Post tax-xogħol : Brussell
Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 09/01/2026 12:00
Servizz : 08-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika
Referenza : RECRUITMENT NOTICE PE/337/2025/S/INLO
Gwida għall-kandidati : Iddawnlowdja gwida għall-kandidati

AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/337/2025/S

MEMBRU TAL-PERSUNAL TEMPORANJU

Maniġer amministrattiv (AD5)

Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-“Gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew”, mehmuża ma’ dan l-avviż ta’ reklutaġġ. 

Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta’ reklutaġġ, tgħin lill-applikanti jifhmu r-regoli marbuta mal-proċeduri ta’ selezzjoni u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni. 

WERREJ

A.                FUNZJONIJIET U ELEĠIBBILTÀ

B.                PROĊEDURA

C.               TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

ANNESS:   GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA’ SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

A. FUNZJONIJIET U ELEĠIBBILTÀ

1.            Kummenti ġenerali

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jorganizza proċedura ta’ selezzjoni għal pożizzjoni waħda ta’ membru tal-persunal temporanju fil-grad AD 5 fid-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika (DĠ INLO).

Il-profil imfittex huwa dak ta’ maniġer amministrattiv.

Il-kuntratt se jkun għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 5, l-ewwel skala, b’salarju bażiku ta’ EUR 6 152,64  fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa għall-benefiċċju tal-Unjoni Ewropea u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se tiġi reklutata l-persuna li tintgħażel madankollu tista’ tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta’ din il-persuna. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f’ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jilqa’ l-applikazzjonijiet kollha mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

2.         Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Id-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika (DĠ INLO) jiġġestixxi l-faċilitajiet, il-mobbiltà sostenibbli u s-servizzi u huwa responsabbli għall-manutenzjoni u l-immodernizzar tal-bini li jkopri madwar 1.2 miljun metru kwadru fi Brussell, fil-Lussemburgu u fi Strażburgu kif ukoll fl-Uffiċċji ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew fl-Istati Membri. Huwa jipprovdi wkoll servizzi anċillari, fosthom il-forniment tal-ikel, it-trasport tal-merkanzija, il-provvisti u d-distribuzzjoni tal-posta interna.

Il-persuna reklutata bħala maniġer amministrattiv se taħdem direttament taħt it-tmexxija tal-Kap tal-Unità tax-Xufiera u se twettaq kompiti amministrattivi u analitiċi fl-oqsma kollha ta’ responsabbiltà tad-DĠ INLO, u b’mod aktar speċifiku fl-oqsma tal-mobbiltà sostenibbli u s-servizzi (jiġifieri t-Trasport tal-Persuni, il-Forniment tal-Ikel, l-Allokazzjoni ta’ Spazji għall-Uffiċċji, il-Messaġġiera u l-Aġenti tal-Ġarr).

Il-persuna li tintgħażel se tassisti fl-attivitajiet ewlenin kollha tal-unità billi tikkollabora b’mod attiv mal-partijiet ikkonċernati, iżżomm is-sottodelega ta’ uffiċjal awtorizzanti responsabbli għall-monitoraġġ tal-linji baġitarji u l-eżekuzzjoni tal-kuntratti, inkluż is-segwitu tal-offerti assoċjati ma’ dan il-mandat. Hija se tittratta wkoll it-talbiet trażversali kollha, li jvarjaw minn metrika għal ippjanar u rappurtar annwali.

Ibbażat Brussell, dan ir-rwol jinvolvi vjaġġar frekwenti bejn it-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament (Brussell, il-Lussemburgu u Strażburgu). 

Il-pożizzjoni tirrikjedi:

-          reqqa, diskrezzjoni u kapaċità analitika;

-          ħiliet fl-ippjanar u l-komunikazzjoni (inkluż l-abbozzar);

-          diplomazija u adattabbiltà f’ambjent multikulturali;

-          inizjattiva, reżiljenza u ħiliet interpersonali tajbin ma’ firxa wiesgħa ta’ persuni fil-livelli kollha, inklużi fornituri esterni tas-servizzi;

-          kapaċità ta’ indirizzar ta’ firxa wiesgħa ta’ problemi li spiss ikunu kumplessi, u kapaċità ta’ forniment regolari ta’ ħidma intensiva, kemm b’mod awtonomu kif ukoll bħala parti minn tim.

