Post tax-xogħol : Brussell ; Lussemburgu ; Strasburgu
Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 30/06/2025 17:00
Servizz : 00-Parlament Ewropew
Ref. : ICT officer (function group III)
Gwida għall-kandidati : Guide for candidates

SEJĦA GĦAL ESPRESSJONI TA’ INTERESS

ĦOLQIEN TA’ BAŻI TAD-DATA

Persunal bil-kuntratt fil-qasam tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni:

uffiċjal tal-ICT (grupp ta’ funzjoni III)  

1.      Kummenti ġenerali

Is-Segretarjat tal-Parlament Ewropew qed joħroġ din is-sejħa bl-għan li jistabbilixxi bażi tad-data estensiva ta’ kandidati għal persunal bil-kuntratt fil-grupp ta’ funzjoni III fil-qasam tal-ICT. Din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess għal Aġent bil-Kuntratt (CA-AMI) hija intiża primarjament biex tappoġġja lid-Direttorat Ġenerali għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku (DG ITEC).

Il-bażi tad-data se sservi bħala riżerva ta’ kandidati għall-kariga ta’ uffiċjal tal-ICT li tinkludi firxa wiesgħa ta’ profili interni tal-ICT, filwaqt li tkopri firxa wiesgħa ta’ ħiliet u esperjenza għal reklutaġġ possibbli fil-futur fit-tliet postijiet tax-xogħol ewlenin tal-Parlament Ewropew, b’enfasi ewlenija fuq is-siti tagħna fil-Lussemburgu u fi Strażburgu. 

Skont il-bżonn, il-persuni li isimhom ikun inkluż fil-bażi tad-data, jistgħu jintgħażlu u jiġu offruti pożizzjonijiet bħala persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). 

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jilqa’ kandidati mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, il-kulur tal-ġilda, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

Jekk trid li ismek jiġi inkluż fil-bażi tad-data, jekk jogħġbok ibgħat is-CV tiegħek u imla l-formola tal-applikazzjoni permezz tal-pjattaforma APPLY4EP. Ibda billi toħloq kont. Aqra din is-sejħa sew biex taċċerta ruħek li tissodisfa r-rekwiżiti. Imbagħad, ikklikkja fuq it-tab “Applika online” u segwi l-passi tal-proċedura ta’ applikazzjoni online. Aċċerta ruħek li taqra sew ukoll il-gwida mehmuża ma’ din is-sejħa. Jista’ jinħoloq kont wieħed biss fl-APPLY4EP. Id-data personali rreġistrata fil-kont tiġi pproċessata f’konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tibqa’ modifikabbli, sabiex tkun tista’ tiġi aġġornata. Id-dikjarazzjoni ta’ privatezza għall-APPLY4EP hija disponibbli fil-paġna ewlenija.

2.      Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

L-uffiċjali tal-ICT huma responsabbli biex jipprovdu appoġġ tekniku u assistenza teknika b’rabta mas-sistemi, il-hardware u s-software tal-kompjuter. Huma inkarigati li jiżguraw l-operazzjoni bla problemi tar-riżorsi tal-ICT fi ħdan l-organizzazzjoni. 

Ir-responsabbiltajiet ewlenin jistgħu jinkludu: 

       l-appoġġ tekniku, l-għoti ta’ appoġġ biex jiġu solvuti problemi fis-sistemi tal-kompjuter, inklużi s-software u l-hardware, kemm jekk mill-bogħod kif ukoll bi preżenza fiżika;

       il-manutenzjoni u l-aġġornamenti, it-twettiq ta’ kontrolli u manutenzjoni regolari tas-sistemi u l-kompjuters tan-network biex jiġi żgurat li jkunu qed jaħdmu sew. Dan jinvolvi wkoll l-installazzjoni u l-konfigurazzjoni ta’ hardware, software, sistemi u networks tal-kompjuter, kif ukoll apparati multifunzjonali, printers u scanners;

