Post tax-xogħol : Brussell ; Lussemburgu ; Strasburgu
Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 30/06/2025 17:00
Servizz : 00-Parlament Ewropew
Ref. : ICT Expert (function group IV)
Gwida għall-kandidati : Guide for candidates

SEJĦA GĦAL ESPRESSJONI TA’ INTERESS

ĦOLQIEN TA’ BAŻI TAD-DATA

Persunal bil-kuntratt fil-qasam tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni   

Espert tal-ICT (grupp ta’ funzjoni IV) 

1.      Kummenti ġenerali

Is-Segretarjat tal-Parlament Ewropew qed joħroġ din is-sejħa bl-għan li jistabbilixxi bażi tad-data estensiva ta’ kandidati għal persunal bil-kuntratt fil-grupp ta’ funzjoni IV fil-qasam tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT). Din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess għal Aġenti bil-Kuntratt (‘CA-AMI’) hija intiża primarjament biex tappoġġja lid-Direttorat Ġenerali għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku (DG ITEC).

Il-bażi tad-data se sservi bħala riżerva ta’ kandidati b’għarfien espert fl-ICT li tinkludi firxa wiesgħa ta’ profili interni tal-ICT, filwaqt li tkopri firxa wiesgħa ta’ ħiliet u esperjenza għal reklutaġġ possibbli fit-tliet postijiet tax-xogħol ewlenin tal-Parlament Ewropew, b’enfasi ewlenija fuq il-post tax-xogħol tagħna fi Strażburgu. 

Skont il-bżonn, il-persuni li isimhom ikun inkluż fil-bażi tad-data, jistgħu jintgħażlu u jiġu offruti pożizzjonijiet bħala persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). 

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jilqa’ kandidati mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, il-kulur tal-ġilda, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

Jekk trid li ismek jiġi inkluż fil-bażi tad-data, jekk jogħġbok ibgħat is-CV tiegħek u imla l-formola tal-applikazzjoni permezz tal-pjattaforma APPLY4EP. Ibda billi toħloq kont. Aqra din is-sejħa sew biex taċċerta ruħek li tissodisfa r-rekwiżiti. Imbagħad, ikklikkja fuq it-tab “Applika online” u segwi l-passi tal-proċedura ta’ applikazzjoni online. Aċċerta ruħek li taqra sew ukoll il-gwida mehmuża ma’ din is-sejħa. Jista’ jinħoloq kont wieħed biss fl-APPLY4EP. Id-data personali rreġistrata fil-kont tiġi pproċessata f’konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tibqa’ modifikabbli, sabiex tkun tista’ tiġi aġġornata. Id-dikjarazzjoni ta’ privatezza għall-APPLY4EP hija disponibbli fil-paġna ewlenija.

2.      Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Qed infittxu kandidati b’firxa varjata ta’ għarfien espert fl-ICT biex jiżvolġu diversi rwoli li kollettivament jappoġġjaw l-objettivi tal-Parlament Ewropew. Dawn jinvolvu l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet, il-ġestjoni tal-proġetti u tat-timijiet, l-arkitettura u l-inġinerija tal-ICT, il-ġestjoni u l-faċilitazzjoni tar-relazzjoni bejn id-dipartiment tal-ICT u l-partijiet ikkonċernati tiegħu. 

Ir-responsabbiltajiet ewlenin jistgħu jinkludu: 

-       il-kollaborazzjoni bejn id-dipartiment tal-ICT u dipartimenti oħra, ir-rwol bħala punt ta’ kuntatt biex ir-rekwiżiti kummerċjali jiġu mifhuma u jissarrfu f’soluzzjonijiet tal-ICT;

-       il-ġestjoni ta’ proġetti, is-sorveljanza ta’ proġetti tal-ICT mill-bidu sat-tmiem, filwaqt li jiġi żgurat li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati, jitlestew fil-ħin, u fil-limiti tal-baġit;

-       il-ġestjoni ta’ programmi, l-ippjanar u d-disinjar ta’ programmi tal-ICT, il-monitoraġġ tal-progress tagħhom, il-komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati;

