Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma’ dan l-avviż ta’ kompetizzjoni. Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta’ kompetizzjoni, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.
WERREJ
A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA’ ELEĠIBILITÀ
B. ŻVOLĠIMENT TAL-KOMPETIZZJONI
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
ANNESSI: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-KOMPETIZZJONIJIET ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW
EVALWAZZJONI TAL-KAPAĊITAJIET
A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA’ ELEĠIBILITÀ
1. Kwistjonijiet ġenerali
Il-Parlament Ewropew iddeċieda li, fuq il-bażi tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iniedi kompetizzjoni miftuħa (AD 5) għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni (DĠ TRAD).
Il-profil imfittex huwa dak ta’ professjonist(a) tal-lingwi u l-interkulturalità għal-lingwi li ġejjin:
1. Ġermaniż (12-il kandidat li jirnexxu)
2. Kroat (12-il kandidat li jirnexxu)
3. Litwan (12-il kandidat li jirnexxu)
4. Ungeriż (12-il kandidat li jirnexxu)
5. Sloven (12-il kandidat li jirnexxu)
Għaldaqstant, dan l-avviż ikopri ħames lingwi. Tista’ tirreġistra għal waħda minnhom biss. Trid tagħmel l-għażla tiegħek fil-mument tar-reġistrazzjoni online. Wara li tkun ivvalidajt il-formola tal-applikazzjoni elettronika, ma tkunx tista’ tibdel din l-għażla.
Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 5, l-ewwel skala, b’salarju bażiku ta’ EUR 5,453.02 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa għall-benefiċċju tal-Unjoni u tnaqqis ieħor previst mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se jiġu reklutati l-kandidati li jintgħażlu madankollu tista’ tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta’ dawn il-persuni. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f’ċerti kundizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.
Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, l-etniċità, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.
2. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet
Id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni (DĠ TRAD) jipprovdi servizzi ta’ traduzzjoni lill-Parlament Ewropew biex jikkomunika fil-formati kollha, kemm stampati kif ukoll elettroniċi, bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea.
Id-dmirijiet tad-DĠ TRAD huma dawn li ġejjin:
· jiżgura d-disponibilità bil-lingwi uffiċjali kollha jew bil-lingwi ta’ ħidma kollha tal-ġabra sħiħa ta’ dokumenti li huma relatati mar-rwol tal-Parlament bħala koleġiżlatur u bħala waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja; sabiex jiggarantixxi l-leġittimità u t-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv u baġitarju tal-Unjoni;
· jippermetti lill-Parlament jirrispetta l-impenji li timponilu l-politika tal-multilingwiżmu, li hija maħsuba biex tiggarantixxi t-trattament ugwali tal-lingwi u li permezz tagħha ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jkunu jistgħu jikkomunikaw mal-istituzzjonijiet u jkollhom id-dokumenti maħruġa mit-tali istituzzjonijiet bil-lingwa proprja tagħhom;
· jagħmel it-testi aktar sempliċi u faċli aktar biex jinqraw permezz ta’ lingwaġġ ċar sabiex il-Parlament isir aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini, inkluż permezz tal-użu ta’ formati ġodda, li jikkorrispondu għal kif se jkun il-qari fil-futur;
· jassigura li s-servizzi kollha jiġu pprovduti bl-akbar effiċjenza.
Id-DĠ TRAD għandu l-missjoni li jibni pontijiet bejn il-lingwi u l-kulturi differenti u li jippromwovi l-multilingwiżmu sostenibbli, li huwa komponent essenzjali tal-ideal demokratiku Ewropew.