       l-assistenza u t-taħriġ lill-utenti, l-għajnuna lill-Membri tal-Parlament, lill-persunal jew lill-klijenti permezz ta’ sensiela ta’ azzjonijiet, kemm wiċċ imb wiċċ kif ukoll bit-telefon, biex jiġu stabbiliti sistemi jew biex tinstab soluzzjoni għal problemi; it-taħriġ lill-utenti dwar sistemi ġodda u applikazzjonijiet tas-software, u l-għoti ta’ gwida dwar l-aħjar prassi fir-rigward tal-IT;

       it-troubleshooting, id-dijanjożi u t-tranġar ta’ difetti fil-hardware jew fis-software. Dan jinkludi t-troubleshooting ta’ problemi fin-network, id-dijanjożi ta’ żbalji fis-sistema u l-għoti ta’ soluzzjonijiet immedjati jew ir-riferiment ta’ problemi kumplessi għand speċjalisti tal-IT ta’ livell ogħla;

       id-dokumentazzjoni permezz taż-żamma ta’ rekords ta’ problemi u soluzzjonijiet, l-aġġornament tad-dokumentazzjoni tas-sistema u ż-żamma ta’ inventarju tal-IT u l-ġestjoni tar-riżorsi;

       il-monitoraġġ u l-analiżi tas-sistemi tal-informazzjoni u tad-data, it-troubleshooting ta’ problemi relatati mad-data biex tiġi żgurata l-integrità tad-data;

       iċ-ċibersigurtà permezz tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-protokolli tas-sigurtà biex id-data tiġi protetta minn aċċess mhux awtorizzat, il-back up ta’ sistemi biex jiġi evitat telf tad-data u l-iżgurar li s-sistemi tal-antivirus u tal-firewall ikunu aġġornati u jiffunzjonaw kif suppost;

       iż-żamma u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tal-ICT biex jiġi żgurat li jkunu adegwati għall-użu u għall-iskop tagħhom;

       id-disinjar ta’ xenarji ta’ test għal applikazzjonijiet tal-Parlament (PE), it-twettiq ta’ testijiet (funzjonali, ta’ regressjoni, esploratorji, ta’ kompatibbiltà mal-konfigurazzjoni tal-istandards tal-PE) f’diversi ambjenti tal-ICT tal-PE, il-valutazzjoni tar-riżultati tat-testijiet, ir-rapportar u s-segwitu ta’ difetti, il-ħolqien ta’ rapporti dwar it-testijiet għal proġetti u timijiet ta’ applikazzjoni;

       l-għoti ta’ appoġġ lil proġetti u timijiet tal-ICT, l-abbozzar u ż-żamma ta’ dokumentazzjoni tal-proġetti, inklużi skedi tal-proġetti, rapporti dwar l-istatus, preżentazzjonijiet, riżorsi, pjanijiet, komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tal-proġetti.

L-uffiċjali tal-ICT għandhom rwol kruċjali fl-operazzjonijiet ta’ kuljum tal-organizzazzjoni tagħna billi jiżguraw li r-riżorsi kollha tal-ICT ikunu operattivi, billi dan jippermetti lill-Membri u lill-persunal iwettqu dmirijiethom b’mod effiċjenti u effettiv. 

Il-qasam ta’ attività jista’ jkopri:

-       l-infrastruttura tal-ICT, inklużi l-cloud, in-networks u l-middleware;

-       il-post tax-xogħol diġitali, l-awtomatizzazzjoni tal-uffiċċju, il-mobile computing, il-mobile printing;

-       l-iżvilupp, il-konfigurazzjoni, l-ittestjar, l-operazzjoni u l-manutenzjoni tal-applikazzjonijiet tal-ICT, l-akkwist, l-implimentazzjoni u l-manutenzjoni ta’ soluzzjonijiet off-the-shelf;

-       il-metodoloġiji Agile, id-DevSecOps, il-monitoraġġ u l-osservabbiltà tal-applikazzjonijiet/infrastruttura, l-ITIL;

-       il-ġestjoni tad-data, l-immudellar tad-data u l-analitika tad-data;

-       iċ-ċibersigurtà;

-       l-intelliġenza artifiċjali.