Bi qbil mal-programmi u mal-prijoritajiet stabbiliti mill-korpi governattivi tal-Parlament u mill-maniġment rilevanti, il-persuna reklutata bħala maniġer amministrattiv tkun inkarigata mill-kompiti prinċipali li ġejjin:

         tottimizza l-użu tar-riżorsi tad-dipartiment sabiex dan joffri servizz ta’ kwalità għolja;

         tfassal, tħejji, tifformalizza, tipproponi, timplimenta u ssegwi l-objettivi, il-pjanijiet ta’ azzjoni u l-aspetti amministrattivi tar-responsabbiltajiet tal-unità;

         tabbozza studji, rapporti, noti, ittri, u dokumenti statistiċi jew regolatorji relatati mar-responsabbiltà ambjentali u soċjali (inklużi kwistjonijiet ta’ aċċessibbiltà u ambjentali);

         tappoġġja l-ġestjoni finanzjarja u amministrattiva tajba tal-unità, f’konformità mar-regolamenti applikabbli;

         tibni kuntatti mad-dipartimenti interni u mal-partijiet ikkonċernati istituzzjonali esterni;

         tmexxi u tikkoordina proġetti speċifiċi biex tiżgura li dawn jitlestew b’suċċess.

3.            Rekwiżiti ta’ eleġibbiltà

Sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, jeħtieġlek tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi ta’ eleġibbiltà.

(a)     Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 12(2) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġlek:

         tkun ċittadin(a) ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

         tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek,

         tkun issodisfajt kull obbligu impost fuqek mil-liġijiet dwar is-servizz militari.

(b)     Rekwiżiti speċifiċi

(i)      Kwalifiki meħtieġa

Irid ikollok: 

         livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ tliet snin jew aktar.

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż ieħor, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-UE, bħall-ministeru għall-edukazzjoni ta’ Stat Membru.

Mal-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE jeħtiġilhom jipprovdu dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Jekk il-kandidati ma jkollhomx dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza tal-UE fil-mument tal-applikazzjoni, jeħtiġilhom jehmżu prova li jkunu ressqu talba għal ekwivalenza quddiem l-awtorità nazzjonali rilevanti. Fi kwalunkwe każ, jeħtiġilhom jipprovdu dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza tal-UE qabel ma jiġu reklutati. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba f’pajjiż mhux tal-UE, jekk jogħġbok żur is-sit elettroniku tan-Networks ENIC-NARIC: https://www.enic-naric.net.

(ii)        Esperjenza professjonali meħtieġa

·         Ma hija meħtieġa l-ebda esperjenza professjonali biex il-kandidati jkunu ammessi għall-proċedura ta’ selezzjoni.

(iii)    Għarfien lingwistiku

Il-kandidati jrid ikollhom għarfien komplut (livell minimu C1) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (il-lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż,

u

għarfien sodisfaċenti (livell minimu B2) tal-Ingliż jew tal-Franċiż (il-lingwa 2); it-testijiet ta’ selezzjoni se jiġu organizzati f’dawn iż-żewġ lingwi biss.

Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1.

Il-kandidati li jonqsu milli jindikaw l-Ingliż jew il-Franċiż bħala l-lingwa 2 fil-formola tal-applikazzjoni tagħhom jiġu skwalifikati.

L-għażliet lingwistiċi għal din il-proċedura ta’ selezzjoni, jiġifieri l-Ingliż u l-Franċiż, ġew stabbiliti fl-interess tas-servizz. Minħabba l-funzjonijiet involuti, il-kariga ta’ maniġer amministrattiv titlob kapaċitajiet speċifiċi: ħiliet analitiċi, ta’ abbozzar, ta’ superviżjoni teknika u ta’ ġestjoni amministrattiva. Il-persuna li tiġi reklutata bħala membru ġdid tal-persunal jeħtiġilha għalhekk tkun kapaċi tifhem il-kompiti li għandha twettaq, tindirizza l-problemi u tikkomunika b’mod effettiv mal-interlokuturi esterni kif ukoll mal-maniġment u mal-kollegi. 

L-għarfien ta’ mill-anqas waħda minn dawn iż-żewġ lingwi – l-Ingliż u l-Franċiż – huwa essenzjali biex il-persuna reklutata tkun tista’ twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha u tissodisfa l-ħtiġijiet tas-servizz fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħha. Dan jinkludi li tiżviluppa relazzjonijiet ta’ ħidma ma’ partijiet ikkonċernati li primarjament jitkellmu bl-Ingliż jew bil-Franċiż u li tilħaq objettivi u twettaq proġetti speċifiċi għad-Direttorat Ġenerali li għalih il-persuna li tintgħażel se tiġi reklutata, li fih l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi ta’ ħidma. 

