Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 12/04/2024 12:00
Servizz : 00-Parlament Ewropew
Ref. : COMPETITION PE/AD/300/2024 (AD 6)
Gwida għall-kandidati : Guide for candidates

KOMPETIZZJONI PE/AD/300/2024

  

Amministraturi ta’ ċittadinanza Awstrijaka (AD 6)

 

Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma’ dan l-avviż ta’ kompetizzjoni. Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta’ kompetizzjoni, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.

 

WERREJ

 

A.               DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA’ ELEĠIBBILTÀ

 

B.               ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA

 

C.               TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

 

ANNESS:     GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-KOMPETIZZJONIJIET MIFTUĦA/FIL-PROĊEDURI TA’ SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

                         

 

A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA’ ELEĠIBBILTÀ

 

1.       Kummenti ġenerali

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi kompetizzjoni miftuħa (grad AD 6) biex ifassal lista ta’ kandidati idonei li minnha jkun jista’ jirrekluta ċittadini tar-Repubblika tal-Awstrija.

Il-profil imfittex huwa dak ta’ amministratur/triċi għas-Segretarjat tal-Parlament Ewropew b’numru ta’ kandidati idonei previst għal 30.

Din il-kompetizzjoni hija organizzata skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u abbażi tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Novembru 2022 li ddaħħal fis-seħħ lill-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal bl-adozzjoni tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implimentazzjoni (minn hawn ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Bureau”; disponibbli fuqhttps://circabc.europa.eu/ui/group/47001db4-d61c-4677-af45-0b5ce0d388fc/library/55a654c7-f358-44cb-b527-a2baa4dd5e71/details). 

Skont l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, “Ir-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali tal-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità, magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni. L-ebda pożizzjoni ma tkun riservata għal ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku.” Ir-reklutaġġ tal-persunal tal-Parlament Ewropew fuq bażi ġeografika kemm jista’ jkun wiesgħa huwa preokkupazzjoni kostanti tal-istituzzjoni bil-għan li tiggarantixxi servizz pubbliku tal-UE msejjes fuq ir-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika. In-natura pluralistika tal-Parlament hija parti importanti tad-dehra u tal-missjoni tal-istituzzjoni. Koorti ġeografikament ibbilanċjata ta’ membri tal-persunal tippermetti lill-Parlament jislet vantaġġ sħiħ mid-diversità tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, jeżistu żbilanċi sinifikanti fis-Segretarjat tal-Parlament bejn in-nazzjonalitajiet fost l-uffiċjali li ma jkunux ġustifikati minn kriterji oġġettivi. Biex jindirizza tali żbilanċi, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, kif ukoll l-awtoritajiet tal-Istati Membri, eżaminaw diversi strateġiji ta’ komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni. Sfortunatament, dawn l-inizjattivi ma tawx ir-riżultati mixtieqa, b’mod partikolari f’termini ta’ attrazzjoni ta’ aktar kandidati mill-Istati Membri li huma sottorappreżentati.

Skont l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-prinċipju ta’ ugwaljanza taċ-ċittadini tal-Unjoni jippermetti lil kull istituzzjoni tadotta miżuri xierqa b’segwitu għall-osservazzjoni ta’ żbilanċ sinifikanti bejn in-nazzjonalitajiet fost l-uffiċjali li jkunx ġustifikat minn kriterji oġġettivi.

L-adozzjoni, fil-21 ta’ Novembru 2022, min-naħa tal-Bureau tal-Parlament tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implimentazzjoni li jdaħħlu fis-seħħ lill-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tippermetti lill-Parlament jadotta miżuri xierqa biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi sinifikanti bejn in-nazzjonalitajiet fost l-uffiċjali tiegħu. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, jekk il-Bureau josserva żbilanċ sinifikanti fil-kompożizzjoni tal-uffiċjali ta’ nazzjonalità waħda jew iktar, is-Segretarju Ġenerali jista’ jorganizza kompetizzjonijiet riżervati għall-kandidati ta’ dawn in-nazzjonalitajiet sottorappreżentati. B’hekk, ir-riżerva ta’ kandidati idonei minn dawk il-pajjiżi se tikber, u l-Parlament ikun f’pożizzjoni li jirrekluta abbażi tal-aktar bilanċ ġeografiku wiesa’ possibbli.

