Post tax-xogħol : Brussell ; Lussemburgu
Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 16/09/2025 12:00
Servizz : 12-Direttorat Ġenerali għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u ċ-Ċibersigurtà
Referenza : PE/334/2025/S/ITEC - ICT applications specialist (AD 7)
Gwida għall-kandidati : Iddawnlowdja gwida għall-kandidati

AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/334/2025/S/ITEC

  MEMBRU TAL-PERSUNAL TEMPORANJU

Speċjalist(a) tal-applikazzjonijiet tal-ICT (AD 7)

 

 

Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma’ dan l-avviż ta’ reklutaġġ. 

 Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta’ reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri ta’ selezzjoni u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.  

 

WERREJ

 

A.                FUNZJONIJIET U ELEĠIBBILTÀ

B.                PROĊEDURA

C.               TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

ANNESS:   GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA’ SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

 

A. FUNZJONIJIET U ELEĠIBBILTÀ

 

1.         Kummenti ġenerali

 

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għal tliet pożizzjonijiet ta’ membru tal-persunal temporanju (AD 7) fid-Direttorat Ġenerali għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u ċ-Ċibersigurtà (DĠ ITEC). Il-profil imfittex huwa dak ta’ speċjalist(a) tal-applikazzjonijiet tal-ICT.

 

Il-kuntratt se jiġi konkluż għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 7, l-ewwel skala, b’salarju bażiku ta’ EUR 7 646.86 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa għall-benefiċċju tal-Unjoni Ewropea u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se jiġu reklutati l-kandidati li jirnexxu madankollu tista’ tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali tagħhom. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f’ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.

 

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

 

2.         Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Id-Direttorat Ġenerali għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u ċ-Ċibersigurtà (DĠ ITEC) jipprovdi servizzi tal-IT u tal-komunikazzjoni biex jappoġġja l-ħidma tal-Parlament Ewropew. Jiżviluppa u jżomm spazju ta’ ħidma intern multilingwi, filwaqt li jiżgura aċċess sigur għad-dokumenti essenzjali. Id-DĠ ITEC jimmaniġġja s-sistemi tal-IT tal-Parlament, jallinja l-istrateġija ta’ innovazzjoni tiegħu mal-ħtiġijiet istituzzjonali u jissorvelja infrastruttura tal-IT sigura u sostenibbli. Jittratta wkoll il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ dokumenti parlamentari u jikkollabora mal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għall-pubblikazzjonijiet uffiċjali.

Id-DĠ ITEC qed ifittex speċjalisti tal-applikazzjonijiet tal-ICT biex jingħaqdu ma’ żewġ unitajiet bi rwol ċentrali li jappoġġjaw it-trasformazzjoni diġitali tal-Parlament.

 

Hemm żewġ pożizzjonijiet disponibbli bbażati fil-Lussemburgu, it-tnejn li huma fl-Unità tad-Disinn ta’ Soluzzjonijiet u l-Garanzija tal-Kwalità (Unità DESIQUAL). Se jintgħażel kandidat wieħed għal kull wieħed mis-servizzi li ġejjin fi ħdan l-unità:

 

-          Is-Servizz ta’ Analiżi Teknika u Armonizzazzjoni tal-Interfaċċa (servizz TAUH), li jiżgura d-disinn tekniku tal-applikazzjonijiet tal-IT tal-Parlament. Il-persuna li tintgħażel se taġixxi bħala arkitett tekniku biex tiġi mmodernizzata u ottimizzata l-panorama tal-applikazzjonijiet.

 

-          Is-Servizz ta’ Analiżi Funzjonali, Disinn u Attribuzzjoni (servizz FASDA), li jiżgura d-disinn ta’ soluzzjonijiet funzjonali għall-applikazzjonijiet tal-IT tal-Parlament. Il-persuna li tintgħażel se tmexxi proġetti ta’ akkwist u integrazzjoni ta’ software fuq skala kbira, filwaqt li ġġib esperjenza solida fl-arkitettura tal-intrapriżi, fin-negozjar tal-kuntratti u fil-ġestjoni tal-portafolli.

 

Barra minn hekk, pożizzjoni waħda hija bbażata fi Brussell, fi ħdan l-Unità tal-Esperjenza Diġitali tal-Membri (Unità e-MEP), li l-enfasi tagħha hija li tipprovdi servizzi tal-IT personalizzati u ta’ kwalità għolja lill-Membri tal-Parlament Ewropew. Il-persuna li tintgħażel se tikkoordina l-appoġġ tal-ewwel linja, tissorvelja l-verifiki tas-sigurtà tal-apparati mobbli, tikkontribwixxi għall-pjan tal-IT u tmexxi proġetti ta’ innovazzjoni, inkluż l-użu tal-IA.

