AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/309/2024/S/INLO
AĠENT TEMPORANJU
Assistent(a) uffiċjal klerikali (AST 1)
Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma’ dan l-avviż ta’ reklutaġġ.
Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta’ reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri ta’ selezzjoni u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.
WERREJ
A. FUNZJONIJIET U ELEĠIBBILTÀ
B. PROĊEDURA
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA’ SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW
A. FUNZJONIJIET U ELEĠIBBILTÀ
1. Kummenti ġenerali
Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għall-pożizzjoni ta’ aġent temporanju (AST 1) fid-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika, id-Direttorat għall-Ġestjoni Integrata tal-Infrastrutturi fis-Servizz tal-Implimentazzjoni tal-Baġit. Il-profil imfittex huwa dak ta’ assistent(a) uffiċjal klerikali inkarigat mill-akkwist pubbliku.
Il-kuntratt se jiġi konkluż għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AST 1, l-ewwel skala, b’salarju bażiku ta’ EUR 3 461.58 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea. Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se tiġi reklutata l-persuna li tintgħażel madankollu tista’ tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta’ din il-persuna. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f’ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.
Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.
2. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet
Id-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika (DĠ INLO) jikkontribwixxi għall-ġestjoni tajba tal-infrastruttura u l-loġistika fid-diversi postijiet tax-xogħol tal-Parlament Ewropew.
Il-kompiti tad-DĠ INLO huma kif ġej:
– jiġġestixxi l-binjiet kollha okkupati mill-Parlament Ewropew fi Brussell, fil-Lussemburgu u fi Strażburgu, kif ukoll l-uffiċċji ta’ kollegament fl-Istati Membri fil-livell tekniku u amministrattiv;
– jiġġestixxi s-servizzi tat-tagħmir u s-servizzi inerenti fl-operat tal-binjiet imsemmija;
– jiġġestixxi t-tagħmir (xiri, trasport, ġarr, servizzi ta’ kurrier, forniment tal-ikel, korpi ċentrali għall-akkwisti, eċċ.) u l-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat.
Assenjata fi Brussell, il-persuna reklutata se tingħaqad ma’ tim dinamiku li jittratta l-fajls tal-akkwist pubbliku billi tiżgura l-ġestjoni amministrattiva tal-fajls inkluż l-arkivjar, il-kodifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-fajls u d-dokumenti ta’ sostenn relatati. Se tkun punt ta’ referenza fl-entità tagħha għal għadd ta’ proċeduri amministrattivi u tiżgura l-koordinazzjoni tagħhom. Taħt l-awtorità tad-Direttur u fi ħdan il-programmi u l-prijoritajiet definiti mill-korpi parlamentari u l-ġerarkija tagħhom, il-kompiti tagħha se jinkludu b’mod partikolari dawn li ġejjin:
– tikkontribwixxi għall-ippjanar tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku;
– tistipula l-iskeda ta’ żmien għal dawn il-proċeduri mal-unitajiet operazzjonali u timmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom;
– torganizza u/jew tikkontribwixxi għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku (it-tnedija u l-monitoraġġ tal-proċeduri, il-parteċipazzjoni fil-kumitati tal-ftuħ u tal-evalwazzjoni tal-offerti, il-monitoraġġ taċ-ċirkwit amministrattiv għall-abbozzi ta’ kuntratti u l-emendi, l-aġġornament tat-tabelli ta’ monitoraġġ, l-abbozzar ta’ noti ta’ spjegazzjoni, l-arkivjar, eċċ.);
– teżamina l-fajls, b’mod partikolari l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, wara proċeduri stabbiliti minn qabel bl-użu ta’ mezzi stampati u/jew elettroniċi u tipprovdi l-fajls finalizzati lill-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet;
– twettaq xogħol relatat mad-dħul ta’ testi, l-ifformattjar, it-tabelli, iż-żamma ta’ aġendi, il-posta, l-iffajljar, it-tħejjija ta’ fajls, ir-rapporti, l-istatistika, eċċ.;
– tiżgura assistenza amministrattiva: tiġġestixxi t-telefonati, l-emails u l-posta stampata, l-assenzi, it-telexogħol, it-talbiet għal taħriġ, il-provvisti għall-uffiċċju, tiġġestixxi l-laqgħat, tħejjija tal-ordnijiet ta’ missjoni, eċċ.