Ir-Repubblika tal-Awstrija hija wieħed minn dawk l-Istati Membri li ċ-ċittadini tagħhom huma sottorappreżentati bl-aktar mod sinifikanti fost l-uffiċjali tas-Segretarjat tal-Parlament. Barra minn hekk, l-istruttura tal-età tal-koorti ta’ uffiċjali ta’ ċittadinanza Awstrijaka tfisser li numru sinifikanti se jirtira bil-pensjoni fis-snin li ġejjin, fatt li se jkompli jiggrava l-livell ta’ sottorappreżentanza.

Għandu jiġi nnutat li l-Parlament jirrispetta b’mod rigoruż il-prinċipju skont liema r-reklutaġġi jsiru abbażi tal-mertu. L-ebda pożizzjoni ma għandha tkun riżervata għal ċittadini ta’ xi Stat Membru partikolari u l-lista ta’ kandidati idonei li tirriżulta minn din il-kompetizzjoni se tkun fuq livell ta’ parità mal-listi ta’ kandidati idonei kollha l-oħra tal-Parlament u tal-EPSO.

Il-maġġoranza sinifikanti tal-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew hija bbażata Brussell, il-Lussemburgu u Strażburgu (il-postijiet tax-xogħol ewlenin tal-Parlament) skont il-bżonnijiet tas-servizzi tal-Parlament. Dawn l-impjiegi jistgħu jirrikjedu missjonijiet bejn il-postijiet tax-xogħol tal-Parlament Ewropew. 

Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 6, l-ewwel skala, b’salarju bażiku ta’ EUR 6 231,42  fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mir-Regolamenti tal-Persunal. Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se jiġu reklutati l-kandidati idonei madankollu tista’ tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali tagħhom. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f’ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

 

2.       Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

L-amministraturi fis-Segretarjat tal-Parlament Ewropew jaħdmu f’firxa wiesgħa ta’ oqsma. Jaqdu funzjonijiet ta’ ġestjoni, ippjanar u riċerka li jistgħu jinkludu, skont id-dipartiment fis-Segretarjat li fih jintbagħat il-kandidat idoneu, attività waħda jew iktar fost dawn li ġejjin:

(a)        Fil-qasam tal-konsulenza u tal-appoġġ mogħtija lill-Membri tal-Parlament Ewropew u lill-korpi parlamentari:

            ifasslu previżjonijiet tax-xogħol fit-terminu qasir, medju u twil għall-korpi parlamentari, u jieħdu ħsieb il-ġestjoni ta’ dak ix-xogħol;

            jittrattaw il-kwistjonijiet li jqumu f’korp parlamentari u jikkontribwixxu, permezz ta’ rapporti, analiżijiet u riċerka speċjalizzata, għat-tfassil u għall-istabbiliment tal-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew;

            jistabbilixxu networks ta’ kuntatti, b’mod partikolari bejn il-Membri tal-PE u l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE kif ukoll ċrieki ekonomiċi u soċjali fl-Istati Membri;

            jgħinu fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti esterni (konferenzi, seminars, eċċ.) u jitkellmu fil-pubbliku.

(b)        Fil-qasam tal-ġestjoni tar-riżorsi:

            jgħinu fil-ġestjoni tal-persunal tal-Parlament, anki billi jivvalutaw il-bżonnijiet f’termini ta’ riżorsi umani, ifasslu d-deskrizzjonijiet tal-funzjonijiet, jipproġettaw, jiġġestixxu u jimmonitorjaw il-programmi ta’ taħriġ, japplikaw u jinfurzaw ir-Regolamenti tal-Persunal, jissorveljaw u jikkoordinaw proġetti speċifiċi u jżommu kuntatti mad-dipartimenti involuti u/jew mad-dipartimenti korrispondenti fil-livell interistituzzjonali;

            jgħinu fil-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji tal-Parlament, pereżempju billi jikkontribwixxu għat-tfassil tal-previżjonijiet tal-baġit, jimmonitorjaw, jikkoordinaw u jikkontrollaw il-ġestjoni tal-baġit u tal-kuntratti, jorganizzaw u jwettqu kontrolli finanzjarji interni u jiżguraw li l-proċeduri u l-kanali finanzjarji jkunu konsistenti mar-Regolament Finanzjarju tal-UE u mar-regoli ta’ implimentazzjoni rilevanti. 