3.      Dmirijiet

Bi qbil mal-programmi u l-prijoritajiet definiti mill-korpi u/jew mill-maniġment tal-Parlament, u taħt l-awtorità tal-uffiċjali responsabbli, l-uffiċjal tal-ICT jaħdem fuq firxa ta’ dmirijiet, skont is-servizz li jkun irreklutat fih, inklużi:

1)     l-interazzjoni mal-utenti finali, it-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet u l-għoti ta’ pariri fl-oqsma ta’ responsabbiltà rilevanti;

2)     l-installazzjoni, it-troubleshooting u t-twettiq, mill-bogħod jew bi preżenza fiżika ta’: tiswijiet fis-sistemi tal-uffiċċji, fis-software, fil-hardware jew fit-tagħmir periferiku skont speċifikazzjonijiet tad-disinn jew tal-installazzjoni;

3)     li jitwieġbu mistoqsijiet tal-utenti rigward operazzjonijiet tas-software jew tal-hardware, iż-żamma ta’ rekords tal-komunikazzjonijiet li jsiru kuljum, tal-mistoqsijiet u tal-azzjonijiet ta’ rimedju li ttieħdu, jew tal-attivitajiet ta’ installazzjoni;

4)     il-koordinazzjoni tal-programmaturi tal-applikazzjonijiet, tal-iżviluppaturi tas-sistemi u ta’ professjonisti oħra tal-ICT biex jiżviluppaw, imantnu u jittestjaw prodotti u servizzi tal-ICT;

5)     l-assistenza lil u l-appoġġ ta’ għodod ta’ ġestjoni tad-data, it-troubleshooting ta’ problemi relatati mad-data, l-iżgurar tas-sigurtà u l-integrità tad-data;

6)     it-twettiq ta’ analiżi kummerċjali u teknika b’kooperazzjoni mal-utenti u t-timijiet tekniċi;

7)     l-għoti ta’ informazzjoni u/jew taħriġ lill-utenti: it-tfassil ta’ istruzzjonijiet bil-miktub għall-utent, id-dokumentazzjoni tal-applikazzjonijiet, il-kontribut għat-titjib tal-bażi ta’ għarfien rilevanti;

8)     it-twettiq tal-kompiti ta’ kuljum, il-konsultazzjoni tal-bażi ta’ għarfien rilevanti u ż-żieda ta’ għarfien fil-bażi, is-segwitu tal-proċeduri u l-flussi tax-xogħol miftiehma, l-użu tas-sistema approvata tat-ticketing u ta’ sistemi rilevanti oħra;

9)     l-identifikazzjoni ta’ funzjonament ħażin potenzjali u ta’ ħtiġijiet emerġenti u t-trażmissjoni tal-informazzjoni rilevanti lill-ġerarkija;

10)  l-appoġġ ta’ proġetti tal-IA u tal-analitika tad-data permezz ta’ għajnuna fit-tħejjija tad-data u l-iżvilupp ta’ mudelli;

11)  l-assistenza lill-utenti waqt laqgħat mill-bogħod jew ibridi.

Għarfien speċifiku mitlub

Il-lista li ġejja tenumera diversi oqsma ta’ għarfien espert. Huwa importanti li jiġi nnotat li filwaqt li dawn l-oqsma ta’ għarfien huma pertinenti, mhux l-elementi kollha huma obbligatorji għall-pożizzjonijiet kollha. L-applikabbiltà ta’ dawn l-oqsma ta’ għarfien tiddependi mis-servizzi speċifiċi li l-kandidati jiġu rreklutati fihom. Il-kandidati jintgħażlu abbażi tal-għarfien espert speċifiku tagħhom u tal-profil meħtieġ għall-pożizzjoni. 