Ibbażati l-Lussemburgu, il-professjonisti tal-lingwi u l-interkulturalità jiffaċilitaw il-komunikazzjoni, bil-lingwa materna tagħhom, bejn il-Parlament Ewropew u l-pubbliku ġenerali. Jeħtiġilhom jużaw lingwaġġ ċar fl-aspetti kollha ta’ xogħolhom, filwaqt li jqisu l-kuntest kulturali tal-pajjiż(i) ikkonċernat(i). Huma jittraduċu u jillokalizzaw il-kontenut maħsub biex jinqara, jinstema’ u jintwera, jirrevedu x-xogħol tal-kollegi tagħhom u jgħinu lill-awturi ta’ dokumenti mhux leġiżlattivi fl-abbozzar u fl-editjar. Barra minn hekk, jadattaw il-kontenut għal-lingwa materna tagħhom. Huwa essenzjali li l-professjonisti tal-lingwi u l-interkulturalità jkunu jafu jaħdmu tajjeb fi grupp u jkollhom ħiliet interpersonali b’saħħithom għaliex huma jikkollaboraw mill-qrib ma’ kollegi ta’ unitajiet oħra tad-DĠ TRAD u, xi drabi, ikollhom kuntatt mas-servizzi li jressqu talbiet għax-xogħol.
Il-kompiti tal-professjonisti tal-lingwi u l-interkulturalità huma dawn li ġejjin:
· jiffaċilitaw il-komunikazzjoni maċ-ċittadini b’lingwaġġ ċar, bil-lingwa materna tagħhom;
· jittraduċu, jadattaw, jittranskreaw u jirrevedu t-tipi kollha ta’ kontenut bil-lingwa materna tagħhom;
· jaħdmu b’mill-anqas żewġ lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni fil-medjazzjoni lingwistika u interkulturali (pereżempju, sottotitolar, adattament lingwistiku ta’ kontenut awdjoviżiv, ta’ podcasts jew ta’ siti web);
· jgħinu fl-abbozzar ta’ dokumenti mhux leġiżlattivi;
· jikkontribwixxu għall-azzjonijiet ta’ taħriġ, għax-xogħol ta’ terminoloġija u għall-iżvilupp ta’ għodod tal-IT u tal-komunikazzjoni;
· iżommu kuntatt regolari mas-servizzi li jressqu talbiet għax-xogħol;
· jikkontribwixxu għall-proċess ta’ assigurazzjoni u ta’ kontroll tal-kwalità u jiżguraw ir-rispett ta’ prattiki tajbin, b’mod li jassiguraw il-kwalità eċċellenti tal-kontenut prodott mid-DĠ TRAD.
Is-suġġetti kkonċernati, li ta’ spiss ikunu kumplessi, ġeneralment jittrattaw kwistjonijiet politiċi, ġuridiċi, ekonomiċi, finanzjarji, xjentifiċi jew tekniċi u jkopru l-oqsma kollha ta’ attività tal-Unjoni Ewropea.
It-twettiq ta’ dawn il-kompiti jirrikjedi l-użu intensiv ta’ għodod speċifiċi tal-IT u għodod relatati. Dan ix-xogħol jinvolvi wkoll il-medjazzjoni lingwistika u interkulturali permezz tat-traduzzjoni ta’ kontenut awdjoviżiv u s-sottotitolar.
Il-funzjoni ta’ professjonist(a) tal-lingwi u l-interkulturalità titlob mill-kandidati sens qawwi ta’ adattament, kif ukoll il-ħila li jittrattaw problemi differenti u li ta’ spiss ikunu kumplessi, li jirreaġixxu malajr għall-bidliet fiċ-ċirkostanzi u li jikkomunikaw b’mod effiċjenti. Il-kandidati jeħtiġilhom ikunu kapaċi jaħdmu regolarment b’mod intensiv, kemm waħedhom kif ukoll f’tim, f’ambjent ta’ xogħol multikulturali. Fl-aħħar, irid ikollhom l-interess li jkomplu t-taħriġ professjonali tagħhom matul il-karriera tagħhom.
3. Rekwiżiti ta’ eleġibilità
Sad-data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, tkun trid tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:
(a) Rekwiżiti ġenerali
Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, inti jeħtieġlek:
– tkun ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;
– tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek;
– tkun issodisfajt kull obbligu impost mil-liġijiet dwar is-servizz militari;
– toffri l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.
