AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/321/2025/S/ITEC
MEMBRU TAL-PERSUNAL TEMPORANJU
Amministratur/triċi ġurist(a) (AD 7)
Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew annessa ma’ dan l-avviż ta’ reklutaġġ.
Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta’ reklutaġġ, tiddeskrivi r-regoli marbuta mal-proċeduri ta’ selezzjoni u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.
WERREJ
A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA’ ELEĠIBBILTÀ
B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA’ SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW
A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA’ ELEĠIBBILTÀ
1. Kummenti ġenerali
Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għall-pożizzjoni ta’ membru tal-persunal temporanju, fil-grad AD 7, fid-Direttorat Ġenerali għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku (DĠ ITEC). Il-post tax-xogħol ikun Brussell.
Il-profil imfittex huwa dak ta’ Amministratur/triċi ġurist(a).
Il-kuntratt se jibqa’ fis-seħħ għal tul ta’ żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 7, l-ewwel skala, b’salarju bażiku ta’ EUR 7 559.72 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa tal-Unjoni u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se tiġi reklutata l-persuna li tintgħażel madankollu tista’ tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta’ din il-persuna. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f’ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.
Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.
2. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet
Id-Direttorat Ġenerali għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku (DĠ ITEC) jipprovdi servizzi komprensivi tal-IT u tal-komunikazzjoni biex jappoġġja l-attivitajiet leġiżlattivi u amministrattivi tal-Parlament Ewropew. Jiżgura l-iżvilupp u ż-żamma ta’ spazju ta’ xogħol intern multilingwi, li jagħti lill-Membri u lill-persunal aċċess sigur għal dokumenti u informazzjoni essenzjali f’kull ħin u kullimkien. Barra minn hekk, id-DĠ ITEC huwa responsabbli għat-tfassil, l-iżvilupp u l-ġestjoni tas-sistemi tal-IT tal-Parlament, b’konformità ma’ strateġija ta’ innovazzjoni li tindirizza l-ħtiġijiet tal-Membri, il-gruppi politiċi, id-direttorati ġenerali, l-Ombudsman Ewropew u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
Id-DĠ ITEC jissorvelja wkoll l-implimentazzjoni ta’ strateġija teknika sigura u sostenibbli għall-infrastruttura tal-IT u tat-telekomunikazzjoni tal-Parlament. Barra minn hekk, jamministra l-produzzjoni u t-tqassim elettroniku tad-dokumenti parlamentari u jikkollabora mal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet f’dik li hija l-pubblikazzjoni uffiċjali ta’ testi leġiżlattivi u dokumenti oħra.
Filwaqt li se tkun ibbażata fi Brussell, il-persuna reklutata bħala amministratur/triċi ġurist(a) se tkun mistennija tivvjaġġa regolarment bejn it-tliet postijiet tax-xogħol normali tal-Parlament (Brussell, il-Lussemburgu u Strażburgu) u bnadi oħra. Il-persuna reklutata bħala amministratur/triċi ġurist(a) se taħdem b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-maniġment superjuri u diversi dipartimenti fi ħdan id-DĠ ITEC, kif ukoll mad-direttorati ġenerali l-oħra fis-Segretarjat u, meta jkun meħtieġ, mal-Membri tal-Parlament Ewropew. Il-persuna reklutata bħala amministratur/triċi ġurist(a) se twettaq, taħt l-awtorità tas-superviżur dirett u fil-kuntest tal-programmi u l-prijoritajiet definiti mill-korpi parlamentari u mill-ġerarkija tagħhom, il-kompiti partikolari li ġejjin:
– tipprovdi gwida lill-maniġment dwar il-kwistjonijiet legali u amministrattivi kollha li għandhom x’jaqsmu mal-entità, filwaqt li tipprovdi analiżi u interpretazzjoni dettaljati ta’ leġiżlazzjoni u ġurisprudenza kumplessi;
– tikteb studji, noti u sommarji u tanalizza, tfassal u tipprepara l-abbozzi ta’ regoli fil-qasam ta’ kompetenza tagħha u dwar is-suġġetti kollha relatati mal-ġestjoni tad-dipartiment fuq talba tal-maniġment superjuri;
