Post tax-xogħol : Brussell
Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 16/09/2025 12:00
Servizz : 07-Direttorat Ġenerali għall-Persunal
Referenza : PE/333/2025/S/PERS - ADMINISTRATIVE MANAGER (AD 8)
Gwida għall-kandidati : Iddawnlowdja gwida għall-kandidati

AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/333/2025/S/PERS

 MEMBRU TAL-PERSUNAL TEMPORANJU

 Maniġer Amministrattiv (AD 8)

 

 

Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew annessa ma’ dan l-avviż ta’ reklutaġġ. 

Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta’ reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.

 

 WERREJ

  

A.                FUNZJONIJIET U ELEĠIBBILTÀ

B.                PROĊEDURA

C.               TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET 

ANNESS:   GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA’ SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

 

 

A. FUNZJONIJIET U ELEĠIBBILTÀ

 1.    Kummenti ġenerali

 Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għall-pożizzjoni ta’ membru tal-persunal temporanju, fil-grad AD 8, fid-Direttorat Ġenerali għall-Persunal. Il-post tax-xogħol huwa Brussell.

 Il-profil imfittex huwa dak ta’ Maniġer Amministrattiv.

 Il-kuntratt se jkun għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 8, l-ewwel skala, b’salarju bażiku ta’ EUR 8 651.92 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa għall-benefiċċju tal-Unjoni u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se tiġi reklutata l-persuna li tintgħażel madankollu tista’ tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta’ din il-persuna. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f’ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.

 Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

 

 2.    Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

 Id-Direttorat Ġenerali għall-Persunal (DĠ PERS) jimmaniġġja r-riżorsi umani fi ħdan is-Segretarjat tal-Parlament biex jiżgura li l-Membri tal-Parlament Ewropew ikunu jistgħu jwettqu dmirijiethom b’mod effettiv. Ir-rwol tiegħu jmur lil hinn mill-funzjonijiet amministrattivi, u jinkludi l-ippjanar proattiv tal-forza tax-xogħol, ir-reklutaġġ, it-taħriġ u l-iżvilupp, b’enfasi qawwija fuq l-appoġġ, l-ugwaljanza u d-diversità tal-persuni. Id-DĠ PERS jiffoka fuq il-persuni, billi jipprovdi appoġġ soċjali u mediku mfassal apposta, filwaqt li jiżgura li l-azzjonijiet kollha tiegħu jkunu allinjati mal-ħtiġijiet istituzzjonali, mar-regoli applikabbli u mar-restrizzjonijiet baġitarji. Id-DĠ PERS jaħdem mad-direttorati ġenerali l-oħra tal-Parlament biex jippromwovi mentalità orjentata lejn is-servizz u jiżgura li r-riżorsi finanzjarji jintużaw b’mod effiċjenti permezz ta’ mekkaniżmi robusti ta’ kontroll.

Il-persuna reklutata bħala maniġer amministrattiv se tissorvelja u tikkoordina tim ta’ maniġers tal-fajls li jittrattaw il-privileġġi u l-immunitajiet tal-persunal. It-tim huwa responsabbli għall-applikazzjoni tal-protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet (il-Protokoll Nru 7 tat-Trattati) fit-tliet postijiet tax-xogħol ewlenin tal-Parlament Ewropew: il-Belġju, Franza u l-Lussemburgu. Il-persuna li tintgħażel se tirrappreżenta lit-tim f’fora differenti, u tagħti l-għarfien espert tagħha meta tintalab tagħmel dan. Il-kuntatti ma’ kollegi ta’ kull tip, b’mod partikolari l-Assistenti Parlamentari Akkreditati (APA), huma parti mill-kompiti ta’ kuljum tar-rwol. Il-persuna li tintgħażel se tkun involuta mill-qrib f’attivitajiet marbuta mal-bidla tal-leġiżlatura.

Dawn ir-responsabbiltajiet jirrikjedu ħiliet ta’ komunikazzjoni b’saħħithom, kunfidenzjalità stretta, diplomazija u l-kapaċità ta’ interazzjoni effettiva man-nies fil-livelli kollha. Il-persuna li tintgħażel għandha tkun kapaċi ġġestixxi ammonti kbar ħafna ta’ xogħol fuq bażi regolari, kemm b’mod indipendenti kif ukoll bħala parti minn tim, u għandha tħossha komda f’ambjent tax-xogħol multikulturali u multilingwi.

 

 Taħt l-awtorità tas-superviżur dirett tagħha, il-persuna reklutata bħala maniġer amministrattiv se twettaq id-dmirijiet ewlenin li ġejjin:

          tissorvelja u tikkoordina tim ta’ maniġers tal-fajls responsabbli għall-privileġġi u l-immunitajiet tal-persunal; tiżgura l-użu effiċjenti tar-riżorsi fl-għoti ta’ servizzi ta’ appoġġ amministrattiv u legali;

         toħloq, tfassal, tipproponi u ssegwi objettivi u pjanijiet ta’ azzjoni, u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ objettivi strateġiċi u operazzjonali;

         tappoġġja l-implimentazzjoni tal-proċeduri u l-flussi tax-xogħol interni, inkluża l-koordinazzjoni tal-validazzjonijiet u l-approvazzjonijiet amministrattivi; 

         tmexxi u tikkoordina proġetti speċifiċi, tikkontribwixxi għall-organizzazzjoni ta’ proġetti jew inizjattivi ta’ taħriġ fl-oqsma ta’ attività rilevanti u tiżgura l-ippjanar u t-twettiq;

         tħejji studji, noti, sommarji u/jew statistika u tanalizza u tħejji abbozzi ta’ regoli li jappoġġjaw l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tar-regolamenti fl-oqsma ta’ attività rilevanti;

         tappoġġja u tiffaċilita t-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qasam ta’ responsabbiltà tad-dipartiment, kif ukoll tagħti input u pariri lill-maniġment dwar l-aspetti legali, operazzjonali u amministrattivi tal-entità.

3.    Eleġibbiltà

 Sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, trid tkun issodisfajt ir-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi ta’ eleġibbiltà.

 

(a)     Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 12(2) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li:

          tkun ċittadin(a) ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

         tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek,

         tkun issodisfajt kull obbligu impost fuqek mil-liġijiet dwar is-servizz militari,

 

(b)     Rekwiżiti speċifiċi

 (i)      Kwalifiki meħtieġa

          livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew aktar,

 jew

 _         livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma flimkien ma’ esperjenza professjonali rilevanti għad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet (taqsima 2) ta’ sena jew aktar meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ tliet snin jew aktar. Din is-sena ta’ esperjenza professjonali mhux se titqies meta jiġi kkalkulat it-tul ta’ żmien meħtieġ ta’ esperjenza professjonali speċifikat fil-punt 3(b)(ii).

 Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru jew f’pajjiż mhux tal-UE, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-UE, bħall-ministeru għall-edukazzjoni.

 

Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE jeħtiġilhom jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki miksuba f’pajjiż mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC, ara: https://www.enic-naric.net. Il-kumitat ta’ selezzjoni se jqis id-differenzi bejn is-sistemi edukattivi tal-Istati Membri. Eżempji tal-kwalifiki minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella inkluża fil-gwida għall-kandidati. Il-kandidati li ma jehmżux l-ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom u/jew il-kandidati b’diplomi mhux rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-UE ma jkunux ammessi għall-proċedura ta’ selezzjoni.

 

(ii)        Esperjenza professjonali meħtieġa

 Wara li tkun ksibt il-kwalifiki li jagħtu aċċess għall-proċedura ta’ selezzjoni (ara l-punt (i) hawn fuq), jeħtieġ li tkun ksibt l-esperjenza professjonali li ġejja:

          il-kandidati jeħtiġilhom ikunu kisbu mill-anqas sitt snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti għad-dmirijiet speċifikati fit-taqsima A.2., li minnhom mill-anqas sentejn iridu jkunu nkisbu f’amministrazzjoni nazzjonali jew f’istituzzjonijiet jew korp tal-Unjoni Ewropea. 

 

(iii)    Għarfien lingwistiku

 Jeħtieġ li l-kandidati jkollhom għarfien komplut (livell minimu C1) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan jew l-Ungeriż,

 u

 għarfien sodisfaċenti (livell minimu B2) tal-Ingliż jew tal-Franċiż (lingwa 2).

 Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1.

 Għalhekk, fil-formola tal-applikazzjoni jeħtieġlek tagħżel l-Ingliż jew il-Franċiż bħala l-lingwa 2.

Il-kandidati huma informati li l-għażliet lingwistiċi għal din il-proċedura ta’ selezzjoni, jiġifieri li l-kandidati jrid ikollhom mill-anqas għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż jew tal-Franċiż bħala l-lingwa 2, ġew stabbiliti fl-interessi tas-servizz. Fid-dawl tad-dmirijiet involuti, il-pożizzjoni ta’ maniġer amministrattiv tirrikjedi kapaċitajiet speċifiċi: ħiliet analitiċi, ta’ abbozzar, ta’ superviżjoni teknika u ta’ ġestjoni amministrattiva. Għalhekk, jeħtieġ li l-persuna li tiġi reklutata bħala membru tal-persunal ġdid tkun kapaċi tifhem il-kompiti li għandhom jitwettqu, tindirizza l-problemi u tikkomunika b’mod effettiv ma’ diversi sħab esterni u mal-maniġment u l-kollegi.

 

L-għarfien ta’ mill-anqas waħda minn dawn iż-żewġ lingwi huwa essenzjali biex il-persuna li tiġi reklutata bħala membru tal-persunal tkun tista’ tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha u l-ħtiġijiet tas-servizz fil-kuntest tad-dmirijiet li se tkun meħtieġa twettaq, b’mod partikolari l-ħtieġa li tiżviluppa relazzjonijiet tax-xogħol mal-partijiet ikkonċernati li prinċipalment jitkellmu bl-Ingliż jew bil-Franċiż u li tara li jintlaħqu l-objettivi u jitwettqu l-proġetti speċifiċi tad-Direttorat Ġenerali għall-Persunal li l-persuna li tintgħażel se tiġi reklutata fih, fejn l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi ta’ ħidma.

 

L-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi ta’ ħidma primarji użati għall-komunikazzjoni kemm fl-unità kif ukoll fid-direttorat ġenerali fejn il-persuna li tintgħażel se tiġi assenjata. L-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi użati l-aktar frekwentement għall-kuntatti mad-direttorati l-oħra fid-Direttorat Ġenerali għall-Persunal, mad-direttorati ġenerali l-oħra u mal-awtoritajiet politiċi u amministrattivi tal-Parlament, b’mod partikolari fir-rigward tal-abbozzar tad-dokumenti.

 

Għarfien tajjeb tal-Franċiż huwa importanti wkoll għal komprensjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fi Franza, fil-Belġju u fil-Lussemburgu. Il-Franċiż huwa wkoll il-lingwa standard tal-komunikazzjoni ma’ sħab esterni (fornituri ta’ servizzi, amministrazzjonijiet u awtoritajiet lokali b’rabta mar-regoli fis-seħħ).

 

Id-Direttorat Ġenerali għall-Persunal jagħti importanza kbira lill-komunikazzjoni effettiva bejn il-membri tal-persunal tiegħu. L-avviżi ta’ pożizzjonijiet vakanti ppubblikati fil-Parlament Ewropew u barra minnu jistipulaw il-ħtieġa ta’ mill-anqas għarfien tajjeb ħafna ta’ lingwa waħda u għarfien sodisfaċenti tal-oħra, speċifikament l-Ingliż u l-Franċiż. Din il-proċedura ta’ selezzjoni għandha tikkonforma mal-prattika li ilha fis-seħħ applikata mid-Direttorat Ġenerali għall-Persunal.

 

B. PROĊEDURA

Il-proċedura hija organizzata abbażi ta’ kwalifiki u testijiet.

 

1.         Ammissjoni u evalwazzjoni tal-kwalifiki (l-ewwel fażi)

 (a)     L-awtorità tal-ħatra se tfassal lista ta’ applikanti li jkunu ppreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom fil-forma meħtieġa sad-data tal-għeluq u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fit-Taqsima A.3.(a). Din se tintbagħat lill-kumitat ta’ selezzjoni flimkien mal-fajls ta’ applikazzjoni.

 Abbażi esklużivament tal-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni, issostanzjata b’dokumenti ġustifikattivi, ippreżentati flimkien mal-formola tal-applikazzjoni, jiġifieri sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet; (għal aktar dettalji ara l-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew, il-punt 3.3):

 (b)     Il-kumitat ta’ selezzjoni se jeżamina d-dokumenti ġustifikattivi ppreżentati biex jivverifika liema kandidati jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi għall-ammissjoni stabbiliti fit-Taqsima A.3(b).

 (c)     Il-kumitat ta’ selezzjoni se jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati ammessi esklużivament abbażi tad-dokumenti ġustifikattivi ppreżentati. Bl-użu ta’ tabella tal-marki predefinita, il-kumitat ta’ selezzjoni se jevalwa l-kandidati ammessi u jfassal lista tas-sitt kandidati eleġibbli bl-ogħla marki, li se jiġu mistiedna għat-testijiet. Il-kumitat ta’ selezzjoni se jistieden lill-kandidati ex aequo kollha għall-aħħar post disponibbli.

 

Meta jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati, il-kumitat ta’ selezzjoni se jqis b’mod partikolari l-aspetti li ġejjin:

 il-kwalifiki u d-diplomi rilevanti għall-qasam (liġi, amministrazzjoni pubblika, xjenza politika);

  1. l-esperjenza professjonali fis-superviżjoni u l-koordinazzjoni ta’ tim u fl-appoġġ amministrattiv u/jew legali għar-riżorsi umani;
  2. l-esperjenza fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ objettivi u pjanijiet ta’ azzjoni, u fil-kontribut għall-prijoritajiet strateġiċi jew operazzjonali f’kuntest amministrattiv jew legali;
  3. l-esperjenza ppruvata fl-appoġġ tal-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja, inkluża l-koordinazzjoni tal-flussi tax-xogħol interni (eż. proċessi ta’ validazzjoni tal-kuntratti jew ta’ firem elettroniċi);
  4. l-esperjenza fl-ippjanar, l-organizzazzjoni, jew it-twettiq ta’ proġetti jew attivitajiet ta’ taħriġ, b’mod partikolari fl-oqsma legali jew istituzzjonali;
  5. esperjenza sostanzjali fl-abbozzar ta’ dokumenti legali jew amministrattivi, bħal noti, rapporti, regoli, sommarji jew analiżijiet statistiċi, f’ambjent multilingwi u kumpless;
  6. l-esperjenza fl-għoti ta’ pariri legali u/jew amministrattivi lill-maniġment, inklużi l-analiżi u l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni, il-ġurisprudenza jew ir-regoli interni applikabbli;
  7. il-kapaċità ppruvata ta’ tħejjija u faċilitazzjoni tat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’oqsma ta’ responsabbiltà operazzjonali jew maniġerjali billi jiġu pprovduti input jew analiżi strutturati;
  8. l-esperjenza fil-kollegament u l-koordinazzjoni ma’ dipartimenti u/jew sħab istituzzjonali oħra, l-iżgurar tal-konsistenza u l-allinjament fi kwistjonijiet amministrattivi jew legali;
  9. l-esperjenza professjonali f’ambjent tax-xogħol multikulturali jew multinazzjonali, u t-turija ta’ adattabbiltà u ħiliet interpersonali u interkulturali b’saħħithom.

 Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.

 

Il-kandidati jiġu infurmati individwalment bl-email dwar jekk il-kumitat ta’ selezzjoni iddeċidiex jaċċettahom jew le għat-testijiet.

 

 2. Testijiet (it-tieni fażi)

Bl-għan li jevalwa l-għarfien u l-ħiliet tal-kandidati rilevanti għad-dmirijiet deskritti hawn fuq, il-kumitat ta’ selezzjoni se jorganizza t-testijiet li ġejjin:

Test bil-miktub

 (a) Test tal-abbozzar bil-lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż), biex jiġu evalwati kemm il-kapaċità tiegħek li twettaq id-dmirijiet deskritti fil-punt A.2., kif ukoll il-ħiliet ta’ abbozzar tiegħek.

 Durata tat-test: massimu ta’ 90 minuta

 Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (minimu meħtieġ: 10 punti).

  Test orali

 (b) Intervista mal-kumitat tal-għażla bil-lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż), sabiex tiġi evalwata l-kapaċità tiegħek li twettaq id-dmirijiet deskritti fit-taqsima A.2.

 Durata massima tat-test: massimu ta’ 45 minuta.

 Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).

 Se tirċievi l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet fi żmien xieraq. Jeħtieġ li ssegwi l-istruzzjonijiet kelma b’kelma. Kwalunkwe nuqqas ta’ rispett tal-istruzzjonijiet u kwalunkwe mġiba mhux konformi mal-istruzzjonijiet iwasslu għall-iskwalifika immedjata tiegħek.

 

3.         Lista ta’ kandidati idonei

Il-kumitat ta’ selezzjoni se jfassal lista ta’ kandidati idonei, li se tinkludi, f’ordni alfabetiku, l-ismijiet tat-tliet kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta’ punti fil-proċedura kollha (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet), dment li jkunu ġabu l-marka minima biex jgħaddu fiż-żewġ testijiet. Il-lista se tinkludi l-kandidati ex aequo kollha għall-aħħar post disponibbli.

Se tiġi infurmat(a) bil-miktub dwar ir-riżultati tiegħek.

Il-lista ta' kandidati xierqa se tiġi ppubblikata fuq is-sit web uffiċjali tal-Parlament Ewropew.

Il-perjodu ta’ validità tal-lista ta’ kandidati idonei se jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2028. Il-validità tagħha tista’ tiġi prorogata permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra. F’dan il-każ, il-kandidati mniżżla fil-listi se jiġu infurmati fi żmien xieraq.

 

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

 

L-applikazzjoni ssir permezz tal-pjattaforma Apply4EP: https://apply4ep.gestmax.eu/search/index/lang/mt_MT

 Aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel ma timla l-formola tal-applikazzjoni.

 Data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet

 

16 ta’ Settembru 2025, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell

 

Malli tivvalida l-formola tal-applikazzjoni tiegħek, tintbagħatlek konferma awtomatikament.

Il-komunikazzjoni relatata ma’ din il-kompetizzjoni għandha ssir esklużivament permezz tal-kont Apply4EP tiegħek. Il-kandidati huma mitluba MA JĊEMPLUX biex jitolbu informazzjoni dwar il-kompetizzjoni. 

Hija r-responsabbiltà tal-kandidati jivverifikaw regolarment l-inbox tal-indirizz tal-posta elettronika li indikaw fil-kont Apply4EP tagħhom.