(c)        Fil-qasam tad-dritt: 

            isegwu l-iżviluppi fil-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni Ewropea u jinfurmaw lid-dipartimenti fis-Segretarjat;

            isegwu l-kwistjonijiet politiċi ewlenin fid-dawl tar-riperkussjonijiet ġuridiċi tagħhom;

            jiktbu studji, noti u sommarji;

            janalizzaw, iħejju u jippreparaw l-abbozzi ta’ regoli fil-qasam ta’ kompetenza tagħhom u dwar is-suġġetti kollha relatati mal-ġestjoni tad-dipartiment fuq talba tal-maniġment superjuri;

            jistudjaw u jimmonitorjaw ir-regoli u l-ġurisprudenza, jinfurmaw u jagħtu konsulenza lill-maniġment u lid-dipartimenti dwar l-iżviluppi regolatorji u ċerti każijiet speċifiċi;

            jiżguraw il-kwalità fl-abbozzar tal-atti mil-lat ġuridiku.

(d)        Fil-qasam tal-politika ta’ informazzjoni u komunikazzjoni:

            jippreparaw, jabbozzaw, jippubblikaw u jxerrdu fil-mezzi ta’ komunikazzjoni u lill-pubbliku ġenerali informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Parlament Ewropew, anki billi jabbozzaw stqarrijiet għall-istampa, jassistu u jinfurmaw lir-rappreżentanti tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, jassistu lill-Membri fir-relazzjonijiet tagħhom mal-istampa (konferenzi stampa, eċċ.);

            jorganizzaw u jmexxu seminars dwar il-kwistjonijiet Ewropej għall-multiplikaturi ta’ opinjoni;

            jippreparaw u jissorveljaw l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni, anki billi jipproġettaw, jorganizzaw u/jew jieħdu sehem f’avvenimenti intiżi li jissensibilizzaw il-pubbliku, jorganizzaw u jieħdu ħsieb iż-żjarat (tal-gruppi jew tal-individwi), jagħtu konferenzi, ifasslu u jadattaw il-materjali ta’ komunikazzjoni, eċċ.

(e)        Fil-qasam tal-informatika, tas-sigurtà informatika u tas-sigurtà:

            jgħinu fid-definizzjoni tal-istandards informatiċi, iwettqu kompiti ta’ viġilanza teknoloġika u jagħtu konsulenza teknika f’dan il-qasam;

            ifasslu, jiddefinixxu, jippersonalizzaw, jimplimentaw u jissorveljaw il-proċessi ta’ ġestjoni tas-servizzi informatiċi kif ukoll it-titjib kostanti tagħhom;

            jiżviluppaw l-istandards tas-sigurtà informatika u l-linji gwida għall-implimentazzjoni tagħhom, li jkopru l-persuni, il-proprjetà u l-informazzjoni;

            janalizzaw it-theddid u r-riskji kollha għas-sigurtà marbuta mal-interessi u mal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet;

            jimplimentaw il-proċeduri ta’ valutazzjoni tat-theddid u ta’ analiżi tar-riskji b’rabta mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew mal-proċeduri organizzattivi/operattivi għal sistemi kumplessi, fosthom is-sistemi informatiċi;

            jimplimentaw u jissorveljaw il-koordinament tas-servizzi tas-sigurtà operattiva, pereżempju l-prevenzjoni u s-sorveljanza, is-servizzi ta’ superviżjoni bi gwardji tas-sigurtà, is-servizzi ta’ protezzjoni mill-qrib ta’ personalitajiet importanti.