(b) Rekwiżiti speċifiċi
(i) Kwalifiki u diplomi meħtieġa
Irid ikollok livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċertifikati b’diploma rikonoxxuta uffiċjalment f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni meta l-perjodu normali tal-istudji universitarji jkun, mill-inqas, ta’ tliet snin.
Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru tal-Unjoni jew f’pajjiż mhux tal-UE, iridu jkunu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-Unjoni, bħall-Ministeru tal-Edukazzjoni ta’ Stat Membru.
Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE jeħtiġilhom jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC, ara https://www.enic-naric.net/. Il-bord ta’ selezzjoni se jqis, f’dan ir-rigward, id-differenzi fis-sistemi edukattivi. Eżempji ta’ diplomi minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella fil-gwida għall-kandidati.
Tista’ tirreferi b’mod speċjali għall-Anness I tal-gwida għall-kandidati fil-kompetizzjonijiet organizzati mill-Parlament Ewropew.
(ii) Għarfien lingwistiku
Irid ikollok ħakma tajba ta’ mill-anqas tliet lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. F’dan l-avviż ta’ kompetizzjoni, nirreferu għal-lingwi b’dan il-mod:
— lingwa 1: lingwa prinċipali magħżula minn fost il-ħames lingwi ta’ din il-kompetizzjoni (il-Ġermaniż, il-Kroat, il-Litwan, l-Ungeriż, is-Sloven), għarfien perfett fil-livell ta’ lingwa materna;
— lingwa 2: l-Ingliż jew il-Franċiż, għarfien tajjeb ħafna (livell minimu ta’ C1);
— lingwa 3: waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għarfien tajjeb ħafna (livell minimu ta’ B2). Il-lingwa 3 trid tkun differenti mil-lingwi 1 u 2.
Għal din il-kompetizzjoni, l-għażla tal-lingwi ġew definiti skont l-interess tas-servizz. Fil-fatt, il-pożizzjoni ta’ professjonist(a) tal-lingwi u l-interkulturalità teżiġi kwalifiki speċjali minħabba n-natura tal-funzjonijiet, kif deskritti fil-punt A.2 ta’ dan l-avviż ta’ kompetizzjoni.
B’konsegwenza ta’ dan, bil-għan li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom u jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-servizz tad-DĠ TRAD, il-persuni rreklutati jeħtiġilhom ikunu kapaċi jaħdmu u jikkomunikaw b’effiċjenza bi tliet lingwi.
B’mod aktar preċiż, il-Franċiż u l-Ingliż huma ż-żewġ lingwi li l-aktar jintużaw fil-komunikazzjoni interna tad-DĠ TRAD, kif ukoll mad-direttorati ġenerali l-oħra u mal-korpi politiċi tal-Parlament Ewropew. B’konsegwenza ta’ dan, bil-għan li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom u jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-servizz, il-persuni rreklutati jeħtiġilhom ikunu kapaċi jaħdmu u jikkomunikaw b’effiċjenza b’tal-anqas waħda minn dawn iż-żewġ lingwi.
Barra minn hekk, l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi sors ewlenin tad-dokumenti għat-traduzzjoni: l-Ingliż jirrappreżenta madwar 80 % tad-dokumenti oriġinali għat-traduzzjoni, il-Franċiż 10 % u l-lingwi l-oħra kollha flimkien jirrappreżentaw 10 %.
(iii) Esperjenza professjonali meħtieġa
Mhi meħtieġa ebda esperjenza professjonali. Madanakollu, l-esperjenza professjonali kollha li akkwistajt b’mod esklużiv fir-rigward tal-lingwa 1, fil-qasam imsemmi f’din il-kompetizzjoni (ara l-lista ta’ kompiti tal-professjonisti tal-lingwi u l-interkulturalità deskritti fil-punt “Deskrizzjoni tal-Funzjonijiet”), jitqies bħala vantaġġ.
B. ŻVOLĠIMENT TAL-KOMPETIZZJONI
Il-kompetizzjoni fiha żewġ fażijiet:
1. Fażi ta’ preselezzjoni:
a. mistoqsijiet b’għażla multipla,
b. evalwazzjoni tal-kapaċitajiet.
