ĦOLQIEN TA’ BAŻI TAD-DATA
Amministraturi inkarigati mis-sigurtà tal-ICT (AD6) u esperti fis-sigurtà tal-ICT (AD8) fi Brussell u l-Lussemburgu
Persunal temporanju
1. Kummenti ġenerali
Is-Segretarjat tal-Parlament Ewropew qed iniedi din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess bil-ħsieb li joħloq bażi tad-data ta’ kandidati li jkunu interessati f’pożizzjoni vakanti bħala amministratur/triċi inkarigat(a) mis-sigurtà tal-ICT (AD6) jew bħala espert(a) fis-sigurtà tal-ICT.
Il-bażi tad-data se sservi ta’ riżerva ta’ kandidati bil-ħsieb tal-possibilità ta’ reklutaġġ fil-futur ta’ amministraturi inkarigati mis-sigurtà tal-ICT jew ta’ esperti fis-sigurtà tal-ICT fil-Parlament Ewropew. Dawn l-speċjalisti jiġu primarjament reklutati mid-Direttorat Ġenerali għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku (DĠ ITEC).
Ladarba tinħoloq il-bażi tad-data, il-persuni li jkollhom isimhom inkluż fil-bażi tad-data jistgħu jintgħażlu bħala aġenti temporanji biex jimlew pożizzjonijiet vakanti għal amministraturi inkarigati mis-sigurtà tal-ICT jew esperti fis-sigurtà tal-ICT li jinħolqu fid-Direttorat Ġenerali għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku (DĠ ITEC), f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2b tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Is-selezzjoni ssir f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 (“Kumitat Konġunt (COPAR)”) tad-“Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni [tal-Parlament] dwar il-kompetizzjonijiet u l-proċeduri ta’ selezzjoni u l-gradi ta’ uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Parlament Ewropew”.
Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, il-kulur tal-ġilda, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.
Il-persuni interessati li jkollhom isimhom inkluż fil-bażi tad-data għandhom jippreżentaw CV u jimlew il-formola tal-applikazzjoni permezz tal-pjattaforma APPLY4EP, wara li jkunu ħolqu kont. Biex jagħmlu dan, għandhom jaqraw sew dan l-avviż, jikklikkjaw fuq il-buttuna “Applika online” u jsegwu l-passi tal-proċedura tal-applikazzjoni online. Għandhom jaqraw sew ukoll il-gwida annessa ma’ dan l-avviż. Huwa permess li jinħoloq kont wieħed biss f’APPLY4EP. Id-data personali rreġistrata fil-kont se tiġi pproċessata f’konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u se tibqa’ modifikabbli, u b’hekk tkun tista’ tiġi aġġornata. Id-dikjarazzjoni ta’ privatezza għal APPLY4EP hija disponibbli fil-paġna ewlenija.
2. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet
Il-persuni li jintgħażlu bħala amministratur/triċi inkarigat(a) mis-sigurtà tal-ICT jew bħala espert(a) fis-sigurtà tal-ICT għandu jkollhom kompetenzi rilevanti f’mill-inqas wieħed mill-oqsma li ġejjin:
- il-protezzjoni tal-punti terminali;
- id-disinn u l-implimentazzjoni tal-linji bażi tas-sigurtà għal protezzjoni effettiva;
- il-monitoraġġ tal-avvenimenti ta’ sigurtà;
- il-ġestjoni tal-inċidenti tas-sigurtà tal-ICT u l-aċċertament tas-sigurtà tal-ICT;
- il-ġestjoni tal-vulnerabilitajiet;
- l-infrastruttura ewlenija pubblika u l-kriptografija;
- il-valutazzjoni tar-riskji tas-sigurtà (i.e. jipprovdu għodod u assistenza għal proġetti varji tal-IT u jassistu fl-evalwazzjoni ta’ software ġdid fil-kuntest taċ-ċibersigurtà);
- is-sensibilizzazzjoni tal-utenti dwar iċ-ċibersigurtà (i.e. jissensibilizzaw lill-utenti billi jiżviluppaw kampanji ad hoc dwar iċ-ċibersigurtà għall-utenti aħħarin u billi joħolqu u jagħtu preżentazzjonijiet dwar iċ-ċibersigurtà; jagħtu assistenza fil-kuntest ta’ missjonijiet sensittivi);
- iċ-ċiklu tal-ħajja tal-iżvilupp ta’ software sigur, u l-iżvilupp ta’ politiki fil-qasam tal-governanza, ir-riskju u l-konformità tas-sigurtà tal-IT;
- il-ġestjoni tar-riskji tal-intrapriża (billi jagħtu sostenn lill-ġesturi tar-riskji, inkluż dwar iż-żamma ta’ reġistru tar-riskji);
- il-ġbir u r-rappurtar ta’ informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku;
- l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà f’ambjenti tal-cloud;
- l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà f’ambjenti tas-software għall-produttività tal-uffiċċji;
- id-definizzjoni u l-awtomatizzazzjoni tal-kontrolli tas-sigurtà;
- il-ġestjoni tal-identità u l-aċċess (IAM) u l-ġestjoni tal-aċċess privileġġjat (PAM);
- it-tisħiħ tas-sistemi operattivi u tal-bażijiet tad-data;
- l-informatika forensika;
- is-sigurtà tan-network;
- is-sigurtà tal-perimetru;
- is-sigurtà tal-internet tal-oġġetti.
3. Kompiti
F’konformità mal-programmi u l-prijoritajiet definiti mill-korpi u/jew mill-ġerarkija tal-Parlament, u taħt l-awtorità tal-uffiċjali responsabbli:
- jidentifikaw, janalizzaw, jevalwaw, jirrappurtaw, jikkomunikaw u jittrattaw ir-riskji taċ-ċibersigurtà;
- iwettqu investigazzjonijiet dwar anomaliji u ħsarat li jaffettwaw is-sigurtà tal-ICT, filwaqt li jikkorrelataw l-avvenimenti individwati;
- jintegraw is-sigurtà tal-IT tul iċ-ċiklu tal-ħajja tat-tipi kollha ta’ sistemi tal-IT inklużi dawk ibbażati fuq il-cloud;
- jivvalutaw kontinwament ir-rekwiżiti ta’ sigurtà tal-Parlament Ewropew, kif ukoll iwettqu sorveljanza teknoloġika tas-swieq rilevanti biex ikunu jistgħu jressqu soluzzjonijiet xierqa;
- iwettqu valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet, studji tal-fattibilità u analiżijiet funzjonali u tas-sistemi fil-qasam tal-attività tagħhom;
- jirrappreżentaw lid-dipartiment fit-timijiet tal-proġett, fil-gruppi ta’ ħidma interni u interistituzzjonali, fil-korpi professjonali u/jew fil-laqgħat professjonali;
- imexxu u jikkoordinaw proġetti speċifiċi.
Kompetenzi speċifiċi mitluba:
- Titjib kontinwu
- Flessibilità
- Spirtu ta’ tim u kooperazzjoni
- Orjentament lejn ir-riżultat
- Affidabilità
- Kapaċità ta’ awtokontroll u valutazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi
- Approċċ metikoluż
- Approċċ ta’ soluzzjoni tal-problemi
- Reżiljenza
Ambjent tax-xogħol:
- Bżonn ta’ disponibilità lil hinn mill-post tax-xogħol
- Ritmu u sigħat tax-xogħol varjabbli u/jew flessibbli
- Xogħol frekwenti ta’ emerġenza
- Kuntatt frekwenti man-nies ġewwa u barra l-Parlament
4. Eleġibilità
Biex tkun eleġibbli għall-possibilità ta’ reklutaġġ fil-futur għal pożizzjoni vakanti, se jkun jeħtieġlek tissodisfa l-kriterji ġenerali u speċifiċi li ġejjin:
a. Rekwiżiti ġenerali
- Tkun ċittadin(a) ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
- Tkun issodisfajt kull obbligu impost mil-liġijiet nazzjonali fir-rigward tas-servizz militari.