Il-Franċiż huwa l-lingwa l-aktar użata għall-komunikazzjoni fi ħdan u fost l-unitajiet fid-Direttorat Ġenerali li lilu se tiġi assenjata l-persuna li tintgħażel. L-Ingliż huwa l-lingwa l-aktar użata fil-kuntatti mad-direttorati l-oħra fid-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika, mad-direttorati ġenerali l-oħra u mal-awtoritajiet politiċi u amministrattivi tal-Parlament, b’mod partikolari għall-abbozzar ta’ dokumenti. 

Se jkun assolutament neċessarju li l-persuna li tiġi reklutata bħala membru ġdid tal-persunal tkun taf bl-Ingliż jew bil-Franċiż sabiex tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet speċifiċi tagħha. Dawn il-funzjonijiet huma relatati mal-proċeduri ta’ akkwist, li għalihom l-għodod tal-IT huma bl-Ingliż u bil-Franċiż. Iż-żewġ lingwi jintużaw ukoll fil-laqgħat tal-Forum dwar l-Akkwist Pubbliku, li fihom il-persuna reklutata se tipparteċipa b’mod attiv. Għarfien tajjeb tal-Franċiż huwa essenzjali wkoll biex din tkun tista’ tifhem il-liġijiet fis-seħħ Franza, il-Belġju u l-Lussemburgu. Il-Franċiż huwa wkoll il-lingwa standard tal-komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati esterni (il-fornituri tas-servizzi, l-amministrazzjonijiet u l-awtoritajiet lokali) b’rabta mar-regoli fis-seħħ.

Id-DĠ INLO jagħti importanza kbira lill-komunikazzjoni effettiva bejn il-membri tal-persunal tiegħu. L-avviżi ta’ pożizzjonijiet vakanti ppubblikati internament fil-Parlament u esternament jistipulaw il-ħtieġa ta’ mill-anqas għarfien tajjeb ħafna ta’ lingwa waħda u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra, speċifikament l-Ingliż u l-Franċiż. Din il-proċedura ta’ selezzjoni ssegwi prattika li ilha stabbilita fi ħdan id-DĠ INLO.

 

B. PROĊEDURA 

Il-proċedura hija bbażata fuq kwalifiki u testijiet. 

1.         Ammissjoni u evalwazzjoni tal-kwalifiki (l-ewwel fażi)

(a)     L-Awtorità tal-Ħatra tħejji lista tal-applikanti li jkunu ressqu l-applikazzjonijiet tagħhom fil-forma meħtieġa sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali stabbiliti fit-Taqsima A.3(a). Din il-lista tintbagħat lill-kumitat ta’ selezzjoni flimkien mal-fajls tal-applikazzjoni.

(b)     Fuq il-bażi esklużiva tal-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni, issostanzjata b’dokumenti ġustifikattivi, fornuti flimkien mal-formola tal-applikazzjoni (għal aktar dettalji, ara l-“Gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew”, it-Taqsima 3.3), il-kumitat ta’ selezzjoni jeżamina d-dokumenti ġustifikattivi fornuti biex jivverifika jekk il-kandidati jissodisfawx il-kondizzjonijiet speċifiċi ta’ eleġibbiltà stabbiliti fit-Taqsima A.3(b) rigward l-ammissjoni għall-proċedura ta’ selezzjoni.

(c)     Il-kumitat ta’ selezzjoni jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati ammessi fuq il-bażi esklużiva tad-dokumenti ġustifikattivi fornuti. Bl-użu ta’ tabella ta’ evalwazzjoni stabbilita minn qabel, il-kumitat ta’ selezzjoni jfassal lista tas-sitt kandidati eleġibbli bl-ogħla klassifika, li jiġu mistiedna għat-testijiet. Il-kumitat ta’ selezzjoni jistieden għat-testijiet lill-kandidati ex aequo kollha għall-aħħar post ta’ kwalifika disponibbli.