2. Fażi ta’ testijiet
1. Fażi ta’ preselezzjoni
(a) Mistoqsijiet b’għażla multipla (MCQ)
Tirċievi stedina għal test ta’ preselezzjoni (MCQ) jekk tkun ippreżentajt il-fajl tal-applikazzjoni tiegħek:
- skont il-modalitajiet meħtieġa fil-punt C, u
- fl-iskadenzi msemmija fil-punt C.
It-test MCQ isir bil-lingwa 2 (Ingliż jew Franċiż).
It-test MCQ jkun fih massimu ta’ 40 mistoqsija maħsuba biex jevalwaw il-ħila tiegħek li tidentifika informazzjoni relatata mal-valuri tal-Unjoni Ewropea u r-rwol tal-Parlament Ewropew. Il-kandidati jirċievu eżempji tal-mistoqsijiet fi żmien xieraq qabel id-data tat-test.
Dan it-test idum massimu ta’ 80 minuta u jsir online, fuq il-kompjuter.
Jekk in-numru ta’ kandidati reġistrati għal kull lingwa tal-kompetizzjoni ma jaqbiżx il-massimu ta’ kandidati li għandhom jiġu mistiedna għall-fażi tal-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet (ara t-Taqsima (B.1.b) hawn isfel), il-Mistoqsijiet b’għażla multipla (MCQ) mhux se jiġu organizzati għal-lingwa/i kkonċernata/i tal-kompetizzjoni. Il-bord ta’ selezzjoni se jipproċedi direttament għall-evalwazzjoni tat-tweġibiet tal-kandidati kollha kkonċernati għal evalwazzjoni tal-kapaċitajiet.
(b) Evalwazzjoni tal-kapaċitajiet
Imla l-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet annessa mal-avviż tal-kompetizzjoni u daħħalha fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek. L-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet trid tkun ippreżentata bħala parti mill-applikazzjoni tiegħek sa mhux aktar tard mid-data u l-ħin tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjoni (punt C); l-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet tista’ timtela’ fil-lingwa 2 tiegħek (Ingliż jew Franċiż), dan jiffaċilita xogħol il-bord ta’ selezzjoni.
Jeħtieġlek tiżgura li l-lingwi indikati fl-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet tiegħek huma l-istess bħal dawk indikati fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek. Jekk il-lingwi 1, 2 u 3 indikati fl-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet tiegħek ma jikkorrispondux ma’ dawk indikati fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek, il-bord ta’ selezzjoni se jqis esklużivament il-lingwi indikati fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek.
Jekk tiġi fost l-ewwel kandidati fit-test MCQ, il-bord jevalwa t-tweġibiet tiegħek fl-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet. Għal dan l-iskop, il-bord ta’ selezzjoni jqis il-150 kandidat li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta’ punti f’dan it-test għal kull lingwa tal-kompetizzjoni. Il-bord ta’ selezzjoni jqis li jżomm għall-aħħar post disponibbli lill-kandidati ex aequo kollha mingħajr limitazzjoni.
Biex jagħmel is-selezzjoni abbażi tal-kwalifiki, il-bord ta’ selezzjoni jeżamina t-tweġibiet mogħtija mill-kandidati fl-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet. Kull tweġiba tingħata bejn 0 u 4 punti. Il-bord ta’ selezzjoni jista’ jiddeċiedi li japplika ponderazzjoni ta’ bejn 1 u 3 għal kull kriterju ta’ selezzjoni, skont l-importanza tiegħu. F’dan il-każ, il-punti mogħtija għal kull tweġiba jiġu mmultiplikati b’dan il-koeffiċjent ta’ ponderazzjoni. Il-punti ta’ kull kandidat jingħaddu sabiex jiġu identifikati l-persuni li l-profil tagħhom jikkorrispondi l-aħjar għall-funzjonijiet li jridu jitwettqu.
