This website uses cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue we assume that you consent to receive all cookies on all websites.
For further information, please click here >>.

SEJĦA GĦAL ESPRESSJONI TA’ INTERESSAMMINISTRATURI INKARIGATI MIS-SIGURTÀ TAL-ICT (AD6/AD8)

Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 22/04/2024 17:00
Servizz : 12-Direction générale de l'innovation et du support technologique
Ref. : AMI ITEC 2023
Gwida għall-kandidati :

 

ĦOLQIEN TA’ BAŻI TAD-DATA

Amministraturi inkarigati mis-sigurtà tal-ICT (AD6) u esperti fis-sigurtà tal-ICT (AD8) fi Brussell u l-Lussemburgu

Persunal temporanju

 

1. Kummenti ġenerali

Is-Segretarjat tal-Parlament Ewropew qed iniedi din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess bil-ħsieb li joħloq bażi tad-data ta’ kandidati li jkunu interessati f’pożizzjoni vakanti bħala amministratur/triċi inkarigat(a) mis-sigurtà tal-ICT (AD6) jew bħala espert(a) fis-sigurtà tal-ICT.

Il-bażi tad-data se sservi ta’ riżerva ta’ kandidati bil-ħsieb tal-possibilità ta’ reklutaġġ fil-futur ta’ amministraturi inkarigati mis-sigurtà tal-ICT jew ta’ esperti fis-sigurtà tal-ICT fil-Parlament Ewropew. Dawn l-speċjalisti jiġu primarjament reklutati mid-Direttorat Ġenerali għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku (DĠ ITEC).

Ladarba tinħoloq il-bażi tad-data, il-persuni li jkollhom isimhom inkluż fil-bażi tad-data jistgħu jintgħażlu bħala aġenti temporanji biex jimlew pożizzjonijiet vakanti għal amministraturi inkarigati mis-sigurtà tal-ICT jew esperti fis-sigurtà tal-ICT li jinħolqu fid-Direttorat Ġenerali għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku (DĠ ITEC), f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2b tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Is-selezzjoni ssir f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 (“Kumitat Konġunt (COPAR)”) tad-“Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni [tal-Parlament] dwar il-kompetizzjonijiet u l-proċeduri ta’ selezzjoni u l-gradi ta’ uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Parlament Ewropew”.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, il-kulur tal-ġilda, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

Il-persuni interessati li jkollhom isimhom inkluż fil-bażi tad-data għandhom jippreżentaw CV u jimlew il-formola tal-applikazzjoni permezz tal-pjattaforma APPLY4EP, wara li jkunu ħolqu kont. Biex jagħmlu dan, għandhom jaqraw sew dan l-avviż, jikklikkjaw fuq il-buttuna “Applika online” u jsegwu l-passi tal-proċedura tal-applikazzjoni online. Għandhom jaqraw sew ukoll il-gwida annessa ma’ dan l-avviż. Huwa permess li jinħoloq kont wieħed biss f’APPLY4EP. Id-data personali rreġistrata fil-kont se tiġi pproċessata f’konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u se tibqa’ modifikabbli, u b’hekk tkun tista’ tiġi aġġornata. Id-dikjarazzjoni ta’ privatezza għal APPLY4EP hija disponibbli fil-paġna ewlenija.

2. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Il-persuni li jintgħażlu bħala amministratur/triċi inkarigat(a) mis-sigurtà tal-ICT jew bħala espert(a) fis-sigurtà tal-ICT għandu jkollhom kompetenzi rilevanti f’mill-inqas wieħed mill-oqsma li ġejjin:

  • il-protezzjoni tal-punti terminali;
  • id-disinn u l-implimentazzjoni tal-linji bażi tas-sigurtà għal protezzjoni effettiva;
  • il-monitoraġġ tal-avvenimenti ta’ sigurtà;
  • il-ġestjoni tal-inċidenti tas-sigurtà tal-ICT u l-aċċertament tas-sigurtà tal-ICT;
  • il-ġestjoni tal-vulnerabilitajiet;
  • l-infrastruttura ewlenija pubblika u l-kriptografija;
  • il-valutazzjoni tar-riskji tas-sigurtà (i.e. jipprovdu għodod u assistenza għal proġetti varji tal-IT u jassistu fl-evalwazzjoni ta’ software ġdid fil-kuntest taċ-ċibersigurtà);
  • is-sensibilizzazzjoni tal-utenti dwar iċ-ċibersigurtà (i.e. jissensibilizzaw lill-utenti billi jiżviluppaw kampanji ad hoc dwar iċ-ċibersigurtà għall-utenti aħħarin u billi joħolqu u jagħtu preżentazzjonijiet dwar iċ-ċibersigurtà; jagħtu assistenza fil-kuntest ta’ missjonijiet sensittivi);
  • iċ-ċiklu tal-ħajja tal-iżvilupp ta’ software sigur, u l-iżvilupp ta’ politiki fil-qasam tal-governanza, ir-riskju u l-konformità tas-sigurtà tal-IT;
  • il-ġestjoni tar-riskji tal-intrapriża (billi jagħtu sostenn lill-ġesturi tar-riskji, inkluż dwar iż-żamma ta’ reġistru tar-riskji);
  • il-ġbir u r-rappurtar ta’ informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku;
  • l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà f’ambjenti tal-cloud;
  • l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà f’ambjenti tas-software għall-produttività tal-uffiċċji;
  • id-definizzjoni u l-awtomatizzazzjoni tal-kontrolli tas-sigurtà;
  • il-ġestjoni tal-identità u l-aċċess (IAM) u l-ġestjoni tal-aċċess privileġġjat (PAM);
  • it-tisħiħ tas-sistemi operattivi u tal-bażijiet tad-data;
  • l-informatika forensika;
  • is-sigurtà tan-network;
  • is-sigurtà tal-perimetru;
  • is-sigurtà tal-internet tal-oġġetti.

3. Kompiti

 F’konformità mal-programmi u l-prijoritajiet definiti mill-korpi u/jew mill-ġerarkija tal-Parlament, u taħt l-awtorità tal-uffiċjali responsabbli:

  • jidentifikaw, janalizzaw, jevalwaw, jirrappurtaw, jikkomunikaw u jittrattaw ir-riskji taċ-ċibersigurtà;
  • iwettqu investigazzjonijiet dwar anomaliji u ħsarat li jaffettwaw is-sigurtà tal-ICT, filwaqt li jikkorrelataw l-avvenimenti individwati;
  • jintegraw is-sigurtà tal-IT tul iċ-ċiklu tal-ħajja tat-tipi kollha ta’ sistemi tal-IT inklużi dawk ibbażati fuq il-cloud;
  • jivvalutaw kontinwament ir-rekwiżiti ta’ sigurtà tal-Parlament Ewropew, kif ukoll iwettqu sorveljanza teknoloġika tas-swieq rilevanti biex ikunu jistgħu jressqu soluzzjonijiet xierqa;
  • iwettqu valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet, studji tal-fattibilità u analiżijiet funzjonali u tas-sistemi fil-qasam tal-attività tagħhom;
  • jirrappreżentaw lid-dipartiment fit-timijiet tal-proġett, fil-gruppi ta’ ħidma interni u interistituzzjonali, fil-korpi professjonali u/jew fil-laqgħat professjonali;
  • imexxu u jikkoordinaw proġetti speċifiċi.

Kompetenzi speċifiċi mitluba:

  • Titjib kontinwu
  • Flessibilità
  • Spirtu ta’ tim u kooperazzjoni
  • Orjentament lejn ir-riżultat
  • Affidabilità
  • Kapaċità ta’ awtokontroll u valutazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi
  • Approċċ metikoluż
  • Approċċ ta’ soluzzjoni tal-problemi
  • Reżiljenza

Ambjent tax-xogħol:

  • Bżonn ta’ disponibilità lil hinn mill-post tax-xogħol
  • Ritmu u sigħat tax-xogħol varjabbli u/jew flessibbli
  • Xogħol frekwenti ta’ emerġenza
  • Kuntatt frekwenti man-nies ġewwa u barra l-Parlament