-       l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, il-komunikazzjoni regolari mal-partijiet ikkonċernati biex jinġabar feedback, jiġu ġestiti l-aspettattivi, u jinżammu infurmati dwar il-progress tal-proġetti u l-iżviluppi fl-ICT;

-       l-iżvilupp ta’ strateġiji, il-kontribut għall-istrateġija tal-ICT bl-inkorporazzjoni tal-feedback tal-partijiet ikkonċernati u billi jiġi żgurat li jappoġġja l-objettivi ġenerali tal-organizzazzjoni;

-       il-produzzjoni ta’ studji ta’ livell għoli jew strateġiċi, dokumenti dwar l-aħjar prassi u proċeduri tekniċi;

-       l-iżvilupp, l-arkitettura u l-inġinerija tal-ICT.

 

Il-qasam ta’ attività jista’ jkopri:

-       l-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-appoġġ tal-ICT;

-       il-metodoloġiji DevSecOps u Agile, l-ITIL;

-       il-ġestjoni, il-governanza u l-analitika tad-data tal-ICT;

-       l-infrastrutturi, il-cloud, in-networks u l-middleware tal-ICT;

-       il-post tax-xogħol diġitali, l-awtomatizzazzjoni tal-uffiċċju u l-mobile computing;

-       id-disinn, ir-rikonfigurazzjoni, l-ittestjar, l-operazzjoni u l-manutenzjoni tal-applikazzjonijiet tal-ICT u s-soluzzjonijiet off-the-shelf;

-       iċ-ċibersigurtà;

-       l-intelliġenza artifiċjali (IA), l-arkitettura tan-negozju u tal-impriża;

-       il-ġestjoni, il-koordinazzjoni u s-superviżjoni ta’ timijiet.

3.      Dmirijiet

Bi qbil mal-programmi u l-prijoritajiet definiti mill-korpi u/jew mill-maniġment tal-Parlament, u taħt l-awtorità tal-uffiċjali jew tal-aġenti temporanji, l-esperti tal-ICT jaqdu d-dmirijiet li ġejjin, skont is-servizz li jiġu rreklutati fih:

 

1)     Jikkoordinaw proġetti tal-ICT, jiżguraw il-konsistenza funzjonali tagħhom u l-konformità tagħhom mar-regoli u l-istandards tekniċi;

2)     Iġestixxu, jissorveljaw, jimmotivaw u jikkoordinaw tim wieħed jew aktar – filwaqt li jottimizzaw l-użu tar-riżorsi tad-dipartiment biex jipprovdi servizz ta’ kwalità għolja (organizzazzjoni, ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji, innovazzjoni, eċċ.) fil-qasam ta’ responsabbiltà tagħhom;

3)     Imantnu l-applikazzjonijiet dipartimentali, jipprovdu appoġġ lill-utenti għas-sistemi tal-informazzjoni kkonċernati, jiddefinixxu l-arkitettura teknika u funzjonali tal-applikazzjonijiet tal-ICT fil-qasam ta’ responsabbiltà;

4)     Jgħinu bil-ġestjoni ta’ proġetti u jorganizzaw valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet u/jew studji tal-fattibbiltà, inklużi laqgħat mal-partijiet ikkonċernati biex jivvalutaw il-ħtiġijiet tagħhom;

5)     Jimmonitorjaw, jikkoordinaw u jissorveljaw il-ġestjoni tal-baġit u tal-kuntratti tad-dipartiment, jgħinu fit-tfassil tal-pjan għall-intestaturi tal-baġit ġestit mid-dipartiment;

6)     Joħolqu u jinfurzaw politiki għal ġestjoni effettiva tad-data, jisfruttaw l-użu tad-data fil-Parlament billi jtejbu l-aċċessibbiltà u d-disponibbiltà tagħha;

7)     Iħejju u jagħtu segwitu għal stediniet għall-preżentazzjoni ta’ offerti f’oqsma tekniċi ħafna;

8)     Jorganizzaw servizzi ta’ appoġġ (tagħmir u software) u assistenza tal-ewwel u tat-tieni livell għall-utenti b’enfasi fuq il-laqgħat mill-bogħod jew ibridi;