It-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet jeħtieġ ukoll ħiliet organizzattivi eċċellenti u sens qawwi ta’ responsabbiltà, diplomazija, ħiliet interpersonali tajbin ħafna u spirtu qawwi ta’ tim.
Għandhom jiġu ppjanati missjonijiet fil-postijiet tax-xogħol tal-Parlament Ewropew.
3. Rekwiżiti ta’ eleġibbiltà
Sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, jeħtieġlek tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:
a) Rekwiżiti ġenerali
F’konformità mal-Artikolu 12(2) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari:
– tkun ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,
– tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek,
– tkun issodisfajt kwalunkwe obbligu impost mil-liġijiet applikabbli fil-qasam tal-obbligu militari,
– toffri l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.
b) Rekwiżiti speċifiċi
i) Kwalifiki u diplomi meħtieġa
Għandu jkollok:
- livell ta’ edukazzjoni postsekondarja ċċertifikat b’diploma;
jew
- livell ta’ edukazzjoni sekondarja ċċertifikat b’diploma li tagħti aċċess għall-edukazzjoni postsekondarja flimkien ma’ esperjenza professjonali ta’ mill-inqas tliet snin
jew
taħriġ professjonali jew esperjenza professjonali ta’ livell ekwivalenti.
Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru tal-Unjoni jew f’pajjiż ieħor, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-Unjoni, bħall-ministeru għall-edukazzjoni ta’ Stat Membru.
Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-Unjoni Ewropea jeħtiġilhom jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom ekwivalenza tal-Unjoni Ewropea għad-diplomi tagħhom. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba f’pajjiż terz fi ħdan in-networks ENIC-NARIC, jekk jogħġbok żur: https://www.enic-naric.net.
Il-kumitat ta’ selezzjoni se jqis, f’dan ir-rigward, id-differenzi fis-sistemi edukattivi. Eżempji ta’ diplomi minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella li tidher fil-Gwida għall-Kandidati.
Il-kandidati li ma jippreżentawx ekwivalenza tal-Unjoni Ewropea għad-diplomi u/jew il-kandidati tagħhom b’diplomi mhux rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-Unjoni mhux se jiġu ammessi għall-proċedura ta’ selezzjoni.
(ii) Esperjenza professjonali meħtieġa
Mhi meħtieġa ebda esperjenza professjonali.
(iii) Għarfien lingwistiku
Għandu jkollok għarfien komplut (livell C1) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan jew l-Ungeriż;
u
għarfien sodisfaċenti (livell B2) tal-Ingliż jew tal-Franċiż (lingwa 2).
Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1.
Il-kandidati huma infurmati li l-limitazzjoni tal-lingwa għall-Ingliż u l-Franċiż f’din il-proċedura ta’ selezzjoni ġiet stabbilita fl-interess tas-servizz. Il-funzjonijiet ta’ uffiċjal klerikali jeħtieġu ħiliet speċifiċi, b’mod partikolari f’termini ta’ monitoraġġ, abbozzar, implimentazzjoni u ġestjoni amministrattiva. Il-membri tal-persunal irreklutati ġodda għandhom ikunu kapaċi jifhmu l-kompiti li għandhom jitwettqu, isolvu l-problemi u jikkomunikaw b’mod effettiv kemm mal-interlokuturi esterni kif ukoll mal-maniġment u l-kollegi tagħhom. Il-Parlament Ewropew jimpjega persunal varjat imqassam prinċipalment fil-binjiet tiegħu li jinsabu fi Brussell, Strażburgu u l-Lussemburgu. F’dan il-kuntest multilingwi, l-effettività operazzjonali tiddependi ħafna fuq l-użu tal-Franċiż u l-Ingliż. Dawn iż-żewġ lingwi huma fundamentali biex tiġi żgurata komunikazzjoni bla xkiel u effiċjenti, it-tmexxija bla xkiel tal-attivitajiet ta’ kuljum u l-konklużjoni ta’ proġetti ta’ bini fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika (DĠ INLO). L-għarfien ta’ waħda minn dawn