet snin.

 

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru tal-Unjoni jew f’pajjiż ieħor, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-Unjoni, bħall-ministeru għall-edukazzjoni ta’ Stat Membru.

Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE jeħtiġilhom jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki miksuba f’pajjiż mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC, ara: https://www.enic-naric.net.

Il-kumitat ta’ selezzjoni se jqis id-differenzi bejn is-sistemi edukattivi tal-Istati Membri. Eżempji tal-kwalifiki minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella inkluża fil-gwida għall-kandidati.

Il-kandidati li jonqsu milli jehmżu ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom u l-kandidati b’diplomi mhux rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-UE ma jkunux ammessi għall-proċedura ta’ selezzjoni.

 

(ii)        Esperjenza professjonali meħtieġa

 Irid ikollok mill-anqas 6 snin esperjenza professjonali rilevanti għan-natura tal-funzjonijiet, wara li tkun ksibt il-kwalifiki meħtieġa skont (i), li tnejn minnhom iridu jkunu f’istituzzjoni jew korp tal-Unjoni Ewropea u/jew f’amministrazzjoni nazzjonali.

 

(iii)    Għarfien lingwistiku

 Irid ikollok għarfien komplut (livell C1) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż,

 u

 għarfien sodisfaċenti (livell B2) tal-Ingliż jew tal-Franċiż (lingwa 2).

Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1.

  

Il-kandidati huma infurmati li r-rekwiżit tal-lingwa 2 għal din il-proċedura (Ingliż jew Franċiż) ġie stabbilit fl-interessi tas-servizzi. Il-funzjonijiet tal-assistenti inkarigati mir-relazzjonijiet tal-ICT jeħtieġu ħiliet speċifiċi, inkluż fir-rigward tal-monitoraġġ, l-iżgurar ta’ assistenza lil utenti differenti u l-għoti ta’ appoġġ tal-ewwel u tat-tieni linja għal kwistjonijiet relatati mal-IT. Il-membri tal-persunal irreklutati ġodda jeħtiġilhom ikunu kapaċi jifhmu l-kompiti li għandhom jitwettqu, isolvu l-problemi u jikkomunikaw b’mod effettiv mal-utenti, mal-maniġment u mal-kollegi.

 

Il-Parlament Ewropew jimpjega persunal varjat imqassam prinċipalment fil-binjiet tiegħu li jinsabu fi Brussell, fil-Lussemburgu u fi Strażburgu. F’dan il-kuntest multilingwi, l-effettività operattiva tiddependi ħafna mill-użu tal-Franċiż u tal-Ingliż. Dawn iż-żewġ lingwi huma essenzjali biex tiġi żgurata komunikazzjoni bla xkiel u effiċjenti u biex l-attivitajiet ta’ kuljum jitwettqu b’suċċess.

 

L-għarfien ta’ waħda minn dawn il-lingwi huwa essenzjali biex il-persunal ikun jista’ jassumi r-responsabbiltajiet tiegħu b’mod effettiv u jissodisfa l-ħtiġijiet tas-servizz fil-kuntest tal-funzjonijiet li se jkun meħtieġ iwettaq. Il-funzjonijiet imwettqa jinvolvu interazzjoni regolari mal-kollegi, mal-maniġment u mal-interlokuturi esterni li prinċipalment jużaw dawn il-lingwi fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Barra minn hekk, it-taħriġ, il-laqgħat tat-timijiet u l-proċeduri ta’ integrazzjoni għall-persunal il-ġdid isiru prinċipalment bl-Ingliż u bil-Franċiż, u b’hekk tissaħħaħ l-importanza tal-għarfien ta’ mill-anqas waħda minn dawn iż-żewġ lingwi.