– takkumpanja/tirrappreżenta lill-maniġment superjuri f’laqgħat ta’ livell għoli u fi gruppi ta’ ħidma interni kif ukoll esterni, filwaqt li tiżgura l-komunikazzjoni u l-promozzjoni effettivi tal-interessi tal-entità;
– tiżgura li d-dipartimenti rilevanti jimplimentaw il-kompiti amministrattivi sal-iskadenza, iżżomm kuntatt mad-diversi partijiet, iżżommhom infurmati u tikkoordina l-kontributi tagħhom;
– tfassal u/jew tivverifika d-dokumenti li permezz tagħhom il-Parlament jidħol f’impenji u li x’aktarx issir referenza għalihom f’każ ta’ tilwim;
– tipparteċipa bħala membru ta’ kumitati jew korpi amministrattivi, u tirrappreżenta lill-Parlament f’ċerti korpi; tappoġġja lid-dipartimenti operattivi kif meħtieġ fit-twettiq ta’ attivitajiet/proġetti speċifiċi;
– tkun responsabbli mit-tħejjija u l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ akkwist pubbliku;
– tittratta talbiet ta’ aċċess pubbliku sensittivi/kumplessi għad-dokumenti tad-DĠ ITEC, wara proċessar konġunt mas-sid tal-proġett rispettiv u b’kooperazzjoni mill-qrib mad-Direttorat Ġenerali għall-Presidenza (DĠ PRES).
Dawn il-kompiti jeżiġu rigorożità, ħiliet ta’ komunikazzjoni, sens qawwi ta’ kunfidenzjalità, ħila ta’ analiżi u sinteżi, kapaċità ta’ antiċipazzjoni, diplomazija u ħiliet interpersonali eċċellenti ma’ interlokuturi fi kwalunkwe livell. Il-kandidati jeħtiġilhom ikunu kapaċi juru inizjattiva u motivazzjoni qawwija. Jeħtiġilhom ikunu kapaċi jaħdmu b’mod intensiv fuq bażi regolari, kemm b’mod awtonomu kif ukoll f’tim, u jadattaw għal ambjent tax-xogħol multikulturali u multilingwi.
3. Eleġibbiltà
Sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, jeħtieġ li tkun issodisfajt ir-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi ta’ eleġibbiltà li ġejjin:
(a) Rekwiżiti ġenerali
Skont l-Artikolu 12(2) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li:
– tkun ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;
– tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek;
– tkun issodisfajt kull obbligu impost fuqek mil-liġijiet dwar is-servizz militari;
– tista’ toffri l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.
(b) Rekwiżiti speċifiċi
(i) Kwalifiki meħtieġa
· livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma attestati b’diploma fil-qasam tal-liġi, meta t-tul ta’ żmien normali tal-istudji universitarji jkun erba’ snin jew iżjed;
jew
· livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma attestati b’diploma fil-qasam tal-liġi u esperjenza professjonali rilevanti skont id-deskrizzjoni tal-funzjonijiet (Taqsima A.2.) ta’ mill-anqas sena meta t-tul ta’ żmien normali tal-istudji universitarji jkun ta’ mill-anqas tliet snin. Din is-sena ta’ esperjenza professjonali mhux se titqies meta jiġi kkalkulat it-tul ta’ żmien meħtieġ ta’ esperjenza professjonali speċifikat fil-punt 3(b)(ii).
Id-diplomi, kemm dawk maħruġa fi Stat Membru kif ukoll dawk maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE, iridu jkunu rikonoxxuti minn korp uffiċjali, bħall-ministeru tal-edukazzjoni, ta’ Stat Membru tal-UE.
Il-kandidati li għandhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE se jintalbu jipprovdu ċertifikat li jattesta l-ekwivalenza tal-UE tad-diplomi tagħhom jekk jirċievu offerta ta’ reklutaġġ. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba f’pajjiżi mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC, ikkonsulta din il-link: https://www.enic-naric.net. Il-kumitat ta’ selezzjoni se jqis id-differenzi bejn is-sistemi edukattivi tal-Istati Membri. Eżempji tal-kwalifiki minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella inkluża fil-Gwida għall-kandidati. Il-kandidati li sussegwentement ma jippreżentawx attestazzjoni tal-ekwivalenza tal-UE tad-diplomi tagħhom u/jew il-kandidati b’diplomi mhux rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-UE mhux se jiġu ammessi għall-proċedura ta’ selezzjoni.