9)     Iwettqu riċerka dwar soluzzjonijiet ta’ arkitettura u soluzzjonijiet tekniċi ġenerali, isegwu l-iżviluppi fis-suq, jipproponu soluzzjonijiet biex tittejjeb l-istrateġija tal-Parlament dwar l-ICT, jorganizzaw u jimplimentaw osservazzjoni tal-iżvilupp teknoloġiku tal-ICT (riċerka dwar is-suq), iwettqu valutazzjoni tal-impatt ta’ servizzi u teknoloġiji ġodda fuq l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-workstations;

10)  Jiddisinjaw u jimplimentaw mudelli u algoritmi tal-IA, b’enfasi fuq kompiti li jinkludu l-istadji tal-preproċessar tad-data, it-taħriġ tal-mudelli u l-implimentazzjoni, filwaqt li jiżguraw l-użu etiku u l-konformità mar-regolamenti rilevanti.

Għarfien speċifiku mitlub

Il-lista li ġejja tenumera diversi oqsma ta’ għarfien espert. Huwa importanti li jiġi nnotat li filwaqt li dawn l-oqsma ta’ għarfien huma pertinenti, mhux l-elementi kollha huma obbligatorji għall-pożizzjonijiet kollha. L-applikabbiltà ta’ dawn l-oqsma ta’ għarfien tiddependi mis-servizzi speċifiċi li l-kandidati jiġu rreklutati għalihom. Il-kandidati jintgħażlu abbażi tal-għarfien espert speċifiku tagħhom u tal-profil meħtieġ għall-pożizzjoni.

 

1)     Għarfien tat-teknoloġija tal-ICT u tan-network distribwiti (tagħmir individwali jew dipartimentali, sistemi u ICT għall-uffiċċji personali);

2)     Għarfien ta’ metodoloġiji ta’ ġestjoni tal-proġetti;

3)     Għarfien tal-governanza tad-data, tal-ġestjoni tad-data u tal-analitika tad-data, familjarità mat-teknoloġiji moderni tal-bażijiet tad-data u tas-sistemi tal-informazzjoni;

4)     Għarfien professjonali ta’ teknoloġiji standard tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, inkluż il-Cloud;

5)     Għarfien tal-għodod kollaborattivi, tal-vidjokonferenzi u tal-multimedia;

6)     Għarfien tar-regoli amministrattivi u/jew legali u baġitarji li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi;

7)     Għarfien ta’ metodi ta’ ġestjoni ta’ tim, valutazzjoni tal-volum tax-xogħol u metodi ta’ ppjanar;

8)     Għarfien tal-applikazzjonijiet u/jew tas-software użati fil-qasam ta’ attivitajiet ikkonċernat;

9)     Għarfien tal-pakketti ta’ software u/jew ta’ żvilupp (lingwaġġi tal-ipprogrammar, sistemi ta’ ġestjoni tal-bażijiet tad-data), tal-metodoloġiji u tal-containers tal-Agile u komprensjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-applikazzjoni;

10)  Għarfien tal-infrastrutturi tal-ICT, inkluża l-kapaċità li jiġu nnegozjati t-termini tal-użu tagħhom;

11)  Għarfien tad-disinn u l-inġinerija tal-arkitettura tal-ICT;

12)  Kapaċità ta’ definizzjoni tal-konfigurazzjonijiet meħtieġa;

13)  Ħiliet eċċellenti ta’ komunikazzjoni verbali u bil-miktub biex jiġu spjegati kunċetti tekniċi lil utenti mhux tekniċi;

14)  Impenn biex wieħed jibqa’ aġġornat dwar l-aħħar avvanzi teknoloġiċi u l-aħjar prassi fl-appoġġ mil-lat tal-ICT;

15)  Enfasi qawwija fuq l-għoti ta’ appoġġ ta’ kwalità għolja biex l-utenti jkunu aktar sodisfatti; kapaċità ta’ ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet stressanti b’mod kalm u professjonali;

16)  Kapaċità ta’ ħidma f’tim kif ukoll b’mod awtonomu.