4. Eleġibilità

Biex tkun eleġibbli għall-possibilità ta’ reklutaġġ fil-futur għal pożizzjoni vakanti, se jkun jeħtieġlek tissodisfa l-kriterji ġenerali u speċifiċi li ġejjin:

a. Rekwiżiti ġenerali

  • Tkun ċittadin(a) ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
  • Tkun issodisfajt kull obbligu impost mil-liġijiet nazzjonali fir-rigward tas-servizz militari.
  • Tippreżenta l-garanziji ta’ moralità xierqa għall-qadi tal-funzjonijiet tiegħek.

b. Rekwiżiti speċifiċi

i. Kwalifiki u ħiliet meħtieġa

Għall-grad AD 6, mill-inqas:

  • livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ta’ mill-inqas tliet snin iċċertifikati b’diploma,

jew

  • meta jkun ġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali ta’ livell ekwivalenti.

Għall-grad AD 8, mill-inqas:

  • livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma, meta t-tul ta’ żmien normali tal-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew iżjed,

jew

  • livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena, meta t-tul ta’ żmien normali tal-istudji universitarji jkun ta’ mill-inqas tliet snin,

jew

  • meta jkun ġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali ta’ livell ekwivalenti.

Qabel ma jiġu reklutati, il-kandidati magħżula li jkollhom isimhom inkluż fil-bażi tad-data se jintalbu jfornu dokumenti li jiġġustifikaw l-informazzjoni inkluża fil-formola tal-applikazzjoni (diplomi, ċertifikati u dokumenti oħra ta’ sostenn).

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru jew f’pajjiż mhux tal-UE, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-UE, bħall-ministeru tal-edukazzjoni.

Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE jeħtiġilhom ifornu ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC (https://www.enic-naric.net/).

Se jitqiesu d-differenzi bejn is-sistemi edukattivi. Eżempji tal-kwalifiki minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella li tidher fil-gwida.

ii. Għarfien lingwistiku

Il-kandidati jrid ikollhom għarfien komplut (mill-inqas ta’ livell C1) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż. Huwa preferibbli li tagħżel il-lingwa materna tiegħek bħala l-lingwa 1.

u

għarfien sodisfaċenti (mill-inqas ta’ livell B2) tal-Ingliż jew il-Franċiż (lingwa 2). Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1. Fil-każ li l-lingwa 1 tkun l-Ingliż jew il-Franċiż, huwa meħtieġ livell sodisfaċenti (livell B2) ta’ waħda mit-23 lingwa uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

Il-kandidati għandhom ikunu jafu li l-livelli minimi meħtieġa hawn fuq japplikaw għal kull qasam ta’ kapaċità lingwistika (taħdit, kitba, qari, smigħ) imsemmija fil-formola tal-applikazzjoni. Dawn il-kapaċitajiet jikkorrispondu għal dawk speċifikati fil-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (https://europa.eu/europass/mt/common-european-framework-reference-language-skills).

 

Il-kandidati huma infurmati li ż-żewġ għażliet tal-lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż) proposti għall-finijiet ta’ din il-proċedura maħsuba għall-ħolqien ta’ bażi tad-data ġew definiti skont l-interess tas-servizz u, speċifikament, tal-pożizzjonijiet ta’ amministraturi inkarigati mis-sigurtà tal-ICT u ta’ esperti fis-sigurtà tal-ICT.

Fil-fatt, l-Ingliż u l-Franċiż huma l-aktar lingwi komuni li jintużaw għat-twettiq tal-kompiti deskritti fil-punt 3 tas-sejħa.

Konsegwentement, biex ikunu operattivi minnufih, il-kandidati reklutati jeħtiġilhom ikunu kapaċi jaħdmu u jikkomunikaw b’mod effettiv bl-Ingliż jew bil-Franċiż.

iii. Esperjenza professjonali meħtieġa

Wara li jkunu kisbu l-kwalifiki msemmija fit-taqsima (4.b.i) hawn fuq, il-kandidati jridu jkunu kisbu

  • għall-grad AD 6: mill-inqas sentejn ta’ esperjenza professjonali rilevanti għall-kompiti speċifikati fit-taqsima 3 hawn fuq;
  • għall-grad AD 8: mill-inqas tmien snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti għall-kompiti speċifikati fit-taqsima 3.a jew 3.b hawn fuq.