(ii) Esperjenza professjonali meħtieġa
Wara li tkun ksibt il-kwalifiki li jagħtu aċċess għall-proċedura ta’ selezzjoni (ara l-punt (i) hawn fuq), jeħtieġ li tkun ksibt l-esperjenza professjonali li ġejja:
· mill-anqas erba’ snin esperjenza professjonali rilevanti għall-kompiti speċifikati fit-taqsima A.2., li sentejn minnhom iridu jkunu f’amministrazzjoni nazzjonali jew f’istituzzjoni jew korp tal-Unjoni Ewropea.
(iii) Għarfien lingwistiku
Jeħtieġ li l-kandidati jkollhom għarfien komplut (mill-anqas livell C1) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan jew l-Ungeriż;
u
għarfien sodisfaċenti (mill-anqas livell B2) tal-Ingliż jew tal-Franċiż (lingwa 2).
Jekk il-lingwa 1 tiegħek hija l-Ingliż jew il-Franċiż, jeħtieġ li jkollok għarfien sodisfaċenti (mill-anqas livell B2) ta’ kwalunkwe waħda mit-23 lingwa uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1.
L-għażliet lingwistiċi għal din il-proċedura ta’ selezzjoni, jiġifieri l-Ingliż u l-Franċiż, ġew stabbiliti fl-interess tas-servizz. Fid-dawl tal-kompiti involuti, il-pożizzjoni ta’ Amministratur/triċi ġurist(a) teżiġi kapaċitajiet speċifiċi: ħiliet analitiċi, ta’ abbozzar, ta’ superviżjoni teknika u ta’ ġestjoni amministrattiva. Għalhekk jeħtieġ li l-persuna li tintgħażel bħala membru ġdid tal-persunal tkun kapaċi tifhem il-kompiti li għandhom jitwettqu, tindirizza l-problemi u tikkomunika b’mod effettiv ma’ interlokuturi esterni u mal-maniġment u l-kollegi.
L-għarfien ta’ mill-anqas waħda minn dawn iż-żewġ lingwi huwa essenzjali biex il-persuna li tintgħażel bħala membru tal-persunal tkun tista’ tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha u l-ħtiġijiet tas-servizz, b’mod partikolari biex tiżviluppa relazzjonijiet tax-xogħol mal-partijiet ikkonċernati li prinċipalment jitkellmu bl-Ingliż jew bil-Franċiż. Dan huwa kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi u jitwettqu l-proġetti speċifiċi għad-Direttorat Ġenerali għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku (DĠ ITEC), fejn l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi ta’ ħidma ewlenin.
Il-Franċiż huwa l-lingwa użata l-aktar għall-komunikazzjoni interna fi ħdan u fost l-unitajiet tad-direttorat li fih il-persuna reklutata se tiġi assenjata. Fl-istess ħin, l-Ingliż huwa l-lingwa li tintuża l-aktar fir-relazzjonijiet mad-direttorati l-oħra fid-DĠ ITEC, kif ukoll mad-direttorati ġenerali l-oħra u mal-awtoritajiet politiċi u amministrattivi tal-Parlament, b’mod partikolari fir-rigward tal-abbozzar tad-dokumenti u l-parteċipazzjoni f’diskussjonijiet strateġiċi.
L-Ingliż u l-Franċiż jintużaw ukoll waqt il-laqgħat tal-Forum tal-Akkwisti Pubbliċi, li fih se tkun qed tipparteċipa b’mod attiv il-persuna li tintgħażel minn fost il-kandidati. Għarfien tajjeb tal-Franċiż huwa essenzjali wkoll għal fehim xieraq tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fi Franza, fil-Belġju u fil-Lussemburgu. Ir-rwol jeħtieġ ukoll l-abbozzar ta’ dokumenti legali, it-tħejjija ta’ studji u s-sinteżi ta’ kunċetti legali kumplessi, li kollha jridu jiġu kkomunikati b’mod ċar u preċiż. Ħafna mill-komunikazzjonijiet interni u esterni, it-testi leġiżlattivi, l-aġġornamenti tal-ġurisprudenza u l-linji gwida proċedurali huma disponibbli primarjament f’dawn iż-żewġ lingwi. Għalhekk, livell għoli ta’ profiċjenza fl-Ingliż u/jew fil-Franċiż huwa fundamentali biex jiġu żgurati interpretazzjoni preċiża, konformità u xogħol ta’ kwalità għolja.