- Tippreżenta l-garanziji ta’ moralità xierqa għall-qadi tal-funzjonijiet tiegħek.
b. Rekwiżiti speċifiċi
i. Kwalifiki u ħiliet meħtieġa
Għall-grad AD 6, mill-inqas:
- livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ta’ mill-inqas tliet snin iċċertifikati b’diploma,
jew
- meta jkun ġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali ta’ livell ekwivalenti.
Għall-grad AD 8, mill-inqas:
- livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma, meta t-tul ta’ żmien normali tal-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew iżjed,
jew
- livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena, meta t-tul ta’ żmien normali tal-istudji universitarji jkun ta’ mill-inqas tliet snin,
jew
- meta jkun ġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali ta’ livell ekwivalenti.
Qabel ma jiġu reklutati, il-kandidati magħżula li jkollhom isimhom inkluż fil-bażi tad-data se jintalbu jfornu dokumenti li jiġġustifikaw l-informazzjoni inkluża fil-formola tal-applikazzjoni (diplomi, ċertifikati u dokumenti oħra ta’ sostenn).
Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru jew f’pajjiż mhux tal-UE, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-UE, bħall-ministeru tal-edukazzjoni.
Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE jeħtiġilhom ifornu ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC (https://www.enic-naric.net/).
Se jitqiesu d-differenzi bejn is-sistemi edukattivi. Eżempji tal-kwalifiki minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella li tidher fil-gwida.
ii. Għarfien lingwistiku
Il-kandidati jrid ikollhom għarfien komplut (mill-inqas ta’ livell C1) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż. Huwa preferibbli li tagħżel il-lingwa materna tiegħek bħala l-lingwa 1.
u
għarfien sodisfaċenti (mill-inqas ta’ livell B2) tal-Ingliż jew il-Franċiż (lingwa 2). Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1. Fil-każ li l-lingwa 1 tkun l-Ingliż jew il-Franċiż, huwa meħtieġ livell sodisfaċenti (livell B2) ta’ waħda mit-23 lingwa uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea.
Il-kandidati għandhom ikunu jafu li l-livelli minimi meħtieġa hawn fuq japplikaw għal kull qasam ta’ kapaċità lingwistika (taħdit, kitba, qari, smigħ) imsemmija fil-formola tal-applikazzjoni. Dawn il-kapaċitajiet jikkorrispondu għal dawk speċifikati fil-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (https://europa.eu/europass/mt/common-european-framework-reference-language-skills).
Il-kandidati huma infurmati li ż-żewġ għażliet tal-lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż) proposti għall-finijiet ta’ din il-proċedura maħsuba għall-ħolqien ta’ bażi tad-data ġew definiti skont l-interess tas-servizz u, speċifikament, tal-pożizzjonijiet ta’ amministraturi inkarigati mis-sigurtà tal-ICT u ta’ esperti fis-sigurtà tal-ICT.
Fil-fatt, l-Ingliż u l-Franċiż huma l-aktar lingwi komuni li jintużaw għat-twettiq tal-kompiti deskritti fil-punt 3 tas-sejħa.
Konsegwentement, biex ikunu operattivi minnufih, il-kandidati reklutati jeħtiġilhom ikunu kapaċi jaħdmu u jikkomunikaw b’mod effettiv bl-Ingliż jew bil-Franċiż.
iii. Esperjenza professjonali meħtieġa
Wara li jkunu kisbu l-kwalifiki msemmija fit-taqsima (4.b.i) hawn fuq, il-kandidati jridu jkunu kisbu
- għall-grad AD 6: mill-inqas sentejn ta’ esperjenza professjonali rilevanti għall-kompiti speċifikati fit-taqsima 3 hawn fuq;
- għall-grad AD 8: mill-inqas tmien snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti għall-kompiti speċifikati fit-taqsima 3.a jew 3.b hawn fuq.
