SEJĦA GĦAL ESPRESSJONIJIET TA’ INTERESS
ĦOLQIEN TA’ BAŻI TAD-DATA
Assistent(a) ta’ korp parlamentari
Brussell
Persunal bil-kuntratt (grupp ta’ funzjonijiet III) u persunal temporanju (AST 3)
1. Kummenti ġenerali
Id-Direttorat Ġenerali għad-Drittijiet taċ-Ċittadini, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Istituzzjonali (DĠ IUST) tal-Parlament Ewropew huwa wieħed mill-erba’ Direttorati Ġenerali li nħolqu bid-diviżjoni ta’ dak li qabel kien id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni. Il-missjoni tiegħu hija li jappoġġja lill-Parlament fir-rwoli leġiżlattivi, baġitarji u ta’ skrutinju tiegħu u li jiżgura li l-Parlament jopera b’mod effettiv bħala gwardjan tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali filwaqt li jibqa’ jwieġeb għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini Ewropej. Id-DĠ IUST jorganizza u jiffaċilita l-ħidma tal-kumitati parlamentari f’oqsma ewlenin bħall-kultura, l-edukazzjoni, l-affarijiet legali u kostituzzjonali, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-libertajiet ċivili, il-petizzjonijiet u l-protezzjoni tad-demokrazija.
Bħala assistent(a) ta’ korp parlamentari, inti se tgħin lis-segretarjat tal-kumitat jaħdem b’mod effiċjenti billi tħejji laqgħat u dokumenti, tabbozza korrispondenza u torganizza seduti ta’ smigħ u missjonijiet pubbliċi. Ir-rwol jinvolvi t-twettiq ta’ kompiti amministrattivi, loġistiċi u editorjali f’ambjent multilingwi u l-iżgurar tal-koordinazzjoni bla xkiel kemm fi ħdan il-Parlament kif ukoll lil hinn minnu.
Jekk inti interessat(a) li tingħaqad ma’ Direttorat Ġenerali dinamiku u li għadu kif inħoloq, li huwa ddestinat li jikber u li jinvesti fin-nies tiegħu, allura din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess tgħodd għalik. Qed infittxu assistenti motivati u entużjasti ħafna biex jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-ħidma demokratika tal-Parlament u jipprovdu appoġġ amministrattiv ta’ kwalità għolja lill-kumitati parlamentari.
Is-Segretarjat tal-Parlament Ewropew qed iniedi din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess biex jistabbilixxi bażi tad-data ta’ kandidati li jistgħu jkunu interessati li jimlew pożizzjonijiet vakanti fil-futur bħala assistenti ta’ korpi parlamentari. Din il-bażi tad-data se sservi bħala ġabra ta’ kandidati għal reklutaġġ potenzjali filwaqt li tiżgura li jkun hemm ġabra ta’ talent faċilment disponibbli biex tappoġġja lill-Membri tal-Parlament Ewropew (Membri tal-PE) fil-ħidma leġiżlattiva tagħhom. L-objettiv primarju tagħha huwa li ssaħħaħ l-assistenza pprovduta lill-Membri tal-PE, u b’hekk tikkontribwixxi għall-effiċjenza u l-effettività tal-Parlament fit-twettiq tar-rwol tiegħu bħala korp leġiżlattiv ewlieni tal-Unjoni Ewropea.
Ladarba tinħoloq il-bażi tad-data, il-kandidati li isimhom ikun inkluż fil-bażi tad-data jistgħu jintgħażlu biex jimlew pożizzjonijiet vakanti ta’ persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji bħala assistenti ta’ korpi parlamentari, skont l-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Dawn il-kandidati jintgħażlu f’konformità mal-Artikolu 7 (“Kumitat Konġunt għas-selezzjoni ta’ persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji (COSCON)”) u l-Artikolu 8 (“Proċedura ta’ selezzjoni għal persunal bil-kuntratt”) tad-Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni li jirregolaw il-kompetizzjonijiet u l-proċeduri ta’ selezzjoni, ir-reklutaġġ u l-klassifikazzjoni ta’ uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Parlament Ewropew.
Anqas spiss, u soġġett għad-disponibbiltà tar-riżorsi, il-kandidati li isimhom ikun inkluż fil-bażi tad-data jistgħu jintgħażlu wkoll bħala aġenti temporanji biex jimlew pożizzjonijiet vakanti bħala assistenti ta’ korpi parlamentari fid-DĠ IUST, skont l-Artikolu 2b tas-CEOS. Dawn il-kandidati jintgħażlu f’konformità mal-Artikolu 4 (“Kumitat Konġunt (COPAR)”) tad-Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni li jirregolaw il-kompetizzjonijiet u l-proċeduri ta’ selezzjoni, ir-reklutaġġ u l-klassifikazzjoni ta’ uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Parlament Ewropew.
Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jilqa’ l-applikazzjonijiet kollha mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, il-kulur tal-ġilda, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.
2. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet
Il-persuna reklutata bħala assistent(a) ta’ korp parlamentari tkun inkarigata minn dawn il-kompiti:
- tgħin biex jiġi żgurat, f’ambjent multilingwi, li s-segretarjat tal-kumitat jopera b’mod effiċjenti (inkluż billi tħejji għal laqgħat interni u esterni, tirċievi u tħejji dokumenti u tibgħathom għat-traduzzjoni, eċċ.);
- tqiegħed id-dokumenti li jipproduċi s-segretarjat fil-format korrett f’konformità mal-mudelli tad-dokumenti attwali, billi tuża applikazzjonijiet tal-IT iddedikati;
- tiżgura li d-dokumenti jkunu disponibbli fil-laqgħat;
- torganizza seduti ta’ smigħ pubbliċi bħala parti mil-laqgħat tal-kumitati, kif ukoll missjonijiet tal-kumitati barra mit-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament;
- twettaq tfittxijiet dokumentarji, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġu kkompilati l-fajls;
- issegwi talbiet għal informazzjoni u dokumentazzjoni;
- tabbozza ittri u dokumenti oħra relatati mal-attivitajiet tas-segretarjat;
- twettaq xogħol relatat mal-ipproċessar tat-testi, tipproduċi tabelli, timmaniġġja d-djarji u l-posta, tieħu ħsieb l-arkivjar, tħejji dossiers, torganizza laqgħat u tilqa’ viżitaturi minn ġewwa u minn barra l-Parlament.
3. Rekwiżiti tal-impjieg
Għarfien meħtieġ
- Għandu jkollok għarfien dwar l-istruttura, l-organizzazzjoni u l-ambjent tas-Segretarjat Ġenerali u l-atturi varji involuti.
- Ikun ta’ vantaġġ li tkun taf ir-regoli u l-proċeduri tal-Parlament, kif ukoll il-proċeduri leġiżlattivi tal-UE.
Kompetenzi meħtieġa
- Ikollok sens ta’ titjib kontinwu;
- Turi flessibbiltà u affidabbiltà;
- Ikollok spirtu ta’ tim tajjeb u sens ta’ kooperazzjoni;
- Tkun preċiż(a) u metikoluż(a) u jkollok ħiliet organizzattivi u ta’ ppjanar tajbin;
- Tkun kapaċi tissodisfa l-iskadenzi u tipprijoritizza l-kompiti;
- Tkun orjentat(a) lejn ir-riżultati.
Ambjent tax-xogħol
- Volum ta’ xogħol varjabbli, skont il-kalendarju tal-Parlament
- Kuntatt frekwenti ma’ persuni fil-Parlament u barra minnu
- Kuntatt mal-uffiċċji tal-Membri tal-PE
- Vjaġġar okkażjonali lejn Strażburgu
4. Rekwiżiti ta’ eleġibbiltà
Biex tiġi rreklutat(a) bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fil-grupp ta’ funzjonijiet III, irid ikollok mill-anqas:
i. livell ta’ edukazzjoni postsekondarja ċċertifikat b’diploma; jew
ii. livell ta’ edukazzjoni sekondarja ċċertifikat b’diploma li tagħti aċċess għall-edukazzjoni postsekondarja, u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-anqas tliet snin.
Trid tissodisfa wkoll il-kondizzjonijiet li ġejjin.
· Trid tkun ċittadin(a) ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
· Trid tkun issodisfajt kwalunkwe obbligu li jikkonċerna s-servizz militari impost mil-liġijiet nazzjonali.
· Trid tkun tista’ toffri referenzi dwar il-karattru xierqa li juru l-idoneità biex twettaq dmirijietek.
· Trid tkun tista’ tipproduċi evidenza li għandek għarfien komplut ta’ waħda mil-lingwi tal-Unjoni u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni, sa fejn ikun meħtieġ biex twettaq dmirijietek.
Qabel ma jiġu rreklutati, il-kandidati magħżula li isimhom ikun inkluż fil-bażi tad-data jintalbu jipprovdu dokumenti li jissostanzjaw l-informazzjoni li tinsab fil-formoli tal-applikazzjoni tagħhom (diplomi, ċertifikati u dokumenti ġustifikattivi oħra).
Id-diplomi kollha, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru tal-Unjoni jew f’pajjiż mhux tal-UE, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-Unjoni, bħall-ministeru għall-edukazzjoni ta’ Stat Membru.
Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE jeħtiġilhom jipprovdu ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki mhux tal-UE fuq is-sit web tan-networks ENIC-NARIC (https://www.enic-naric.net/).
Id-differenzi bejn is-sistemi tal-edukazzjoni jiġu kkunsidrati. Eżempji tal-kwalifiki minimi meħtieġa jingħataw fil-gwida.
5. L-inklużjoni fil-bażi tad-data u l-passi li jmiss
Ismek jiġi inkluż fil-bażi tad-data jekk:
· tissodisfa r-rekwiżiti ta’ eleġibbiltà; u
· tkun imlejt il-formola tal-applikazzjoni permezz tal-pjattaforma APPLY4EP (ara t-Taqsima 6 (“Kif tesprimi l-interess tiegħek”)) f’konformità mal-proċedura u sal-iskadenza.
Skont il-bżonn, is-servizzi ta’ reklutaġġ ifittxu fil-bażi tad-data u jħejju lista qasira ta’ ċertu numru ta’ kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti, esklużivament abbażi tal-informazzjoni inkluża fl-applikazzjonijiet tal-kandidati u tad-dokumenti ġustifikattivi li jkunu pprovdew.
Jekk ismek jitqiegħed fil-lista, tista’ tirċievi stedina għal testijiet u intervisti organizzati mis-servizzi ta’ reklutaġġ.
It-testijiet/l-intervisti ta’ reklutaġġ għandhom l-għan li jivvalutaw l-adegwatezza tiegħek għall-pożizzjoni rilevanti u jistgħu jieħdu l-forma ta’ test bil-miktub (eż. mistoqsijiet b’għażliet multipli, komponiment, eżerċizzju in-tray, tħejjija ta’ sommarju, eċċ). L-għarfien lingwistiku tiegħek jista’ jiġi vvalutat ukoll.
6. Kif tesprimi l-interess tiegħek
Biex tesprimi l-interess tiegħek, trid tibgħat is-CV tiegħek u timla l-formola tal-applikazzjoni fuq il-pjattaforma APPLY4EP.
L-espressjonijiet ta’ interess iridu jintbagħtu BISS permezz tal-pjattaforma online APPLY4EP. Għalhekk għandek tibda billi toħloq kont APPLY4EP (jekk għad m’għandekx wieħed). Kun af li jista’ jkollok kont wieħed biss fuq il-pjattaforma APPLY4EP. Id-data personali rreġistrata fil-kont APPLY4EP tiegħek tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Tista’ taġġorna din id-data fi kwalunkwe ħin. Id-dikjarazzjoni ta’ privatezza għall-APPLY4EP hija disponibbli fil-paġna ewlenija.
Ladarba tkun ħloqt il-kont APPLY4EP tiegħek, għandek taqra bir-reqqa din is-sejħa u l-gwida annessa magħha, imbagħad ikklikkja fuq it-tab “Applika online” fl-APPLY4EP u segwi l-passi tal-proċedura ta’ applikazzjoni online. L-ewwel trid ittella’ CV dettaljat fil-format tal-Europass (https://europa.eu/europass/select-language?destination=/node/1), imbagħad timla l-bqija tal-formola tal-applikazzjoni.
Tista’ ssib istruzzjonijiet addizzjonali dwar kif tesprimi l-interess tiegħek fil-gwida annessa ma’ din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess.
L-iskadenza għall-espressjonijiet ta’ interess hija t-30 ta’ Settembru 2025, fil-17.00 (ħin ta’ Brussell). L-espressjonijiet ta’ interess li jaslu wara l-iskadenza ma jiġux aċċettati. L-iskadenza tista’ tiġi estiża.
Il-Parlament Ewropew japplika politika stretta ta’ opportunitajiet indaqs fil-proċeduri ta’ selezzjoni tiegħu sabiex jiggarantixxi li l-kandidati kollha jingħataw trattament ugwali.
Il-fatt li ismek jiġi inkluż fil-bażi tad-data jew li tgħaddi minn intervista u/jew minn test ta’ selezzjoni mhuwiex garanzija li se tirċievi offerta ta’ impjieg. Jekk pożizzjoni ssir disponibbli, is-servizz ta’ reklutaġġ jista’ jikkonsulta l-bażi tad-data u joħroġ stediniet lil dawk il-kandidati li l-profili tagħhom jaqblu l-aktar mar-rekwiżiti tal-pożizzjoni inkwistjoni. Jekk jirriżulta li l-informazzjoni li pprovdejt fl-applikazzjoni tiegħek ma tkunx korretta, tiġi eskluż(a) mill-proċedura u ismek jitneħħa mill-bażi tad-data.
Il-kondizzjonijiet tal-impjieg tal-istituzzjonijiet tal-UE huma stabbiliti fis-CEOS. Id-dettalji kollha jinsabu hawn:
https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20140501 (taħt it-Titolu II (“Persunal temporanju”) u t-Titolu IV (“Persunal bil-kuntratt”)).
Il-persunal bil-kuntratt jiġi rreklutat fil-grupp ta’ funzjonijiet III. Is-salarju bażiku huwa bejn EUR 3 374.39 u EUR 5 529.90 (grupp ta’ funzjonijiet III) fix-xahar, skont it-taħriġ u l-esperjenza professjonali speċifika tal-kandidati li jintgħażlu. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa għall-benefiċċju tal-Unjoni u tnaqqis ieħor previst mis-CEOS. Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. Is-salarju bażiku, f’ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.
Il-persunal temporanju jiġi rreklutat fil-grad AST 3, l-ewwel skala. Is-salarju bażiku huwa ta’ EUR 4 666.18 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa għall-benefiċċju tal-Unjoni u tnaqqis ieħor previst mis-CEOS. Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se jiġu reklutati l-kandidati li jintgħażlu madankollu tista’ tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali tagħhom. Is-salarju bażiku, f’ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.
Il-bażi tad-data tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru 2026. L-Awtorità tal-Ħatra tista’ tiddeċiedi li testendi l-validità tagħha. F’dan il-każ, il-kandidati li isimhom ikun inkluż fil-bażi tad-data