(f)         Fil-qasam tal-ġestjoni tal-proġetti:

            jissorveljaw u jikkoordinaw proġetti speċifiċi;

            jippreparaw u jiffaċilitaw il-proċess deċiżjonali tal-maniġment billi jipproponu soluzzjonijiet innovattivi;

            ifasslu analiżijiet, rapporti, noti, ittri, statistika u kwalunkwe tip ieħor ta’ dokument, fosthom l-abbozzi ta’ regoli;

            jgħinu fl-abbozzar u fis-segwitu għall-istediniet għall-preżentazzjoni tal-offerti;

            jakkumpanjaw jew jirrappreżentaw lill-maniġment f’laqgħat u fi gruppi ta’ ħidma interni u esterni u jipparteċipaw f’laqgħat amministrattivi jew jippreseduhom.

Dawn il-kompiti jirrikjedu l-kapaċità tal-kandidati li jsibu soluzzjonijiet adegwati għal problemi ta’ natura varja u spiss kumplessa, jirreaġixxu malajr għall-bidliet fiċ-ċirkostanzi u jikkomunikaw b’mod effikaċi. Il-kandidati għandhom ikunu kapaċi juru inizjattiva, kreattività u motivazzjoni kbira. Għandhom ikunu kapaċi jinfluwenzaw lil ħaddieħor, jaħdmu b’mod intensiv, kemm b’mod awtonomu kif ukoll f’tim, u jnissġu networks f’kuntest ta’ xogħol multikulturali. Il-kandidati għandu jkollhom il-ħsieb li jkomplu jitgħallmu u jiżviluppaw ruħhom fil-karriera tagħhom.

 

3.       Eleġibbiltà 

Fid-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet, għandek tissodisfa dawn ir-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi elenkati hawn taħt:

(a)     Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u skont l-Artikolu 1, il-paragrafu 1, il-punt (i) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, u fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Bureau, għandek:

–          tkun ċittadin(a) tar-Repubblika tal-Awstrija;

–          tgawdi mid-drittijiet ċivili kollha;

–          tkun issodisfajt kull obbligu impost fuqek mil-liġijiet dwar is-servizz militari;

–          tista’ toffri l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ikkonċernati.

Nota: f’dan il-kuntest, għandek l-obbligu li tiddikjara fuq unurek li inti ċittadin(a) tar-Repubblika tal-Awstrija billi tagħżel “l-Awstrija” bħala l-pajjiż taċ-“ċittadinanza eleġibbli” tiegħek. Għandek ukoll timmarka l-kaxxa f’Apply4EP li tiddikjara li inti “ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri”.

Se tintalab tforni kopja tal-passaport Awstrijak tiegħek jew tal-karta tal-identità Awstrijaka tiegħek fi stadju aktar tard tal-proċedura.

(b)     Rekwiżiti speċifiċi

(i)      Kwalifiki meħtieġa

Għandu jkollok livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ta’ mill-inqas tliet snin, iċċertifikat b’diploma rikonoxxut uffiċjalment f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru jew f’pajjiż mhux tal-UE, iridu jiġu rikonoxxuti minn organu uffiċjali ta’ Stat Membru tal-UE, bħall-ministeru tal-edukazzjoni.

Il-kandidati detenturi ta’ diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE għandhom jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom l-ekwivalenza tad-diplomi tagħhom fl-UE. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba f’pajjżi mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC, ikkonsulta din il-ħolqa: https://www.enic-naric.net. Il-bord ta’ selezzjoni se jqis id-differenzi bejn is-sistemi edukattivi tal-Istati Membri. Eżempji tal-kwalifiki minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella inkluża fil-gwida għall-kandidati. Il-kandidati li ma jehmżux l-ekwivalenza tad-diplomi tagħhom fl-UE u/jew il-kandidati b’diplomi mhux rikonoxxuti minn organu uffiċjali ta’ Stat Membru tal-UE mhumiex se jkunu ammessi għall-kompetizzjoni.