 

Fid-DĠ INLO u fid-DĠ ITEC, il-Franċiż huwa l-aktar lingwa li tintuża għall-komunikazzjoni interna, filwaqt li l-Ingliż huwa predominanti fir-relazzjonijiet ma’ direttorati ġenerali oħra u mal-awtoritajiet lokali politiċi u amministrattivi tal-Parlament. Għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż huwa essenzjali peress li l-maġġoranza tad-dokumentazzjoni teknika, tal-manwali tas-software u tar-riżorsi ta’ appoġġ tal-IT huma disponibbli primarjament bl-Ingliż. Barra minn hekk, għarfien sodisfaċenti tal-Franċiż huwa kruċjali għall-fehim tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-Belġju, fi Franza u fil-Lussemburgu kif ukoll għall-interazzjoni mal-fornituri tas-servizzi, mal-amministrazzjonijiet u mal-awtoritajiet lokali.

 

Ir-rekwiżiti lingwistiċi ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni huma għalhekk konformi mal-prattika li ilha stabbilita. Bħala konklużjoni, ir-restrizzjoni tal-lingwa 2 għall-Ingliż u għall-Franċiż f’din il-proċedura ta’ selezzjoni hija ġġustifikata mill-ħtiġijiet operattivi tas-servizz, ir-rekwiżiti tal-pożizzjoni ta’ assistent(a) inkarigat(a) mir-relazzjonijiet tal-ICT u l-prattiki interni tad-direttorati ġenerali sabiex jiġu żgurati effettività u koeżjoni mill-aqwa fi ħdan il-Parlament Ewropew.

 

  

B. PROĊEDURA

 

 Il-proċedura hija bbażata fuq kwalifiki u testijiet.

 

1.       Ammissjoni u evalwazzjoni tal-kwalifiki (l-ewwel stadju)

 (a)     L-Awtorità tal-Ħatra tħejji lista tal-kandidati li jkunu ressqu l-applikazzjonijiet tagħhom fil-forma meħtieġa u sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali stabbiliti fit-Taqsima A, il-punt 3(a). Din il-lista tintbagħat lill-kumitat ta’ selezzjoni flimkien mal-fajls tal-applikazzjoni.

 

(b)     Il-kumitat ta’ selezzjoni jivverifika jekk il-fajls tal-applikazzjoni jkunux jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fit-Taqsima A, il-punt 3(b) (Ammissjoni).

 

(c)     Abbażi ta’ tabella tal-punteġġ imfassla minn qabel, il-kumitat ta’ selezzjoni jevalwa biss il-kwalifiki tal-kandidati magħżula u jfassal lista tal-aħjar 15-il kandidat(a), li jiġu mistiedna għat-testijiet. Il-kumitat ta’ selezzjoni jistieden għat-testijiet lill-kandidati ex aequo għall-aħħar post (evalwazzjoni tal-kwalifiki).

 

Il-kumitat ta’ selezzjoni jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu biss abbażi tal-informazzjoni pprovduta fil-formola tal-applikazzjoni u ssostanzjata minn dokumenti ġustifikattivi (għal aktar dettalji ara l-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew, il-punt 2(3)).

Il-kumitat ta’ selezzjoni, huwa u jwettaq evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati, iqis b’mod partikolari l-aspetti li ġejjin (li għandhom ikunu ssostanzjati b’dokumenti ġustifikattivi mehmuża mal-fajl tal-applikazzjoni):

 

1.      Esperjenza pruvata fl-għoti ta’ appoġġ tal-IT tal-ewwel u tat-tieni linja, fl-immaniġġjar ta’ talbiet mingħand is-servizzi u fis-soluzzjoni ta’ problemi tal-hardware, tas-software u tan-networks.

2.      Ħila murija ta’ mmaniġġjar ta’ kontijiet tal-utenti, permessi tal-aċċess u trattament tal-proċessi ta’ onboarding u terminazzjoni f’diversi sistemi.

3.      Esperjenza fl-għoti ta’ taħriġ u gwida dwar kwistjonijiet relatati mal-IT, l-aħjar prattiki tas-sigurtà u appoġġ għall-utenti.

4.      Esperjenza prattika fl-installazzjoni, fil-konfigurazzjoni u fiż-żamma tal-assi tal-hardware (servers, desktops, laptops, tagħmir tan-networks) bi mmaniġġjar xieraq tal-inventarji.