 

Taħt l-awtorità tas-superviżur tagħhom u b’mod konformi mal-programmi u mal-prijoritajiet stabbiliti mill-korpi governattivi tal-Parlament u mill-maniġment rilevanti, l-ispeċjalisti tal-applikazzjonijiet tal-ICT iwettqu diversi attivitajiet minn dawn li ġejjin:

·       Jiddisinjaw, jiżviluppaw u jżommu soluzzjonijiet ta’ software skalabbli u robusti bl-użu ta’ oqfsa tal-ipprogrammar u skemi arkitettoniċi moderni.

·       Iwettqu analiżi teknika biex tiggwida l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet u l-ottimizzazzjoni tas-sistemi.

·       Imexxu jew jikkontribwixxu għall-integrazzjoni u għall-użu ta’ applikazzjonijiet tas-software, filwaqt li jiżguraw standards għoljin ta’ prestazzjoni u sigurtà.

·       Jikkoordinaw l-attivitajiet ta’ appoġġ tal-IT, filwaqt li jiżguraw servizzi effiċjenti u risponsivi għall-utenti finali f’ambjent impenjattiv u dinamiku.

·       Jimmonitorjaw is-sigurtà u l-integrità tal-apparati u tas-sistemi tal-IT, inkluża l-implimentazzjoni ta’ miżuri preventivi u korrettivi.

·       Janalizzaw il-ħtiġijiet tal-utenti u x-xejriet emerġenti biex jipproponu u jimplimentaw soluzzjonijiet diġitali innovattivi.

·       Jipparteċipaw fl-ippjanar u fil-koordinazzjoni tal-proġetti tal-IT, inkluż billi jikkontribwixxu għall-valutazzjonijiet tar-riskju u għar-rapportar.

·       Jirrappreżentaw lit-tim f’laqgħat, fi gruppi ta’ ħidma, u f’forums tat-teħid tad-deċiżjonijiet relatati mas-servizzi u mal-istrateġija tal-IT.

·       Jimmaniġġjaw proġetti kumplessi tal-IT, inklużi l-akkwist u l-integrazzjoni tas-software, filwaqt li jiżguraw konsenja f’waqtha u kosteffettiva.

·       Jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati tekniċi u mhux tekniċi bl-użu ta’ metodoloġiji ta’ konsenja aġli u metodoloġiji oħra ta’ ġestjoni tal-proġetti.

·       Iwettqu analiżi tan-negozju u jiġbru r-rekwiżiti funzjonali u tekniċi minn gruppi ta’ utenti differenti.

·       Jappoġġjaw il-proċessi ta’ akkwist u jikkontribwixxu għan-negozjar ta’ kuntratti ma’ bejjiegħa jew fornituri ta’ servizzi esterni.

 

It-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet jeħtieġ ukoll ħiliet ta’ organizzazzjoni u koordinazzjoni eċċellenti, reżiljenza, sens qawwi ta’ responsabbiltà, diplomazija, ħiliet interpersonali tajbin u spirtu qawwi ta’ tim.

 

Il-ħidma tinvolvi vjaġġar bejn il-postijiet tax-xogħol tal-Parlament.

 

3.         Rekwiżiti ta’ eleġibbiltà

 

Sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, jeħtieġlek tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

 

(a)     Rekwiżiti ġenerali

 

F’konformità mal-Artikolu 12(2) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġlek:

 

–          tkun ċittadin(a) ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

–          tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek,

–          tkun issodisfajt kull obbligu impost fuqek mil-liġijiet dwar is-servizz militari.

 

(b)     Rekwiżiti speċifiċi

 

(i)      Kwalifiki meħtieġa

 

Irid ikollok:

 

-        livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma fil-qasam tax-xjenza tal-kompjuters, tal-inġinerija tal-kompjuters, tal-maniġment tal-ICT, tal-elettronika tal-kompjuters jew f’qasam simili meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew aktar,

 

jew

 

-        livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma fil-qasam tax-xjenza tal-kompjuters, tal-inġinerija tal-kompjuters, tal-maniġment tal-ICT, tal-elettronika tal-kompjuters jew f’qasam simili flimkien ma’ esperjenza professjonali rilevanti skont id-deskrizzjoni tal-funzjonijiet (taqsima A.2.) ta’ mill-anqas sena meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ tliet snin jew aktar. Din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma titqiesx meta jiġi kkalkulat it-tul ta’ żmien meħtieġ ta’ esperjenza professjonali speċifikat fil-punt 3(b)(ii).