5. Bażi tad-data
Jekk inti
- tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali ta’ eleġibilità u
- tkun imlejt il-formola tal-applikazzjoni permezz tal-pjattaforma APPLY4EP (ara hawn taħt, “Applikazzjonijiet”) f’konformità mal-proċedura u fi żmien id-data tal-iskadenza,
ismek jiġi inkluż fil-bażi tad-data.
Ismek jiġi inkluż esklużivament abbażi tal-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni u fid-dokumenti annessi. Din l-informazzjoni u dawn id-dokumenti se jiġu vverifikati aktar tard, jekk inti tirċievi offerta ta’ reklutaġġ.
6. Applikazzjonijiet - kif tesprimi l-interess tiegħek?
Il-persuni interessati jeħtiġilhom jimlew il-formola tal-applikazzjoni tagħhom permezz tal-pjattaforma online APPLY4EP. L-espressjonijiet ta’ interess jistgħu jintbagħtu biss permezz ta’ dik il-pjattaforma.
Wara li tkun ħloqt il-kont tiegħek, jeħtieġlek ittella’ curriculum vitae dettaljat. Jeħtieġlek tuża l-format Europass (https://europa.eu/europass/select-language?destination=/node/1).
Imbagħad jeħtieġlek timla l-bqija tal-formola tal-applikazzjoni.
L-informazzjoni trid tkun iġġustifikata permezz ta’ dokumenti ta’ sostenn.
Jeħtieġlek tagħżel il-grad li tkun qed tapplika għalih: AD 6 jew AD 8.
Tista’ ssib istruzzjonijiet addizzjonali dwar kif tesprimi l-interess tiegħek fil-gwida annessa ma’ din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess.
L-iskadenza għall-espressjonijiet ta’ interess hija: it-22 ta' April 2024, 17:00 (ħin ta’ Brussell/il-Lussemburgu). Jekk jogħġbok applika permezz tal-pjattaforma APPLY4EP. L-espressjonijiet ta’ interess li jaslu wara dik id-data ma jiġux aċċettati.
Il-fatt li ismek jiġi inkluż fil-bażi tad-data jew li tgħaddi minn intervista u/jew minn test ta’ selezzjoni mhuwiex garanzija li se tirċievi offerta ta’ impjieg. Jekk kuntratt isir disponibbli, is-servizzi ta’ reklutaġġ jikkonsultaw il-bażi tad-data u joħorġu stedina lil dawk il-kandidati li l-profil tagħhom ikun jaqbel l-aktar mill-qrib mar-rekwiżiti tal-pożizzjoni inkwistjoni. Jekk jirriżulta li l-informazzjoni li jkunu fornew ma tkunx korretta, il-kandidati jiġu esklużi mill-proċedura u isimhom jitneħħa mill-bażi tad-data.
Il-Parlament Ewropew japplika politika stretta ta’ opportunitajiet indaqs fil-proċeduri ta’ selezzjoni, bil-għan li jiggarantixxi trattament indaqs lill-kandidati kollha.
Il-kondizzjonijiet tal-impjieg fl-istituzzjonijiet tal-UE huma stabbiliti fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Id-dettalji kollha tal-arranġamenti tax-xogħol jistgħu jinstabu hawn:
https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20140501 (Titolu II) “Persunal temporanju”
Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 6, l-ewwel skala, jew fil-grad AD 8, l-ewwel skala. Is-salarju bażiku huwa ta’ EUR 6 066,59 għall-grad AD 6 u ta’ EUR 7 766,14 għall-grad AD 8. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa tal-Unjoni u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se jiġu reklutati l-kandidati li jirnexxu madankollu tista’ tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali tagħhom. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f’ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.
Il-bażi tad-data se tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru 2025. Il-validità tagħha tista’ tiġi estiża b’deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra. F’dan il-każ, il-kandidati li jkollhom isimhom inkluż fil-lista se jkunu infurmati f’ħin utli.