5.      Esperjenza pruvata fiż-żamma tal-infrastrutturi tas-servers u tan-networks, fis-soluzzjoni ta’ problemi u fl-applikazzjoni ta’ updates u patches meħtieġa.

6.      Esperjenza fl-assistenza bid-disinn, l-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ applikazzjonijiet dipartimentali u għodod ta’ awtomatizzazzjoni tal-uffiċċju.

7.      Ħila fit-tfassil ta’ rapporti dwar il-prestazzjoni tat-tim, ix-xejriet tal-inċidenti u l-effettività tas-servizz, filwaqt li jingħataw suġġerimenti u jiġi segwit it-titjib fil-proċessi.

8.      Ħiliet b’saħħithom ta’ komunikazzjoni biex kunċetti tekniċi jiġu spjegati b’mod ċar lil utenti mhux tekniċi u l-ħila ta’ soluzzjoni tal-problemi biex jittejjeb is-servizz provdut.

9.      Esperjenza pruvata fl-immaniġġjar ta’ timijiet transfunzjonali, iż-żamma tal-konsistenza tal-proċessi u l-iżgurar tal-kwalità tas-servizz.

10.  Esperjenza fil-mentoraġġ ta’ timijiet, fl-immaniġġjar tal-eskalazzjonijiet u fil-monitoraġġ tal-prestazzjoni biex jiġi xprunat it-titjib.

11.  Esperjenza professjonali miksuba f’ambjenti tax-xogħol multikulturali jew multinazzjonali. 

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt

 

2.       Testijiet (it-tieni stadju)

 Test bil-miktub

 a                Test tal-abbozzar bil-lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż) biex jiġu evalwati l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2. u l-kapaċità ta’ abbozzar tiegħek.

 

Tul massimu tat-test: 90 minuta

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (punteġġ minimu meħtieġ: 10 punti)

               

 Test orali

 b               Intervista mal-kumitat ta’ selezzjoni bil-lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż) li tevalwa, filwaqt li tqis l-informazzjoni kollha li jkun hemm fil-fajl tal-applikazzjoni tiegħek, il-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, kif ukoll l-għarfien tiegħek dwar il-Parlament Ewropew.

Il-kumitat ta’ selezzjoni jista’ jiddeċiedi li jeżamina l-għarfien tiegħek ta’ lingwi oħra, kif speċifikat fil-formola tal-applikazzjoni.

 

Tul massimu: 45 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (punteġġ minimu meħtieġ: 20 punt).

 

Dawn it-testijiet jistgħu jsiru jew bi preżenza fiżika jew b’mod remot.

 

Fi żmien debitu, tirċievi l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet bil-miktub u orali. Jeħtieġlek issegwi l-istruzzjonijiet bl-akbar reqqa. Kwalunkwe nuqqas ta’ rispett tal-istruzzjonijiet jew kwalunkwe mġiba mhux konformi mal-istruzzjonijiet iwasslu għall-iskwalifika immedjata tiegħek.

  

3.         Lista ta’ kandidati idonei

 Il-lista ta’ kandidati idonei tinkludi, skont l-ordni tal-mertu, l-ismijiet tad-disa’ kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta’ punti fil-proċedura kollha (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet) u li jkunu laħqu l-punteġġ minimu meħtieġ f’kull wieħed minn dawn it-testijiet.

 

Il-kandidati jiġu infurmati individwalment bil-miktub dwar ir-riżultati tagħhom.

 

Il-lista ta’ kandidati idonei tiġi ppubblikata fuq l-intranet tal-Parlament.

 

Il-lista ta’ kandidati idonei tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru 2028. Il-validità tagħha tista’ tiġi prorogata permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. F’dan il-każ, il-kandidati mniżżlin fil-lista ta’ kandidati idonei jiġu infurmati fi żmien debitu.

 

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

 

Biex tapplika, irid ikollok kont fuq il-pjattaforma Apply4EP: https://apply4ep.gestmax.eu/search/index/lang/mt_MT.

 

Jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel ma timla l-formola tal-applikazzjoni tiegħek.

 

Data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet

 

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

 

 

is-20 ta’ Mejju 2025, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.