 

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż ieħor, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-UE, bħall-ministeru għall-edukazzjoni ta’ Stat Membru.

Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE jeħtiġilhom jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba f’pajjiż mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC, ara: https://www.enic-naric.net.

Il-kumitat ta’ selezzjoni se jqis id-differenzi bejn is-sistemi edukattivi tal-Istati Membri. Eżempji tal-kwalifiki minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella inkluża fil-gwida għall-kandidati.

Il-kandidati li jonqsu milli jehmżu ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom, meta meħtieġa, u l-kandidati b’diplomi mhux rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-UE ma jkunux ammessi għall-proċedura ta’ selezzjoni.

 

(ii)        Esperjenza professjonali meħtieġa

 

Irid ikollok mill-anqas erba’ snin esperjenza professjonali rilevanti għan-natura tal-funzjonijiet, wara li tkun ksibt il-kwalifiki meħtieġa skont il-punt 3(b)(i), li tnejn minnhom iridu jkunu f’istituzzjoni jew korp tal-Unjoni Ewropea u/jew f’amministrazzjoni nazzjonali.

 

(iii)    Għarfien lingwistiku

 

Irid ikollok għarfien komplut (livell C1) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż,

 

u

 

għarfien sodisfaċenti (livell minimu B2) tal-Ingliż jew tal-Franċiż (lingwa 2).

Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1.

 

Għalhekk, fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek trid tagħżel l-Ingliż jew il-Franċiż bħala l-lingwa 2.

 

Il-kandidati huma infurmati li r-rekwiżit tal-lingwa 2 għal din il-proċedura (l-Ingliż jew il-Franċiż) ġie stabbilit fl-interessi tas-servizzi.  Il-funzjonijiet tal-ispeċjalisti tal-applikazzjonijiet tal-ICT jeħtieġu ħiliet speċifiċi, inkluż fir-rigward tal-monitoraġġ, l-iżgurar ta’ assistenza lil utenti differenti u l-għoti ta’ appoġġ tal-ewwel u tat-tieni linja għal kwistjonijiet relatati mal-IT. Il-membri tal-persunal irreklutati ġodda jeħtiġilhom ikunu kapaċi jifhmu l-funzjonijiet li għandhom jitwettqu, isolvu l-problemi u jikkomunikaw b’mod effettiv mal-utenti, mal-maniġment u mal-kollegi.

 

Il-Parlament Ewropew jimpjega persunal varjat imqassam prinċipalment fil-binjiet tiegħu li jinsabu fi Brussell, fil-Lussemburgu u fi Strażburgu. F’dan il-kuntest multilingwi, l-effettività operattiva tiddependi ħafna mill-użu tal-Franċiż u tal-Ingliż. Dawn iż-żewġ lingwi huma essenzjali biex tiġi żgurata komunikazzjoni bla xkiel u effiċjenti u biex l-attivitajiet ta’ kuljum jitwettqu b’suċċess.

 

L-għarfien ta’ waħda minn dawn il-lingwi huwa essenzjali biex il-persunal ikun jista’ jassumi r-responsabbiltajiet tiegħu b’mod effettiv u jissodisfa l-ħtiġijiet tas-servizz fil-kuntest tal-funzjonijiet li se jkun meħtieġ iwettaq. Il-funzjonijiet imwettqa jinvolvu interazzjoni regolari mal-kollegi, mal-maniġment u mal-interlokuturi esterni li prinċipalment jużaw dawn il-lingwi fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Barra minn hekk, it-taħriġ, il-laqgħat tat-timijiet u l-proċeduri ta’ integrazzjoni għall-persunal il-ġdid isiru prinċipalment bl-Ingliż u bil-Franċiż, u b’hekk tissaħħaħ l-importanza tal-għarfien ta’ mill-anqas waħda minn dawn iż-żewġ lingwi. 

 

Fid-DĠ ITEC, il-Franċiż huwa l-aktar lingwa li tintuża għall-komunikazzjoni interna, filwaqt li l-Ingliż huwa predominanti fir-relazzjonijiet ma’ direttorati ġenerali oħra u mal-awtoritajiet lokali politiċi u amministrattivi tal-Parlament. Għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż huwa essenzjali peress li l-biċċa l-kbira tad-dokumentazzjoni teknika, tal-manwali tas-software u tar-riżorsi ta’ appoġġ tal-IT huma disponibbli primarjament bl-Ingliż.