iż-żewġ lingwi huwa essenzjali biex il-persunal ikun jista’ jassumi r-responsabbiltajiet tiegħu b’mod effettiv u jissodisfa l-ħtiġijiet tas-servizz fil-kuntest tad-dmirijiet li se jkun meħtieġ iwettaq. Id-dmirijiet imwettqa jinvolvu interazzjoni regolari mal-kollegi, mal-maniġment u mal-interlokuturi esterni li prinċipalment jużaw dawn il-lingwi fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Barra minn hekk, it-taħriġ, il-laqgħat tat-timijiet u l-proċeduri ta’ integrazzjoni għall-persunal il-ġdid isiru prinċipalment bl-Ingliż u bil-Franċiż, u b’hekk tissaħħaħ l-importanza tal-għarfien ta’ mill-inqas waħda minn dawn iż-żewġ lingwi. Il-proġetti li għaddejjin bħalissa, bħar-rinnovazzjoni tal-bini SPAAK, Dar iċ-Ċittadini u l-iżvilupp ta’ spazji multifunzjonali ġodda, jirrikjedu komunikazzjoni koerenti u armonizzata bejn diversi atturi, inklużi timijiet multidixxiplinari, periti, inġiniera, tekniċi tal-bini u utenti finali tal-Parlament Ewropew. Pereżempju, il-proġett SPAAK, li jirrappreżenta trasformazzjoni kbira tal-bini ewlieni tal-Parlament, jinvolvi skambji kontinwi bejn diversi partijiet ikkonċernati. L-użu tal-Ingliż u l-Franċiż bħala lingwi “pivots” (ta’ ħidma) jiffaċilita dawn l-interazzjonijiet filwaqt li jħares ir-rispett għad-diversità lingwistika fil-livell operazzjonali. Fid-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika, il-Franċiż huwa l-aktar lingwa użata għall-komunikazzjoni interna, filwaqt li l-Ingliż huwa predominanti fir-relazzjonijiet ma’ Direttorati Ġenerali oħra, l-awtoritajiet politiċi u amministrattivi tal-Parlament. L-Ingliż jintuża wkoll b’mod komuni għall-abbozzar tad-dokumenti. Għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż jew tal-Franċiż huwa essenzjali għat-twettiq tal-kompiti speċifiċi relatati mal-proċeduri ta’ akkwist, li l-għodod tal-IT tagħhom huma disponibbli biss f’dawn iż-żewġ lingwi. Il-laqgħat tal-Forum dwar l-Akkwist Pubbliku, li fihom se jipparteċipa l-membru tal-persunal irreklutat ġdid, għandhom isiru wkoll bl-Ingliż u bil-Franċiż. Barra minn hekk, għarfien sodisfaċenti tal-Franċiż huwa kruċjali għall-fehim tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-Belġju, kif ukoll għall-interazzjoni mal-fornituri tas-servizzi, l-amministrazzjonijiet u l-awtoritajiet lokali. Għalhekk, din il-proċedura ta’ selezzjoni mhijiex eċċezzjoni għal din il-prattika li ilha stabbilita. Bħala konklużjoni, il-limitazzjoni għall-Ingliż u l-Franċiż f’din il-proċedura ta’ selezzjoni hija ġġustifikata mill-ħtiġijiet operattivi tas-servizz, ir-rekwiżiti tal-kariga ta’ uffiċjal klerikali, u l-prattiki interni tad-Direttorat Ġenerali, u b’hekk jiġu żgurati l-aħjar effiċjenza u koeżjoni fi ħdan il-Parlament Ewropew.
|
B. PROĊEDURA
Il-proċedura hija bbażata fuq kwalifiki u testijiet.
1. Eleġibbiltà u evalwazzjoni tal-kwalifiki (l-ewwel stadju)
(a) L-Awtorità tal-Ħatra għandha tħejji lista ta’ kandidati li jkunu ssottomettew l-applikazzjonijiet tagħhom fil-forma meħtieġa sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali stabbiliti fit-Taqsima A, il-punt 3(a). Din il-lista tintbagħat lill-kumitat ta’ selezzjoni flimkien mal-fajls tal-applikazzjonijiet.
(b) Il-kumitat ta’ selezzjoni għandu jivverifika l-fajls tal-applikazzjonijiet jekk dawn ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fit-Taqsima A, il-punt 3(b).
(c) Abbażi ta’ tabella tal-punteġġ imfassla minn qabel, il-kumitat ta’ selezzjoni jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati eleġibbli kollha u jfassal lista tal-aħjar 6 kandidati li se jiġu mistiedna għat-testijiet. Il-kumitat ta’ selezzjoni għandu jistieden lill-kandidati ex aequo għall-aħħar post kwalifikat.