5. Bażi tad-data

Jekk inti

  • tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali ta’ eleġibilità u
  • tkun imlejt il-formola tal-applikazzjoni permezz tal-pjattaforma APPLY4EP (ara hawn taħt, “Applikazzjonijiet”) f’konformità mal-proċedura u fi żmien id-data tal-iskadenza,

ismek jiġi inkluż fil-bażi tad-data.

Ismek jiġi inkluż esklużivament abbażi tal-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni u fid-dokumenti annessi. Din l-informazzjoni u dawn id-dokumenti se jiġu vverifikati aktar tard, jekk inti tirċievi offerta ta’ reklutaġġ.

6. Applikazzjonijiet - kif tesprimi l-interess tiegħek?

Il-persuni interessati jeħtiġilhom jimlew il-formola tal-applikazzjoni tagħhom permezz tal-pjattaforma online APPLY4EP. L-espressjonijiet ta’ interess jistgħu jintbagħtu biss permezz ta’ dik il-pjattaforma.

Wara li tkun ħloqt il-kont tiegħek, jeħtieġlek ittella’ curriculum vitae dettaljat. Jeħtieġlek tuża l-format Europass (https://europa.eu/europass/select-language?destination=/node/1).

Imbagħad jeħtieġlek timla l-bqija tal-formola tal-applikazzjoni.

L-informazzjoni trid tkun iġġustifikata permezz ta’ dokumenti ta’ sostenn.

Jeħtieġlek tagħżel il-grad li tkun qed tapplika għalih: AD 6 jew AD 8.

Tista’ ssib istruzzjonijiet addizzjonali dwar kif tesprimi l-interess tiegħek fil-gwida annessa ma’ din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess.

L-iskadenza għall-espressjonijiet ta’ interess hija: it-22 ta' April  2024, 17:00 (ħin ta’ Brussell/il-Lussemburgu). Jekk jogħġbok applika permezz tal-pjattaforma APPLY4EP. L-espressjonijiet ta’ interess li jaslu wara dik id-data ma jiġux aċċettati.

Il-fatt li ismek jiġi inkluż fil-bażi tad-data jew li tgħaddi minn intervista u/jew minn test ta’ selezzjoni mhuwiex garanzija li se tirċievi offerta ta’ impjieg. Jekk kuntratt isir disponibbli, is-servizzi ta’ reklutaġġ jikkonsultaw il-bażi tad-data u joħorġu stedina lil dawk il-kandidati li l-profil tagħhom ikun jaqbel l-aktar mill-qrib mar-rekwiżiti tal-pożizzjoni inkwistjoni. Jekk jirriżulta li l-informazzjoni li jkunu fornew ma tkunx korretta, il-kandidati jiġu esklużi mill-proċedura u isimhom jitneħħa mill-bażi tad-data.

 Il-Parlament Ewropew japplika politika stretta ta’ opportunitajiet indaqs fil-proċeduri ta’ selezzjoni, bil-għan li jiggarantixxi trattament indaqs lill-kandidati kollha.

Il-kondizzjonijiet tal-impjieg fl-istituzzjonijiet tal-UE huma stabbiliti fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Id-dettalji kollha tal-arranġamenti tax-xogħol jistgħu jinstabu hawn: 

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20140501 (Titolu II) “Persunal temporanju”

Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 6, l-ewwel skala, jew fil-grad AD 8, l-ewwel skala. Is-salarju bażiku huwa ta’ EUR 6 066,59 għall-grad AD 6 u ta’ EUR 7 766,14 għall-grad AD 8. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa tal-Unjoni u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se jiġu reklutati l-kandidati li jirnexxu madankollu tista’ tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali tagħhom. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f’ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.

Il-bażi tad-data se tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru 2025. Il-validità tagħha tista’ tiġi estiża b’deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra. F’dan il-każ, il-kandidati li jkollhom isimhom inkluż fil-lista se jkunu infurmati f’ħin utli.