Id-DĠ ITEC jagħmel enfasi konsiderevoli fuq il-komunikazzjoni effettiva fost il-persunal tiegħu biex jiżgura kollaborazzjoni bla xkiel u effiċjenza operattiva. B’riżultat ta’ dan, l-avviżi kollha ta’ pożizzjonijiet vakanti tad-DĠ ITEC, kemm dawk interni kif ukoll dawk esterni, jeħtieġu li l-kandidati jkollhom livell għoli ta’ profiċjenza f’waħda minn dawn iż-żewġ lingwi u għarfien prattiku tajjeb tal-oħra. Il-profiċjenza f’mill-anqas waħda minn dawn il-lingwi se tippermetti lill-persuna li tintgħażel minn fost il-kandidati twettaq il-kompiti b’mod effiċjenti f’diversi kuntesti lingwistiċi u tintegra bis-sħiħ fl-ambjent divers u multilingwi tal-Parlament Ewropew.
B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA
Il-proċedura hija organizzata abbażi ta’ kwalifiki u testijiet.
1. Ammissjoni u evalwazzjoni tal-kwalifiki (l-ewwel fażi)
(a) L-awtorità tal-ħatra se tistabbilixxi lista ta’ applikanti li jkunu ppreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom fil-forma meħtieġa sad-data tal-għeluq u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fit-Taqsima A.3(a). Din il-lista se tintbagħat lill-kumitat ta’ selezzjoni flimkien mal-fajls tal-applikazzjoni.
(b) Il-kumitat ta’ selezzjoni se jivverifika jekk il-fajls tal-applikazzjoni tal-kandidati jissodisfawx ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fit-Taqsima A.3(b) – Ammissjoni.
(c) Abbażi ta’ tabella tal-marki definita minn qabel, il-kumitat ta’ selezzjoni se jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati eleġibbli kollha (ara l-punt B.1(b) hawn fuq) u jfassal lista tal-aħjar sitt kandidati eleġibbli, li se jiġu mistiedna għat-testijiet. Il-kumitat ta’ selezzjoni se jistieden lill-kandidati kollha li jkunu ġew ex aequo fl-aħħar post – Evalwazzjoni tal-kwalifiki.
Il-kumitat ta’ selezzjoni se jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li trid tkun appoġġjata minn dokumenti ġustifikattivi, ippreżentati flimkien mal-formola tal-applikazzjoni u fl-istess ħin magħha (għal aktar dettalji, ara l-Gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew, il-punt 3.3).
Waqt l-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati, il-kumitat ta’ selezzjoni se jqis b’mod partikolari l-aspetti li ġejjin:
- il-kwalifiki u d-diplomi;
- l-esperjenza fir-rappreżentazzjoni/fl-akkumpanjament tal-maniġment superjuri f’laqgħat ta’ livell għoli u fi gruppi ta’ ħidma interni kif ukoll esterni;
- l-esperjenza fl-għoti ta’ konsulenza lill-maniġment dwar kwistjonijiet legali u amministrattivi kumplessi, partikolarment fil-kuntest tal-qafas istituzzjonali tal-UE, b’enfasi fuq analiżi u interpretazzjoni dettaljati ta’ leġiżlazzjoni u ġurisprudenza kumplessi relatati mal-liġi tal-IT u l-akkwist pubbliku tal-IT tal-UE;
- l-esperjenza fit-tħejjija ta’ dokumenti relatati ma’ impenji parlamentari u kwistjonijiet sensittivi oħra;
- il-ħiliet ta’ komunikazzjoni b’saħħithom, kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub, bil-kapaċità li jitwasslu b’mod konċiż kunċetti u informazzjoni legali kumplessi lil diversi partijiet ikkonċernati, inklużi l-maniġment superjuri u l-entitajiet esterni;
- esperjenza fl-abbozzar ta’ studji, noti u sommarji legali ta’ kwalità għolja u fit-tħejjija ta’ analiżijiet legali u amministrattivi komprensivi u abbozzi ta’ regoli fuq talba tal-maniġment superjuri;
- l-esperjenza fit-tmexxija ta’ kumitati tal-ftuħ u tal-evalwazzjoni tal-offerti u l-parteċipazzjoni attiva fihom;
- l-esperjenza fil-koordinazzjoni ta’ inputs minn diversi partijiet ikkonċernati u ż-żamma ta’ komunikazzjoni regolari biex jiġi żgurat li l-proġetti jimxu bla xkiel;
- l-esperjenza fit-tħejjija ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku u l-parteċipazzjoni fihom;
- l-esperjenza f’ambjent multikulturali u multilingwi, u l-pussess ta’ ħiliet interpersonali eċċellenti ma’ interlokuturi fi kwalunkwe livell.