1)     Għarfien tal-komponenti tal-hardware tal-kompjuter, it-tagħmir periferiku, l-apparati multifunzjonali, il-printers u l-iscanners, u t-troubleshooting ta’ kwistjonijiet relatati mal-hardware;

2)     Għarfien tas-sistemi operattivi u tal-applikazzjonijiet tas-software, inklużi l-office suites, l-email tal-klijenti u software speċjalizzat rilevanti għall-organizzazzjoni;

3)     Għarfien tal-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-applikazzjonijiet, inklużi d-DevSecOps, il-metodoloġiji Agile, il-containers, il-monitoraġġ avvanzat u l-osservabbiltà;

4)     Għarfien, tal-ambjenti tas-servers, il-ġestjoni tal-bażijiet tad-data u s-servizzi cloud;

5)     Komprensjoni tal-proċeduri tal-governanza tad-data u tal-ġestjoni tad-data (ġbir, analiżi, distribuzzjoni), familjarità mat-teknoloġiji moderni tal-bażijiet tad-data u tas-sistemi tal-informazzjoni;

6)     Kapaċità ta’ dijanjożi u soluzzjoni ta’ problemi tekniċi b’mod effiċjenti; kapaċità ta’ tiftix ta’ soluzzjonijiet għal problemi ġodda jew ta’ riferiment ta’ kwistjonijiet għand speċjalisti tal-IT ta’ livell ogħla kif xieraq;

7)     Għarfien tal-pakketti ta’ software u/jew ta’ żvilupp (lingwaġġi tal-ipprogrammar, sistemi ta’ ġestjoni tal-bażijiet tad-data);

8)     Għarfien tal-istandards u t-teknoloġiji tal-industrija tal-ICT;

9)     Għarfien eċċellenti tal-għodod kollaborattivi, tal-vidjokonferenzi u tal-multimedia;

10)  Għarfien ta’ metodoloġiji ta’ ġestjoni tal-proġetti (PMI, PRINCE2);

11)  Għarfien ta’ tekniki ta’ ttestjar biex jiġu ppjanati u mwettqa testijiet, esperjenza bl-għodod tas-software biex l-ittestjar jiġi awtomatizzat jew bħala assistenza fl-ittestjar, familjarità mad-diversi metodoloġiji ta’ ttestjar (Waterfall, iterattiv, Agile, Scrum, eċċ.);

12)  Ħiliet eċċellenti ta’ komunikazzjoni verbali u bil-miktub biex jiġu spjegati kunċetti tekniċi lil utenti mhux tekniċi;

13)  Impenn biex wieħed jibqa’ aġġornat dwar l-aħħar avvanzi teknoloġiċi u l-aħjar prassi fl-appoġġ mil-lat tal-ICT;

14)  Enfasi qawwija fuq l-għoti ta’ appoġġ ta’ kwalità għolja biex l-utenti jkunu aktar sodisfatti; kapaċità ta’ ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet stressanti b’mod kalm u professjonali;

15)  Kapaċità ta’ ħidma f’tim kif ukoll b’mod awtonomu.

4.      Eleġibbiltà

Biex ikunu eleġibbli għal reklutaġġ possibbli fil-futur fil-pożizzjoni ta’ aġent bil-kuntratt, il-kandidati jeħtiġilhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi li ġejjin:

a.      Rekwiżiti ġenerali ta’ eleġibbiltà 

·        Tkun ċittadin(a) ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

·        Tkun issodisfajt kull obbligu impost mil-liġijiet nazzjonali fir-rigward tas-servizz militari.

·        Tippreżenta l-garanziji ta’ moralità xierqa għall-qadi tal-funzjonijiet tiegħek.

b.     Rekwiżiti speċifiċi ta’ eleġibbiltà 

1)        Kwalifiki u ħiliet meħtieġa

(i) livell ta’ edukazzjoni postsekondarja ċċertifikat b’diploma, 

jew

            (ii) livell ta’ edukazzjoni sekondarja ċċertifikat b’diploma li tagħti aċċess għall-edukazzjoni postsekondarja, u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas tliet snin, 

            jew

            (iii) meta jkun ġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali jew esperjenza professjonali ta’ livell ekwivalenti.