 

Ir-rekwiżiti lingwistiċi ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni huma għalhekk konformi mal-prattika li ilha stabbilita. Bħala konklużjoni, ir-restrizzjoni tal-lingwa 2 għall-Ingliż jew għall-Franċiż f’din il-proċedura ta’ selezzjoni hija ġġustifikata mill-ħtiġijiet operattivi tas-servizz, ir-rekwiżiti tal-pożizzjoni ta’ speċjalist(a) tal-applikazzjonijiet tal-ICT u l-prattiki interni tad-direttorati ġenerali sabiex jiġu żgurati effettività u koeżjoni mill-aqwa fi ħdan il-Parlament Ewropew.

 

 

B. PROĊEDURA

Il-proċedura hija bbażata fuq kwalifiki u testijiet.

 

1.      Ammissjoni u evalwazzjoni tal-kwalifiki (l-ewwel stadju)

 

(a)     L-Awtorità tal-Ħatra tħejji lista tal-kandidati li jkunu ressqu l-applikazzjonijiet tagħhom fil-forma meħtieġa u sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali stabbiliti fit-taqsima A, il-punt 3(a). Din il-lista tintbagħat lill-kumitat ta’ selezzjoni flimkien mal-fajls tal-applikazzjoni.

 

(b)     Abbażi esklużivament tal-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni, li tkun issostanzjata b’dokumenti ġustifikattivi fornuti flimkien mal-formola tal-applikazzjoni (għal aktar dettalji, ara l-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew, il-punt 3.3):

Il-kumitat ta’ selezzjoni jeżamina d-dokumenti ġustifikattivi pprovduti biex jivverifika jekk il-kandidati jissodisfawx il-kondizzjonijiet speċifiċi għall-ammissjoni, kif stabbiliti fit-taqsima A, il-punt 3(b).

 

(c)     Għall-kandidati ammessi fil-proċedura ta’ selezzjoni, il-kumitat ta’ selezzjoni jevalwa l-kwalifiki tagħhom billi juża tabella tal-punteġġ imfassla minn qabel.  Il-kumitat ta’ selezzjoni jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati ammessi u jfassal lista tat-18-il kandidat eleġibbli bl-ogħla punteġġi, li jiġu mistiedna għat-testijiet. Il-kumitat ta’ selezzjoni jistieden lill-kandidati ex aequo kollha għall-aħħar post ta’ kwalifika disponibbli.

Il-kumitat ta’ selezzjoni, huwa u jwettaq evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati, iqis l-aspetti li ġejjin (iddokumentati kif xieraq b’evidenza ta’ sostenn li tindika b’mod ċar in-natura tal-funzjonijiet imwettqa, it-tul tal-impjieg u l-kuntest li fih inkisbet l-esperjenza):

 

1.     Esperjenza pruvata fid-disinn, fl-iżvilupp u fil-manutenzjoni ta’ soluzzjonijiet moderni ta’ software, preferibbilment bl-użu ta’ arkitetturi orjentati lejn is-servizz jew ibbażati fuq il-mikroservizzi.

2.     Ħila murija fit-twettiq ta’ analiżi teknika u fl-għoti ta’ kontribut għad-deċiżjonijiet dwar l-arkitettura tas-software fil-kuntest ta’ sistemi kumplessi tal-IT.

3.     Esperjenza professjonali b’rabta mal-integrazzjoni, l-użu u l-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ applikazzjonijiet tas-software.

4.     Esperjenza professjonali fil-ġestjoni jew fil-koordinazzjoni ta’ servizzi ta’ appoġġ tal-IT, b’mod partikolari f’ambjenti li jirrikjedu risponsività u adattabbiltà għall-ħtiġijiet tal-utenti.

5.     Għarfien u esperjenza prattika tal-prattiki tas-sigurtà tal-IT, speċjalment b’rabta mal-protezzjoni tal-endpoints, is-sigurtà tal-apparati mobbli jew il-ġestjoni ta’ aċċess sigur.

6.     Ħila murija fil-valutazzjoni tar-rekwiżiti tal-utenti, liema rekwiżiti jiġu indirizzati permezz ta’ soluzzjonijiet tekniċi innovattivi, inkluż permezz tal-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji emerġenti.

7.     Parteċipazzjoni fl-ippjanar, fil-monitoraġġ u fir-rapportar ta’ proġetti tal-IT, inklużi analiżi tar-riskji u kontribut għad-dokumenti tal-ippjanar strateġiku jew operazzjonali.

8.     Esperjenza li tirrappreżenta servizz jew funzjoni tal-IT fi gruppi ta’ ħidma, kumitati jew strutturi ta’ koordinazzjoni transfunzjonali.

9.     Esperjenza pruvata fil-ġestjoni ta’ proġetti tal-IT kumplessi, li idealment jinvolvu l-akkwist ta’ software, l-integrazzjoni ta’ partijiet terzi jew ambjenti b’diversi partijiet ikkonċernati.

10.  Għarfien sod ta’ ġestjoni ta’ proġetti jew metodoloġiji ta’ konsenji aġli, appoġġjati minn applikazzjoni prattika u/jew ċertifikazzjoni (eż. SAFe, PMI, PRINCE2).

11.  Esperjenza fl-analiżi tan-negozju u fl-eliċitazzjoni tar-rekwiżiti, preferibbilment f’ambjent strutturat li jinvolvi ħafna profili jew dipartimenti tal-utenti.

12.  Esperjenza prattika fl-appoġġ jew fit-twettiq ta’ proċeduri ta’ akkwist tal-IT, inklużi interazzjonijiet ma’ bejjiegħa esterni u involviment f’negozjati dwar kuntratti.

13.  Esperjenza professjonali f’ambjenti tax-xogħol multikulturali jew internazzjonali.

 

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt 

 

2.      Testijiet (it-tieni stadju)

Test bil-miktub

 

a            Test tal-abbozzar bil-lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż), biex jiġu evalwati l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-taqsima A, il-punt 2, u l-kapaċità ta’ abbozzar tiegħek.

 

Tul massimu tat-test: 90 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (punteġġ minimu meħtieġ: 10 punti)      

 

Test orali

 

b            Intervista mal-kumitat ta’ selezzjoni bil-lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż) li tevalwa, filwaqt li tqis l-informazzjoni kollha li jkun hemm fil-fajl tal-applikazzjoni tiegħek, il-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-taqsima A, il-punt 2, kif ukoll l-għarfien tiegħek dwar il-Parlament Ewropew.

 

Tul massimu: 45 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (punteġġ minimu meħtieġ: 20 punt).

 

Dawn it-testijiet jistgħu jsiru jew bi preżenza fiżika jew b’mod remot.

 

Fi żmien debitu, tirċievi l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet bil-miktub u orali. Jeħtieġlek issegwi l-istruzzjonijiet bl-akbar reqqa. Kwalunkwe nuqqas ta’ rispett tal-istruzzjonijiet jew kwalunkwe mġiba mhux konformi mal-istruzzjonijiet iwasslu għall-iskwalifika immedjata tiegħek.

 

3.         Lista ta’ kandidati idonei

Il-kumitat ta’ selezzjoni jfassal lista ta’ kandidati idonei li tinkludi, f’ordni alfabetiku, l-ismijiet tad-disa’ kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta’ punti kumplessivi fil-proċedura (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet), dment li l-kandidat(a) jkun kiseb/tkun kisbet il-punteġġ minimu meħtieġ fiż-żewġ testijiet. Il-listi jinkludu l-kandidati ex aequo kollha għall-aħħar post disponibbli.

Tiġi infurmat(a) bir-riżultati tiegħek individwalment bil-miktub.

Il-lista ta' kandidati xierqa se tiġi ppubblikata fuq is-sit web uffiċjali tal-Parlament Ewropew.

Il-lista ta’ kandidati idonei tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru 2028. Il-validità tagħha tista’ tiġi prorogata permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. F’dan il-każ, il-kandidati mniżżlin fil-lista ta’ kandidati idonei jiġu infurmati fi żmien debitu.

 

 

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

 

Biex tapplika, irid ikollok kont fuq il-pjattaforma Apply4EP: https://apply4ep.gestmax.eu/search/index/lang/en_US.

 

Jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel ma timla l-formola tal-applikazzjoni tiegħek.

 

Data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet

 

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

 

is-16 ta’ Settembru 2025, f’12.00 (nofsinhar), ħin tal-Lussemburgu.

 

Malli tivvalida l-formola tal-applikazzjoni tiegħek, tintbagħatlek konferma awtomatikament.

Il-komunikazzjoni relatata ma’ din il-kompetizzjoni għandha ssir esklużivament permezz tal-kont Apply4EP tiegħek. Il-kandidati huma mitluba MA JĊEMPLUX biex jitolbu informazzjoni dwar din il-kompetizzjoni. 

Hija r-responsabbiltà tal-kandidati li jivverifikaw regolarment l-inbox tal-indirizz tal-email li indikaw fil-kont Apply4EP tagħhom.