Il-bord ta’ selezzjoni jibbaża l-evalwazzjoni tiegħu esklużivament fuq it-tweġibiet mogħtija fl-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet biex jidentifika l-aħjar 60 kandidat għal kull lingwa eleġibbli għat-testijiet bil-miktub. Fil-konklużjoni ta’ din l-evalwazzjoni, il-bord ta’ selezzjoni jivverifika jekk il-kandidati jissodisfawx ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ eliġibilità (il-punt A.3) u li t-tweġibiet tal-kandidati huma ssostanzjati minn dokumenti ġustifikattivi fornuti flimkien mal-formola tal-applikazzjoni tagħhom.
F’każ li n-numru ta’ kandidati rreġistrati għal kull lingwa tal-kompetizzjoni ma jaqbiżx in-numru massimu ta’ kandidati li se jiġu mistiedna għat-testijiet bil-miktub, il-bord ta’ selezzjoni jistieden direttament lill-kandidati kollha li ssosidfaw il-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi ta’ eleġibilità (il-punt A.3) tat-testijiet bil-miktub.
2. Testijiet
Testijiet ta’ traduzzjoni u ta’ kitba b’lingwaġġ ċar
(a) Traduzzjoni ta’ test relatat mal-attivitajiet leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew mil-lingwa 2 għal-lingwa 1.
Tul massimu tat-test: 90 minuta, għal test ta’ bejn 450 u 500 kelma.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt - minimu meħtieġ: 20/40
It-test (b) u (c) tal-kandidati li ma jkunux kisbu l-għadd minimu ta’ punti f’dan it-test ma jiġux ikkoreġuti.
(b) Traduzzjoni ta’ diskors jew ta’ komunikazzjoni maħsuba għaċ-ċittadini mil-lingwa 3 għal-lingwa 1.
Tul massimu tat-test: 90 minuta, għal test ta’ bejn 450 u 500 kelma.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt - minimu meħtieġ: 20/40
It-test (c) tal-kandidati li ma jkunux kisbu l-għadd minimu ta’ punti f’dan it-test ma jiġux ikkoreġuti.
(c) Test tal-abbozzar: abbozzar f’lingwa ċara, fil-lingwa 1, ta’ test maħsub għaċ-ċittadini, minn dokument kumpless bil-lingwa 2. L-objettiv ta’ dan it-test huwa li jevalwa l-għarfien tiegħek tal-lingwa 2, u l-kapaċità tiegħek li tidentifika l-ideat ewlenin u li tesprimihom b’lingwaġġ ċar bil-lingwa 1.
Tul massimu tat-test: 60 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt - minimu meħtieġ: 20/40
Dawn it-testijiet se jiġu organizzati online, fuq il-kompjuter.
L-24 kandidat, għal kull lingwa tal-kompetizzjoni, li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta’ punti fit-testijiet bil-miktub jiġu mistiedna għat-testijiet orali, bil-kundizzjoni li jkunu kisbu l-għadd minimu ta’ punti meħtieġa għal kull test. Jekk ikun il-każ, il-bord iżomm il-kandidati kollha ex aequo għall-aħħar post disponibbli għal kull lingwa.
Testijiet orali
(d) Intervista mal-bord ta’ selezzjoni bil-lingwi 1 u 2, li permezz tagħha l-bord ikun jista’ jivvaluta l-kapaċità tiegħek li twettaq il-kompiti deskritti fil-punt “Deskrizzjoni tal-funzjonijiet” fi ħdan istituzzjoni Ewropea, b’kunsiderazzjoni tal-elementi kollha mniżżlin fil-fajl tal-applikazzjoni, kif ukoll il-kapaċità tiegħek ta’ titjib u l-affidabilità tiegħek. Il-bord ta’ selezzjoni jista’ jiddeċiedi li jeżamina l-għarfien tiegħek ta’ lingwi uffiċjali oħra ddikjarati fl-applikazzjoni tiegħek.
Tul massimu tat-test: 45 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt - minimu meħtieġ: 20/40
It-test (e) tal-kandidati li ma jkunux kisbu l-għadd minimu ta’ punti fit-test (d) ma jiġix ikkoreġut.