Qabel ma jiġu rreklutati, il-kandidati jintalbu jipprovdu dokumenti li jissostanzjaw l-informazzjoni li tinsab fil-formola tal-applikazzjoni (diplomi, ċertifikati u dokumenti ġustifikattivi oħra).

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru jew f’pajjiż mhux tal-UE, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-UE, bħall-ministeru tal-edukazzjoni. 

Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE għandhom jipprovdu ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC (https://www.enic-naric.net/).

2) Għarfien lingwistiku

Il-kandidati għandu jkollhom għarfien komplut (mill-inqas ta’ livell C1) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan jew l-Ungeriż, 

u

għarfien sodisfaċenti (mill-inqas ta’ livell B2) tal-Ingliż jew tal-Franċiż (lingwa 2). Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1. 

Għal raġunijiet ta’ trattament ugwali, il-kandidati kollha li l-lingwa 1 tagħhom tkun l-Ingliż jew il-Franċiż, huma meħtieġa jkollhom għarfien sodisfaċenti ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

Jekk jogħġbok kun af li l-livelli minimi meħtieġa hawn fuq japplikaw għal kull qasam ta’ aptitudni lingwistika (taħdit, kitba, qari, smigħ) imsemmija fil-formola tal-applikazzjoni. Dawn il-kapaċitajiet jikkorrispondu għal dawk speċifikati fil-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (https://europass.europa.eu/mt/common-european-framework-reference-language-skills). Tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-livell C2 huwa l-ogħla livell fil-qafas, filwaqt li l-livell A1 huwa l-livell l-aktar baxx.

Kemm l-Ingliż kif ukoll il-Franċiż huma l-lingwi li jintużaw l-aktar spiss għall-komunikazzjoni fi ħdan u bejn l-unitajiet fid-Direttorati Ġenerali u l-awtoritajiet politiċi u amministrattivi tal-Parlament.

Peress li l-apparati u l-proċeduri eżistenti għal dawn l-oqsma speċjalizzati huma stabbiliti bl-Ingliż, il-profiċjenza fl-Ingliż hija kruċjali. L-Ingliż huwa l-lingwa ewlenija għall-komunikazzjoni u l-iżvilupp fil-qasam tal-IT internazzjonalment u fi ħdan il-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet tal-UE, u jkopri rwoli bħal dawk ta’ programmaturi, analisti u arkitetti. Għalhekk, il-profiċjenza fl-Ingliż hija essenzjali għall-pożizzjonijiet disponibbli.

Il-Franċiż jintuża b’mod estensiv fis-servizzi tal-IT fi ħdan il-Parlament Ewropew u d-Direttorati Ġenerali tiegħu. Meta jitqies il-fatt li l-pożizzjonijiet jinsabu primarjament fil-Lussemburgu u fi Strażburgu, postijiet bi preżenza sinifikanti ta’ fornituri ta’ servizzi tal-ICT li jitkellmu bil-Franċiż, il-profiċjenza fil-Franċiż hija essenzjali biex tiffaċilita l-interazzjoni effettiva ma’ dawn it-timijiet. 

Għaldaqstant, biex ikun jista’ jwettaq dmirijietu b’mod effettiv u jsir operattiv mill-aktar fis possibbli, il-persunal bil-kuntratt reklutat għandu jkunu kapaċi jaħdem u jikkomunika b’mod effettiv bl-Ingliż jew bil-Franċiż.

3) Esperjenza professjonali meħtieġa

Wara li jiksbu l-kwalifiki msemmija fit-taqsima (4.b.i) hawn fuq, l-applikanti jkunu meħtieġa jiksbu mill-inqas sena esperjenza professjonali rilevanti għad-dmirijiet speċifikati fit-taqsima 3 hawn fuq.