(ii)     Esperjenza professjonali meħtieġa

Wara li tkun ksibt il-kwalifiki li jagħtu aċċess għall-kompetizzjoni (ara l-punt (i) hawn fuq), għandu jkollok mill-inqas sentejn esperjenza professjonali rilevanti għall-attivitajiet elenkati fid-deskrizzjoni tal-funzjonijiet (jiġifieri fl-oqsma tax-xogħol: konsulenza u tal-appoġġ lill-Membri tal-Parlament Ewropew u lill-korpi parlamentari, ġestjoni tar-riżorsi, dritt, politika ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, informatika, tas-sigurtà informatika u tas-sigurtà, ġestjoni tal-proġetti). Filwaqt li d-deskrizzjoni tal-funzjonijiet fit-Taqsima A.2 telenka l-kompiti ġenerali speċifiċi għax-xogħol ta’ amministratur/triċi fis-Segretarjat tal-Parlament Ewropew, il-bord ta’ selezzjoni jqis ukoll ir-rilevanza tal-esperjenza professjonali miksuba barra mill-Parlament Ewropew u mill-istituzzjonijiet tal-UE.

(iii)   Għarfien lingwistiku

Għandu jkollok għarfien komplut (minimu ta’ livell C1) tal-Ġermaniż (lingwa 1), 

kif ukoll

għarfien sodisfaċenti (minimu ta’ livell B2) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 2): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż. 

Il-kandidati għandhom ikunu jafu li l-livelli minimi meħtieġa hawn fuq japplikaw għal kull qasam ta’ kapaċità lingwistika (taħdit, kitba, qari, smigħ) imsemmija fil-formola tal-applikazzjoni. Dawn il-kapaċitajiet jikkorrispondu għal dawk speċifikati fil-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (https://europa.eu/europass/mt/common-european-framework-reference-language-skills).

Tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li livell C2 huwa l-ogħla livell fil-qafas, filwaqt li l-livell A1 huwa l-aktar baxx.

 

B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA

L-Awtorità tal-Ħatra għandha tfassal lista tal-kandidati li jiddikjaraw li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima A.3 (a) tal-avviż, u li ressqu l-fajl tal-applikazzjoni tagħhom skont l-arranġamenti u sad-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet kif stabbilita fit-Taqsima C tal-avviż. Din il-lista tintbagħat lill-president tal-bord ta’ selezzjoni.

Il-kompetizzjoni hija organizzata abbażi ta’ testijiet. Hija magħmula minn żewġ fażijiet:

1.     il-preselezzjoni (test b’mistoqsijiet b’għażla multipla) u l-kontroll tal-eleġibbiltà

a)     Preselezzjoni (test b’mistoqsijiet b’għażla multipla)

b)     Kontroll tar-rekwiżiti ta’ eleġibbiltà speċifiċi

2.     Testijiet

a)     Test tal-kitba

b)     Intervista

 

1.                Preselezzjoni (test b’mistoqsijiet b’għażla multipla) u kontroll tal-eleġibbiltà

(a)       Preselezzjoni (test b’mistoqsijiet b’għażla multipla)

Il-kandidati li isimhom ikun imniżżel fil-lista tal-Awtorità tal-Ħatra se jiġu mistiedna għat-test ta’ preselezzjoni fil-forma ta’ ġabra ta’ mistoqsijiet b’għażla multipla fuq kompjuter.

It-test b’mistoqsijiet b’għażla multipla jsir bil-Ġermaniż (lingwa 1).

It-test b’mistoqsijiet b’għażla multipla jikkonsisti f’massimu ta’ 40 mistoqsija maħsuba li jivvalutaw l-għarfien tal-kandidati f’dawn l-erba’ oqsma: għarfien tal-Unjoni Ewropea, għarfien tal-Parlament Ewropew, raġunament verbali, raġunament numeriku. Lill-kandidati se jintbagħtulhom kampjuni tal-mistoqsijiet fi żmien utli qabel id-data tat-test.

It-test idum massimu ta’ 60 minuta u jsir online. Il-kandidati se jirċievu fi żmien xieraq l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet. It-testijiet isiru f’data u f’ħin speċifiċi. Il-kandidati se jiġu infurmati bit-tul eżatt tat-test meta jirċievu l-istedina u l-istruzzjonijiet.

(b)       Kontroll tar-rekwiżiti ta’ eleġibbiltà speċifiċi

Il-bord ta’ selezzjoni se jikkontrolla l-eleġibbiltà tal-kandidati li kisbu l-ogħla punteġġ fit-test b’mistoqsijiet b’għażla multipla. Dan se jsir f’ordni dekrexxenti, bl-ewwel ikunu l-fajls tal-kandidati li kisbu l-ogħla punteġġ. Il-bord ta’ selezzjoni jinterrompi l-kontrolli ta’ eleġibbiltà meta n-numru ta’ kandidati li jirriżultaw eleġibbli jilħaq 4 darbiet in-numru ta’ kandidati idonei mfittxija. Jekk ikun il-każ, il-bord ta’ selezzjoni jqis il-kandidati eleġibbli ex aequo kollha għall-aħħar post disponibbli fit-test b’mistoqsijiet b’għażla multipla.

Il-bord ta’ selezzjoni se jfassal lista tal-kandidati li huma konformi mar-rekwiżiti ta’ eleġibbiltà speċifiċi stabbiliti fit-Taqsima A.3 (b) ta’ dan l-avviż. Il-kandidati mniżżlin f’din il-lista jiġu ammessi għall-kompetizzjoni. Il-bord ta’ selezzjoni se jiddeċiedi dwar l-eleġibbiltà ta’ kandidat billi jqabbel (a) id-dikjarazzjonijiet li jinsabu fil-formola tal-applikazzjoni u (b) id-dokumenti mtellgħin fil-formola tal-applikazzjoni fuq Apply4EP biex jiġġustifikaw dawk id-dikjarazzjonijiet.

Il-bord jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun appoġġata minn dokumenti ġustifikattivi mehmużin magħha. (Għal aktar dettalji ara l-gwida għall-kandidati.)

2.         Testijiet

Il-kandidati kollha ammessi għall-kompetizzjoni jiġu mistiedna għat-test tal-kitba. F’din il-fażi, il-bord ta’ selezzjoni se jistieden lill-kandidati jagħtu prova dokumentata taċ-ċittadinanza Awstrijaka tagħhom. F’każ li l-kandidati jonqsu milli jagħtu l-prova neċessarja, dawn ma jiġux ammessi għall-kompetizzjoni.

(a)        Test tal-kitba bil-Ġermaniż (lingwa 1) abbażi ta’ ġabra ta’ dokumenti, biex jivvaluta l-kapaċità tal-kandidati li janalizzaw u jiġbru fil-qosor l-informazzjoni u l-ħiliet ta’ kitba tagħhom. Għat-test tal-kitba mhi prevista l-ebda għażla tas-suġġett.

Tul massimu tat-test: 120 minuta

Punteġġ: minn 0 sa 50 punt

Minimu meħtieġ: 25 punt

It-test isir online.

Il-kandidati li jkunu kisbu l-ogħla punteġġi fit-test tal-kitba jiġu mistiedna għall-intervista, bil-kondizzjoni li jkunu kisbu l-punteġġ minimu meħtieġ fit-test tal-kitba. In-numru massimu ta’ kandidati mistiedna għall-intervista huwa pari għal darbtejn in-numru ta’ kandidati idonei mfittxija. Jekk ikun il-każ, il-bord ta’ selezzjoni jqis il-kandidati ex aequo kollha għall-aħħar post disponibbli.

(b)      Intervista mal-bord ta’ selezzjoni bil-Ġermaniż (lingwa 1) li tivvaluta l-allinjament tal-kandidati mal-kompetenzi fundamentali tal-Parlament: titjib kontinwu, turija ta’ flessibbiltà, spirtu ta’ tim u kooperazzjoni, orjentament lejn ir-riżultati u turija ta’ affidabbiltà. Il-bord ta’ selezzjoni se jivvaluta wkoll l-għarfien tal-lingwa 2 kif indikata mill-kandidati fil-formola tal-applikazzjoni.

Tul massimu: 60 minuta

Punteġġ: minn 0 sa 50 punt.

Minimu meħtieġ: 25 punt

           It-test jista’ jsir bil-preżenza fiżika.