(e) Test ta’ diskussjoni fi grupp jew logħba ta’ simulazzjoni tar-rwoli bil-lingwa 2, sabiex il-bord ta’ selezzjoni jkun jista’ jivvaluta l-kapaċità ta’ adattament u ta’ kooperazzjoni, il-kapaċità ta’ negozjar u li taħdem f’tim fil-kuntest tal-funzjonijiet deskritti f’Taqsima A.2. “Deskrizzjoni tal-funzjonijiet”.
It-tul tat-test ta’ diskussjoni fi grupp jiġi stabbilit mill-bord ta’ selezzjoni skont il-kompożizzjoni definittiva tal-gruppi.
It-tul massimu tat-test tal-logħba ta’ simulazzjoni tar-rwoli huwa 25 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 20 punt - minimu meħtieġ: 10/20
Dawn it-testijiet jistgħu jiġu organizzati b’mod remot.
Tirċievi fi żmien xieraq l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet bil-miktub u orali. It-testijiet huma skedati f’data u f’ħin preċiżi. Jekk ma tirrispondix għall-istedina, ma tkunx tista’ tiġi kkuntattjat(a) b’email jew ma tersaqx għal xi wieħed mit-testijiet, tiġi skwalifikat(a). Jekk jogħġbok segwi kelma b’kelma l-istruzzjonijiet mogħtija. Jekk ma ssegwix l-istruzzjonijiet jew jekk l-imġiba tiegħek ma tkunx konformi mal-istruzzjonijiet, tiġi skwalifikat(a) minnufih.
3. Inklużjoni fil-lista ta’ kandidati idonei
Il-bord ta’ selezzjoni jistabbilixxi, għal kull lingwa tal-kompetizzjoni, lista’ ta’ kandidati idonei ammissibbli li kisbu l-ogħla għadd ta’ marki globali fit-testijiet, kif indikat fil-punt A.1 “Kummenti ġenerali”. Dawn il-marki jikkontribwixxu globalment għan-numru ta’ punti miksuba għat-testijiet kollha bil-miktub (a), (b) u (c) u t-testijiet orali (d) u (e), dment li l-kandidati jkunu kisbu l-għadd minimu ta’ punti meħtieġa f’kull wieħed minn dawn it-testijiet. Il-lista tista’ tinkludi l-kandidati kollha ex aequo għall-aħħar post fuq il-lista għal kull lingwa. L-ismijiet tal-kandidati li jirnexxu jidhru f’ordni alfabetiku.
Il-lista tal-kandidati idonei tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2026. Tista’ tiġi estiża b’deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. F’dan il-każ, il-kandidati mniżżlin fil-lista ta’ riżerva jiġu infurmati fi żmien debitu.
Il-kandidati jiġu infurmati individwalment bir-riżultati tagħhom u l-lista tal-kandidati idonei tiġi ppubblikata fuq is-sit web uffiċjali tal-Parlament Ewropew.
Jekk tirċievi offerta ta’ impjieg, tintalab tippreżenta d-dokumenti oriġinali kollha meħtieġa, b’mod partikolari d-diplomi u ċ-ċertifikati tal-impjieg tiegħek, għal finijiet ta’ verifika.
Il-fatt li ismek jitniżżel fil-lista tal-kandidati idonei ma jikkostitwix dritt jew garanzija ta’ reklutaġġ.
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
Kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni :
L-applikazzjoni trid issir permezz tal-pjattaforma Apply4EP. https://apply4ep.gestmax.eu/search/index/lang/mt_MT
Aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-kompetizzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel timla l-formola tal-applikazzjoni u tipprovdi d-dokumenti ġustifikattivi rilevanti.
Data ta’ skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet
Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:
it-12 ta’ Jannar 2024 fil-17.00, ħin tal-Lussemburgu.
Malli tivvalida l-formola tal-applikazzjoni tiegħek, tintbagħatlek konferma awtomatikament.
Il-kandidati huma mitluba MA JAGĦMLUX KUNTATT BIT-TELEFON mas-servizzi tal-Parlament Ewropew biex jistaqsu dwar din il-kompetizzjoni.