Kull kriterju se jiġi mmarkat fuq skala (minn 1 sa 5). Il-kandidati se jiġu vvalutati fuq il-punteġġ globali tagħhom biex tiġi ddeterminata l-adegwatezza tagħhom għall-pożizzjoni.
Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.
Se tiġi infurmat(a) b’email dwar jekk il-kumitat ta’ selezzjoni ddeċidiex li jaċċettak għat-testijiet abbażi tal-eleġibbiltà tiegħek u l-punti miksuba fl-evalwazzjoni tal-kwalifiki.
2. Testijiet (it-tieni fażi)
Bl-għan li jevalwa jekk il-kandidati għandhomx l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex iwettqu l-kompiti deskritti hawn fuq, il-kumitat ta’ selezzjoni se jorganizza t-testijiet li ġejjin:
Test bil-miktub
(a) Test tal-abbozzar bl-Ingliż jew bil-Franċiż, abbażi ta’ fajl, biex jiġu vvalutati kemm il-kapaċità tiegħek li twettaq il-kompiti deskritti fit-Taqsima A.2, kif ukoll il-ħiliet ta’ abbozzar tiegħek.
Durata tat-test: massimu ta’ 90 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (minimu meħtieġ: 10 punti).
Dan it-test jista’ jsir wiċċ imb wiċċ jew online.
Test orali
(b) Intervista mal-kumitat ta’ selezzjoni bl-Ingliż jew bil-Franċiż, sabiex tiġi vvalutata l-idoneità tiegħek biex twettaq il-kompiti deskritti fit-Taqsima A.2.
Durata massima tat-test: massimu ta’ 45 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).
Dan it-test jista’ jsir wiċċ imb wiċċ jew online.
Se tirċievi l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet fi żmien xieraq. Jeħtieġ li ssegwi l-istruzzjonijiet kelma b’kelma. Kwalunkwe nuqqas ta’ rispett tal-istruzzjonijiet u kwalunkwe mġiba mhux konformi mal-istruzzjonijiet iwasslu għall-iskwalifika immedjata tal-kandidat.
3. Lista ta’ kandidati idonei
Il-kumitat ta’ selezzjoni se jfassal lista ta’ kandidati idonei, li se tinkludi, f’ordni alfabetiku, l-ismijiet tat-tliet kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta’ punti fil-proċedura kollha (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet), dment li jkunu ġabu l-marka minima biex jgħaddu fiż-żewġ testijiet. Il-lista se tinkludi l-kandidati kollha li jkunu ġew ex aequo fl-aħħar post.
Se tiġi infurmat(a) bil-miktub dwar ir-riżultati tiegħek.
Il-lista ta’ kandidati idonei se tiġi ppubblikata fuq is-sit web uffiċjali tal-Parlament Ewropew.
Il-lista ta’ kandidati idonei se tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2028. Il-validità tagħha tista’ tiġi prorogata permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra. F’dan il-każ, il-kandidati mniżżla fil-lista se jiġu infurmati fi żmien debitu.
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
Jeħtieġ li l-applikazzjoni ssir permezz tal-pjattaforma Apply4EP: https://apply4ep.gestmax.eu/search
Aqra sew il-Gwida għall-kandidati għall-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel ma timla l-formola tal-applikazzjoni.
Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:
l-4 ta Frar 2025, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell