Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 16/04/2025 12:00
Servizz : 00-Parlament Ewropew
Referenza : PAP 2025
Gwida għall-kandidati : Iddawnlowdja gwida għall-kandidati

PROGRAMM TA’ AZZJONI POŻITTIVA 2025

 

Jekk tiltaqa’ ma’ xi problemi ta’ aċċessibbiltà waqt li tkun qed timla l-formola tal-applikazzjoni fuq Apply4EP, jekk jogħġbok ikkuntattjana minnufih permezz ta’ Apply4EP jew l-indirizz elettroniku tas-servizz tagħna

PERS-APPLY4EPContacts@europarl.europa.eu.

 

Introduzzjoni

Il-Parlament Ewropew qed iniedi l-Programm ta’ Azzjoni Pożittiva (PAP) annwali tiegħu (edizzjoni 2025), perkors imfassal biex jiffaċilita l-impjieg ta’ persuni b’diżabbiltà bħala aġenti kuntrattwali. Din l-inizjattiva toffri lill-kandidati b’diżabbiltà l-opportunità li jaħdmu għall-unika istituzzjoni tal-UE eletta direttament, filwaqt li tippermetti wkoll lill-Parlament ikollu riżerva ta’ talent diversa.

Il-proċedura PAP tistabbilixxi lista ta’ riżerva ta’ 20 kandidat(a) xieraq/xierqa għal reklutaġġ potenzjali bħala aġenti kuntrattwali (abbażi tal-Artikolu 3b tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea) fil-gruppi ta’ funzjoni II, III jew IV mid-Direttorati Ġenerali tas-Segretarjat. Permezz ta’ dan il-programm, il-Parlament kull sena jirrekluta sa sitt kandidati li jirnexxu b’kuntratti ta’ sena (bil-possibbiltà ta’ tiġdid). Il-kandidati li jirnexxu li jifdal  jiġu inklużi f’lista ta’ riżerva għal perjodu ta’ 18-il xahar, bil-possibbiltà ta’ reklutaġġ mid-Direttorati Ġenerali tal-Parlament barra mill-qafas tal-PAP.

Kriterji ta’ eleġibbiltà

 

Fid-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet, trid tissodisfa l-kriterji ġenerali ta’ eleġibbiltà li ġejjin, kif ukoll il-kriterji rigward il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali.

 

(a) Rekwiżiti ġenerali

Jeħtieġ li:

(1)   ikollok diżabbiltà li tikkawża indeboliment ugwali għal 20% jew aktar, skont l-iskala Ewropea tal-klassifikazzjoni tad-diżabbiltà fiżika u mentali;

(2)   tgawdi mid-drittijiet ċivili kollha bħala ċittadin(a) ta’ Stat Membru tal-UE;

(3)   tkun issodisfajt kull obbligu impost fuqek mil-liġijiet dwar is-servizz militari;

(4)   toffri r-referenzi dwar il-karattru xierqa rigward l-idoneità tiegħek biex twettaq dmirijietek;

(5)   turi livell minimu ta’ C1 (“għarfien komplut”) f’waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE (lingwa 1) u livell minimu ta’ B2 (“għarfien sodisfaċenti”) f’lingwa oħra tal-UE (lingwa 2), abbażi tal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi, fejn C2 huwa l-ogħla livell u A1 huwa l-aktar livell baxx.

 

Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

It-test b’mistoqsijiet b’għażla multipla (MCQ) tagħmlu fil-lingwa 1 tiegħek. Is-servizzi ta’ reklutaġġ jittestjaw l-għarfien tiegħek tat-tieni lingwa tiegħek fl-istadju tal-intervista, f’każ li ismek ikun inkluż fil-lista ta’ riżerva u tirċievi stedina għal intervista minn Direttorat Ġenerali.

Meta tapplika għal dan il-programm, inti tiddikjara speċifikament li tissodisfa l-kriterju li jkollok indeboliment, (a)(1) hawn fuq. Jekk tipprovdi informazzjoni falza fir-rigward ta’ dan il-kriterju ta’ eleġibbiltà, l-applikazzjoni tiegħek tiġi kkanċellata minnufih u tiġi eskluż(a) mill-programm.

(b) Kwalifiki

Irid ikollok ukoll livell minimu ta’ kwalifika.

Għall-gruppi ta’ funzjonijiet II (Klerikali u Segretarjali) u III (Assistenti):

-        livell ta’ edukazzjoni postsekondarja ċċertifikat b’diploma; jew

-        livell ta’ edukazzjoni sekondarja ċċertifikat b’diploma li tagħti aċċess għall-edukazzjoni postsekondarja, u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-anqas tliet snin.

Għall-grupp ta’ funzjonijiet IV (Amministraturi):

-        livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ta’ mill-anqas tliet snin, iċċertifikat b’diploma.

Id-diplomi, kemm dawk maħruġa fi Stat Membru kif ukoll dawk maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE, iridu jkunu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-UE, bħall-ministeru tal-edukazzjoni, sad-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet.

Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE se jkunu mitluba jipprovdu ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom sad-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC (https://www.enic-naric.net). Il-kumitat ta’ selezzjoni se jqis id-differenzi fis-sistemi edukattivi. L-annessi għall-Gwida għall-Kandidati jipprovdu eżempji tal-kwalifiki minimi meħtieġa.

 

(c) Esperjenza professjonali

Il-programm huwa miftuħ biss għal individwi li qatt qabel ma ħadmu għal istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-UE. Għall-fini ta’ dan il-programm, it-traineeships tal-UE u l-kuntratti freelance u interim ma jgħoddux bħala esperjenza ta’ xogħol preċedenti għal istituzzjoni tal-UE.

Proċedura ta’ selezzjoni u ta’ reklutaġġ

(1) Proċedura ta’ selezzjoni

Il-Parlament Ewropew se jistiednek tagħmel test b’mistoqsijiet b’għażla multipla (MCQ) ibbażat fuq il-kompjuter, li jikkonsisti f’massimu ta’ 30 mistoqsija li jappartjenu għall-oqsma li ġejjin: għarfien dwar l-UE, raġunament verbali u valutazzjoni sitwazzjonali.

Jekk teħtieġ akkomodament raġonevoli matul it-test, tista’ tissottometti talba permezz tal-formola pprovduta fl-Anness 1, billi tuża r-referenza PAP 2025. Jekk jogħġbok ikkonsulta l-Gwida għall-Kandidati għal aktar informazzjoni dwar kif tissottometti talba.

Ħu nota li trid tissottometti talba ġdida għal akkomodament raġonevoli għal kull proċedura li tapplika għaliha, peress li s-Servizz Mediku ma jżommx rekords tat-talbiet preċedenti għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data. Tista’ tuża mill-ġdid id-dokumenti ġustifikattivi minn talbiet preċedenti, dment li l-indeboliment jew is-sitwazzjoni medika tiegħek jibqgħu l-istess.

Il-Parlament Ewropew jaħdem ma’ fornitur ta’ servizzi (TestWe) biex isir it-test online. Kun af li, sfortunatament, TestWe bħalissa mhuwiex aċċessibbli għal kandidati li jużaw qarrejja tal-iskrin, magnifiers u software ta’ traskrizzjoni awtomatika tat-taħdit. Barra minn hekk, f’każ ta’ problema waqt l-ittestjar, il-kandidati jkunu meħtieġa jikkuntattjaw il-helpline tal-fornitur ta’ servizzi bit-telefown. Għalhekk, isiru arranġamenti alternattivi jekk għandek ħtiġijiet speċifiċi (eż. jekk għandek nuqqas fil-vista jew fis-smigħ jew nuqqas fid-diskors u/jew fil-lingwa), dment li s-Servizz Mediku japprova t-talba tiegħek.

Il-kumitat ta’ selezzjoni mbagħad jevalwa l-applikazzjonijiet tal-kandidati li jkunu kisbu l-marka minima meħtieġa ta’ 50% fit-test MCQ biex jiżgura li jissodisfaw il-kriterji ta’ eleġibbiltà (b) u (c) imsemmija hawn fuq. Il-kumitat ta’ selezzjoni jwaqqaf il-proċess ta’ valutazzjoni ladarba jintlaħaq darba u nofs (1.5) l-għadd meħtieġ ta’ kandidati xierqa. Il-kumitat ta’ selezzjoni se jinkludi wkoll il-kandidati kollha li jiġu ndaqs għall-aħħar post fl-evalwazzjoni tagħhom.

Dawn il-kandidati mbagħad jintalbu jgħaddu mill-proċess għar-rikonoxximent tad-diżabbiltà tal-Parlament. Sabiex tagħti prova tal-indeboliment tiegħek, irid ikollok tabib(a) (jew speċjalista xieraq/xierqa jew it-tabib(a) tal-familja tiegħek) li jimla/timla l-formola pprovduta mis-Servizz Mediku tal-Parlament. Tista’ tipprovdi wkoll karta nazzjonali tad-diżabbiltà b’appoġġ għall-applikazzjoni tiegħek. Għandu jkollok din l-informazzjoni lesta fi żmien qasir sabiex is-Servizz Mediku jipproċessaha wara t-test MCQ. Tajjeb li tkun taf li dan il-proċess huwa differenti mill-evalwazzjoni tat-talba tiegħek għal akkomodament raġonevoli deskritta hawn fuq.

Ladarba s-Servizz Mediku jkun evalwa l-formoli u d-dokumentazzjoni pprovduti mill-kandidati, dan jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-kumitat ta’ selezzjoni, li mbagħad jistabbilixxi l-lista ta’ kandidati li jirnexxu.

(2) Reklutaġġ

Ladarba l-lista ta’ kandidati li jirnexxu tiġi ffinalizzata, is-CVs tal-kandidati jiġu ċċirkolati lis-servizzi kollha tar-riżorsi umani (HR) tad-Direttorati Ġenerali. Sa sitta minn dawn il-kandidati jiġu rreklutati fl-ambitu tal-PAP, filwaqt li l-kandidati li jifdal jistgħu jiġu kkunsidrati għar-reklutaġġ bħala aġenti kuntrattwali mid-Direttorati Ġenerali barra mill-qafas tal-PAP.

 

Jekk Direttorat Ġenerali jqis il-profil tiegħek rilevanti għal pożizzjoni disponibbli, jista’ jċempillek għal intervista.

 

Importanti li tinnota li l-fatt li tiġi inkluż(a) fil-lista ta’ riżerva jew li tgħaddi t-test ta’ selezzjoni ma jagħti ebda dritt ta’ reklutaġġ. Is-servizzi ta’ reklutaġġ jistgħu jirreferu għal-lista meta jkunu saru disponibbli pożizzjonijiet kuntrattwali u jistiednu kandidati li l-profili tagħhom ikunu allinjati mar-rekwiżiti tal-impjieg għal intervista. Dan il-proċess għandu l-għan li joħloq opportunitajiet kemm ġewwa kif ukoll barra l-PAP.

 

Kif tapplika

Jekk jogħġbok applika permezz tal-pjattaforma Apply4EP sa nofsinhar tas-16 ta’ April 2025 (ħin ta’ Brussell).

Qabel ma timla l-formola tal-applikazzjoni tiegħek, aqra bir-reqqa l-Gwida għall-Kandidati li hija annessa ma’ dan l-avviż.

Jekk teħtieġ akkomodament raġonevoli għat-test, trid tibgħat email bil-formola rilevanti (ara l-Gwida għall-Kandidati għad-dettalji) sal-iskadenza għall-applikazzjonijiet lis-Servizz Mediku tal-Parlament fl-indirizz li ġej:

PERS-CabmedbruDisability@europarl.europa.eu

 

Jekk jogħġbok ftakar li għandek tehmeż id-dokumentazzjoni medika/ta’ indeboliment xierqa biex issostni t-talba tiegħek.

Uża l-formulazzjoni li ġejja fil-linja tas-suġġett tal-email:

“DG PERS 2025 Positive Action Programme/RA Testing Justification Note”.

Tajjeb li tkun taf li l-akkomodamenti raġonevoli għall-post tax-xogħol jiġu offruti lill-kandidati reklutati fi stadju aktar tard.