Il-kandidati se jirċievu fi żmien xieraq l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet. It-testijiet isiru f’data u f’ħin speċifiċi. Il-kandidati li ma jirrispondux għall-istedina, li ma jkunux jistgħu jiġu kkuntattjati bl-email jew li ma jkunux preżenti għat-test, jiġu skwalifikati, għajr f’każijiet ta’ forza maġġuri. L-istruzzjonijiet mogħtija għandhom jiġu segwiti kelma b’kelma. In-nuqqas ta’ rispett tal-istruzzjonjiet jew imġiba mhux konformi magħhom iwasslu għall-iskwalifika immedjata tal-kandidat.

 

3.       Inklużjoni fil-lista tal-kandidati idonei

Il-bord ta’ selezzjoni se jfassal lista ta’ kandidati idonei bl-ismijiet ta’ 30-il kandidat eleġibbli bl-ogħla punteġġi kumplessivi miksuba fit-testijiet, kif stabbilit fit-Taqsima A.1 “Kummenti ġenerali”. Dawn il-punteġġi kumplessivi huwa t-total tal-punteġġi miksuba fit-test tal-kitba u fl-intervista mal-bord ta’ selezzjoni stabbiliti, rispettivament, fit-Taqsima B.2 (a) u B.2 (b), bil-kondizzjoni li l-kandidat ikun kiseb il-minimu meħtieġ ta’ punti f’dawn iż-żewġ testijiet. Il-lista tista’ tinkludi l-kandidati ex aequo kollha għall-aħħar post disponibbli. L-ismijiet tal-kandidati idonei jidhru fil-lista f’ordni alfabetiku.

Il-validità tal-lista tal-kandidati idonei tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2027. Il-validità tagħha tista’ tiġi prorogata permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. F’dan il-każ, il-kandidati mniżżla fil-lista se jkunu infurmati f’ħin utli.

Il-kandidati li jirnexxu jiġu infurmati individwalment bir-riżultati tagħhom u l-lista tal-kandidati idonei tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Parlament Ewropew.

Jekk jirċievu offerta ta’ impjieg, il-kandidati jkollhom jippreżentaw, għal finijiet ta’ verifika, il-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha meħtieġa, inklużi d-diplomi u ċ-ċertifikati tal-impjieg.

Il-fatt li isem il-kandidati jitniżżel fil-lista tal-kandidati idonei ma jikkostitwixxi la dritt u lanqas garanzija ta’ reklutaġġ.

Huwa importanti li l-kandidati jkunu jafu li, kif stabbilit fl-Artikolu 3 (“Reklutaġġ”) tad-deċiżjoni tal-Bureau: “Bil-ħsieb li jiżguraw il-konformità mal-obbligu li ebda post vakanti ma għandu jkun riżervat għaċ-ċittadini ta’ kwalunkwe Stat Membru, kif previst fl-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, u mingħajr preġudizzju għall-kompetizzjonijiet organizzati f’konformità mal-Artikoli 29(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kandidati li rnexxew fil-kompetizzjonijiet organizzati abbażi tal-Artikolu 2 ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu fuq l-istess livell bħall-kandidati li rnexxew minn kompetizzjonijiet oħra organizzati mill-Parlament Ewropew jew mill-EPSO.

 

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Kif tapplika

L-applikazzjoni ssir permezz tal-pjattaforma Apply4EP: https://apply4ep.gestmax.eu/search 

Aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-kompetizzjonijiet organizzati mill-Parlament Ewropew qabel ma timla l-formola tal-applikazzjoni u tibgħat id-dokumenti ġustifikattivi rilevanti.

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

 

il-12 ta’ April 2024, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

 

Malli tivvalida l-formola tal-applikazzjoni tiegħek, tintbagħatlek konferma awtomatikament.

Il-komunikazzjoni relatata ma’ din il-kompetizzjoni għandha ssir esklużivament permezz tal-kont Apply4EP tiegħek. Il-kandidati huma mitluba MA JĊEMPLUX biex jitolbu informazzjoni dwar il-kompetizzjoni. 

Hija r-responsabbiltà tal-kandidati jivverifikaw regolarment l-inbox tal-indirizz tal-posta elettronika li indikaw fil-kont Apply4EP tagħhom.