Il-kumitat ta’ selezzjoni, huwa u jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati, iqis l-aspetti li ġejjin:

  •          kwalifiki u diplomi;
  •          għarfien muri fl-ottimizzazzjoni tal-użu u s-superviżjoni tar-riżorsi umani;
  •          kapaċità ppruvata fl-abbozzar ta’ rapporti, noti jew dokumenti amministrattivi dwar il-mobbiltà sostenibbli u suġġetti relatati mas-servizzi, idealment fi ħdan amministrazzjoni pubblika;
  •          profiċjenza murija fil-ġestjoni finanzjarja, inkluż l-ippjanar, l-eżekuzzjoni u s-segwitu tal-baġit;
  •          għarfien ippruvat fit-tmexxija u l-koordinament ta’ proġetti speċifiċi biex tiġi żgurata t-tlestija b’suċċess tagħhom;
  •          kapaċità professjonali fil-ġestjoni jew fil-koordinament ta’ proġetti f’diversi stadji, filwaqt li jiġu żgurati t-twettiq fil-ħin u l-kollaborazzjoni fost diversi partijiet ikkonċernati;
  •          kapaċità murija f’ambjent tax-xogħol multikulturali jew multinazzjonali, li turi adattabbiltà u ħiliet interpersonali u interkulturali b’saħħithom. 

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.

Tirċievi informazzjoni dwar ir-riżultati tiegħek bil-miktub.

2. Testijiet (it-tieni fażi)

It-testijiet se jsiru bl-Ingliż jew bil-Franċiż (il-lingwa 2), kif indikat fl-applikazzjoni tiegħek. Sabiex jevalwa l-għarfien tal-kandidati u l-kapaċità tagħhom li jwettqu l-funzjonijiet deskritti hawn fuq, il-kumitat ta’ selezzjoni se jorganizza t-testijiet li ġejjin:

Test bil-miktub

(     a)  Test bil-miktub li jevalwa l-ħsieb strateġiku, l-ippjanar, il-ħiliet tal-abbozzar u s-sejbien ta’ soluzzjoni għall-problemi b’rabta mal-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2. 

Tul ta’ żmien tat-test: massimu ta’ 60 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (minimu meħtieġ: 10 punti).

Test orali

Intervista mal-kumitat ta’ selezzjoni li tevalwa, abbażi tal-informazzjoni kollha fil-fajl tal-applikazzjoni tiegħek, l-idoneità tiegħek u l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet meħtieġa mill-pożizzjoni.

Tul ta’ żmien tat-test: massimu ta’ 30 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).

Tirċievi l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet fi żmien debitu. Jeħtieġlek issegwi l-istruzzjonijiet bl-akbar reqqa. Kwalunkwe nuqqas ta’ rispett tal-istruzzjonijiet jew kwalunkwe mġiba mhux konformi mal-istruzzjonijiet iwasslu għall-iskwalifika immedjata tiegħek. Żomm f’moħħok li t-testijiet jistgħu jsiru fiżikament jew online. 

3.         Lista ta’ kandidati idonei

Il-kumitat ta’ selezzjoni jfassal lista ta’ kandidati idonei, f’ordni alfabetiku, li jkun fiha t-tliet kandidati bl-ogħla klassifika li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta’ punti kumplessivi fil-proċedura (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet), dment li jkunu kisbu l-punteġġ minimu meħtieġ kemm fit-test bil-miktub kif ukoll fit-test orali. Il-lista tinkludi l-kandidati ex aequo kollha għat-tielet post disponibbli. 

Tirċievi informazzjoni dwar ir-riżultati tiegħek bil-miktub.

Il-lista ta’ kandidati idonei tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru 2029. Il-validità tagħha tista’ tiġi prorogata permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. Il-kandidati mniżżlin fil-lista ta’ kandidati idonei jiġu infurmati konsegwentement.

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Biex tapplika, jeħtieġlek tuża l-pjattaforma Apply4EP: https://apply4ep.gestmax.eu/search.

Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-“Gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew”.

Data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet

9 ta’ Jannar 2026, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

Malli l-formola tal-applikazzjoni tiegħek tiġi vvalidata, tintbagħatlek konferma tal-wasla awtomatikament.

Il-komunikazzjoni tiegħek relatata ma’ din il-kompetizzjoni għandha ssir esklużivament permezz tal-kont Apply4EP tiegħek.

Jekk jogħġbok IĊĊEMPILX biex titlob informazzjoni dwar din il-kompetizzjoni.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li tivverifika regolarment l-inbox tal-indirizz tal-email li indikajt fil-kont Apply4EP tiegħek.