Il-kumitat ta’ selezzjoni jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu biss abbażi tal-informazzjoni pprovduta fil-formola tal-applikazzjoni, li trid tkun sostnuta minn dokumenti ġustifikattivi, sottomessi fl-istess ħin tal-formola tal-applikazzjoni (għal aktar dettalji, ara l-Gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew, il-punt 3.3).
Meta jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati, il-kumitat ta’ selezzjoni jqis, b’mod partikolari, l-elementi li ġejjin li għandhom jiġu sostanzjati fil-formola tal-applikazzjoni:
a. għarfien dwar l-ipprogrammar tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku;
b. għarfien dwar l-organizzazzjoni tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku (it-tnedija u l-monitoraġġ tal-proċeduri, il-parteċipazzjoni fil-kumitati tal-ftuħ u tal-evalwazzjoni tal-offerti, il-monitoraġġ taċ-ċirkwit amministrattiv għall-kuntratti u l-addenda, l-aġġornament tat-tabelli ta’ monitoraġġ, l-abbozzar ta’ noti ta’ spjegazzjoni, l-arkivjar, eċċ.);
c. għarfien dwar l-eżaminazzjoni tal-fajls, b’mod partikolari l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku;
d. għarfien dwar id-dħul ta’ testi , l-ifformattjar, it-tabelli, iż-żamma tal-aġenda, il-posta, l-iffajljar, it-tħejjija tal-fajls, ir-rapporti, l-istatistika, eċċ.;
e. għarfien dwar l-assistenza amministrattiva: ġestjoni tat-telefonati, l-emails u l-posta stampata, l-assenzi, it-telexogħol, it-talbiet għal taħriġ, il-provvisti għall-uffiċċju, il-ġestjoni tal-laqgħat, it-tħejjija tal-ordnijiet ta’ missjoni, eċċ.;
f. għarfien dwar l-ambjenti professjonali multikulturali jew internazzjonali.
Punteġġ: minn 0 għal 20 punt
2. Testijiet (it-tieni stadju)
Test bil-miktub
a) Test tal-abbozzar bil-lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż), abbażi ta’ fajl, biex tiġi evalwata l-kapaċità tiegħek li twettaq id-dmirijiet deskritti fit-Taqsima A.2., kif ukoll il-kapaċità ta’ abbozzar tiegħek.
Tul tat-test: 60 minuta
Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (minimu meħtieġ: 10 punti)
Testijiet orali
b) Intervista mal-kumitat ta’ selezzjoni bil-lingwa 2 (il-Franċiż jew l-Ingliż), li permezz tagħha tkun tista’ tiġi evalwata l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, b’kunsiderazzjoni tal-elementi kollha mniżżlin fil-fajl tal-applikazzjoni. Il-kumitat ta’ selezzjoni jista’ jiddeċiedi li jeżamina l-għarfien lingwistiku tiegħek kif iddikjarat fil-formola tal-applikazzjoni.
Tul massimu tat-test: massimu ta’ 45 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).
Dawn it-testijiet jistgħu jiġu organizzati mill-bogħod jew wiċċ imb wiċċ.
Fi żmien debitu, tirċievi l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet bil-miktub u orali. Jeħtieġlek issegwi l-istruzzjonijiet bl-akbar reqqa. Jekk ma ssegwix l-istruzzjonijiet jew jekk l-imġiba tiegħek ma tkunx konformi mal-istruzzjonijiet, tiġi skwalifikat/a minnufih.
3. Inklużjoni fil-lista ta’ riżerva
Il-lista ta’ riżerva tinkludi, skont l-ordni tal-mertu, l-ismijiet tat-tliet kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta’ punti fil-proċedura kollha (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet), u li jkunu laħqu l-limitu minimu meħtieġ f’kull wieħed minn dawn it-testijiet.
Inti ssir taf personalment bir-riżultati tiegħek permezz ta’ komunikazzjoni bil-miktub.
Il-lista ta’ riżerva tiġi ppubblikata fuq l-intranet tal-Parlament Ewropew.
Il-lista ta’ riżerva tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru 2028. Hija tista’ tiġi estiża b’deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. F’dan il-każ, il-kandidati mniżżlin fil-lista ta’ riżerva jiġu informati fi żmien debitu.
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
Biex tapplika, irid ikollok kont fil-pjattaforma Apply4EP: https://apply4ep.gestmax.eu/search/index/lang/mt_MT.
Jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel timla l-formola tal-applikazzjoni tiegħek.
Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:
Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija:
is-6 ta’ Novembru 2024, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.