5.      Bażi tad-data

Jekk inti

·        tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali ta’ eleġibbiltà, u

·        imlejt il-formola tal-applikazzjoni permezz tal-pjattaforma APPLY4EP (ara hawn taħt, “Applikazzjonijiet”) f’konformità mal-proċedura u sal-iskadenza,

ismek jiġi inkluż fil-bażi tad-data.

L-inklużjoni ta’ ismek tkun ibbażata esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni u fid-dokumenti mehmuża. Din l-informazzjoni u dawn id-dokumenti jiġu vverifikati aktar tard, jekk issirlek offerta ta’ reklutaġġ.

Meta jkun hemm bżonn, is-servizzi ta’ reklutaġġ jikkonsultaw il-bażi tad-data biex jidentifikaw u jħejju lista qasira ta’ kandidati li l-profili tagħhom jaqblu mal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, abbażi tal-informazzjoni fl-applikazzjonijiet tagħhom. Jekk titniżżel fil-lista, tiġi mistieden/mistiedna għal testijiet u/jew intervisti organizzati mis-servizzi ta’ reklutaġġ. It-testijiet u/jew l-intervisti huma mfassla biex jevalwaw l-adegwatezza tiegħek għall-pożizzjoni rilevanti. L-għarfien lingwistiku jista’ jiġi evalwat ukoll matul dan il-proċess.

Għandu jiġi nnotat li kwalunkwe diskrepanza li tinstab bejn l-informazzjoni pprovduta u l-fatti stabbiliti matul il-verifika twassal għall-esklużjoni tal-kandidat mill-proċedura ta’ selezzjoni, id-dettalji tiegħu/tagħha jitneħħew mill-bażi tad-data u ma jiġix offrut kuntratt. 

6.      Applikazzjonijiet - kif tesprimi l-interess tiegħek?

Il-persuni interessati għandhom jimlew il-formola tal-applikazzjoni tagħhom permezz tal-pjattaforma online APPLY4EP. L-espressjonijiet ta’ interess jistgħu jintbagħtu biss permezz ta’ dik il-pjattaforma.

Ladarba tkun ħloqt il-kont tiegħek, għandek ittella’ curriculum vitae dettaljat. Għandek tuża l-format tal-Europass (https://europa.eu/europass/select-language?destination=/node/1). 

Imbagħad għandek timla l-bqija tal-formola tal-applikazzjoni. 

Id-data tal-għeluq għall-espressjonijiet ta’ interess hija 

it-30 ta’ Ġunju 2025 fil-17.00 (ħin tal-Lussemburgu)

L-applikazzjonijiet li jaslu wara dik id-data ma jiġux aċċettati. 

Il-fatt li ismek jiġi inkluż fil-bażi tad-data jew li tiġi mistieden/mistiedna għal test jew intervista mhuwiex garanzija li se tirċievi offerta ta’ impjieg. 

Il-Parlament Ewropew japplika politika stretta ta’ opportunitajiet indaqs fil-proċeduri ta’ selezzjoni tiegħu, sabiex jiggarantixxi trattament indaqs tal-kandidati kollha.

Il-kondizzjonijiet tal-impjieg tal-istituzzjonijiet tal-UE huma stabbiliti fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Id-dettalji kollha dwar l-arranġamenti tax-xogħol jinsabu hawn:  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20140501&from=MT  (Titolu IV “Persunal bil-kuntratt”).

Mill-1 ta’ Lulju 2023, is-salarju bażiku huwa bejn EUR 3 111.21 u EUR 5 768.76 (persunal bil-kuntratt, grupp ta’ funzjoni III) fix-xahar, skont it-taħriġ u l-esperjenza professjonali speċifika tal-kandidat.

Il-bażi tad-data tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru 2025. Il-validità tagħha tista’ tiġi prorogata permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra. F’dan il-każ, il-kandidati mniżżla fil-lista jkunu infurmati f’ħin utli.