4.      Eleġibbiltà

Biex tkun eleġibbli għal reklutaġġ possibbli fil-futur fil-pożizzjoni ta’ aġent bil-kuntratt, jeħtieġ li tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi li ġejjin:

a.      Rekwiżiti ġenerali ta’ eleġibbiltà 

·        Tkun ċittadin(a) ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

·        Tkun issodisfajt kull obbligu impost mil-liġijiet nazzjonali fir-rigward tas-servizz militari.

·        Tippreżenta l-garanziji ta’ moralità xierqa għall-qadi tal-funzjonijiet tiegħek.

b.     Rekwiżiti speċifiċi ta’ eleġibbiltà 

                 i.           Kwalifiki u ħiliet meħtieġa

(i) livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ta’ mill-inqas tliet snin, iċċertifikat b’diploma,

jew

(ii) meta jkun ġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali ta’ livell ekwivalenti.

Qabel ma jiġu rreklutati, il-kandidati jintalbu jipprovdu dokumenti li jissostanzjaw l-informazzjoni li tinsab fil-formola tal-applikazzjoni (diplomi, ċertifikati u dokumenti ġustifikattivi oħra).

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru jew f’pajjiż mhux tal-UE, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-UE, bħall-ministeru tal-edukazzjoni. 

Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE għandhom jipprovdu ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC (https://www.enic-naric.net/).

               ii.           Għarfien lingwistiku

Il-kandidati għandu jkollhom għarfien komplut (mill-inqas ta’ livell C1) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan jew l-Ungeriż, 

u

għarfien sodisfaċenti (mill-inqas ta’ livell B2) tal-Ingliż jew tal-Franċiż (lingwa 2). Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1.

Għal raġunijiet ta’ trattament ugwali, il-kandidati kollha li l-lingwa 1 tagħhom tkun l-Ingliż jew il-Franċiż, huma meħtieġa jkollhom għarfien sodisfaċenti ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

Jekk jogħġbok kun af li l-livelli minimi meħtieġa hawn fuq japplikaw għal kull qasam ta’ aptitudni lingwistika (taħdit, kitba, qari, smigħ) imsemmija fil-formola tal-applikazzjoni. Dawn il-kapaċitajiet jikkorrispondu għal dawk speċifikati fil-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (https://europass.europa.eu/mt/common-european-framework-reference-language-skills). Tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-livell C2 huwa l-ogħla livell fil-qafas, filwaqt li l-livell A1 huwa l-livell l-aktar baxx.

L-applikanti huma infurmati li l-Ingliż u l-Franċiż ġew speċifikati fl-interess tas-servizzi.

Kemm l-Ingliż kif ukoll il-Franċiż huma l-lingwi li jintużaw l-aktar spiss għall-komunikazzjoni fi ħdan u bejn l-unitajiet fid-Direttorati Ġenerali u l-awtoritajiet politiċi u amministrattivi tal-Parlament.

Peress li l-apparati u l-proċeduri eżistenti għal dawn l-oqsma speċjalizzati huma stabbiliti bl-Ingliż, il-profiċjenza fl-Ingliż hija kruċjali. L-Ingliż huwa l-lingwa ewlenija għall-komunikazzjoni u l-iżvilupp fil-qasam tal-IT internazzjonalment u fi ħdan il-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet tal-UE, u jkopri rwoli bħal dawk ta’ programmaturi, analisti u arkitetti. Għalhekk, il-profiċjenza fl-Ingliż hija essenzjali għall-pożizzjonijiet disponibbli.

Il-Franċiż jintuża b’mod estensiv fis-servizzi tal-IT fi ħdan il-Parlament Ewropew u d-Direttorati Ġenerali tiegħu. Meta jitqies il-fatt li l-pożizzjonijiet jinsabu primarjament fi Strażburgu, bi preżenza sinifikanti ta’ fornituri ta’ servizzi tal-ICT li jitkellmu bil-Franċiż, il-profiċjenza fil-Franċiż hija essenzjali biex tiffaċilita l-interazzjoni effettiva ma’ dawn it-timijiet. 

Għaldaqstant, biex ikun jista’ jwettaq dmirijietu b’mod effettiv u jsir operattiv mill-aktar fis possibbli, il-persunal bil-kuntratt reklutat għandu jkunu kapaċi jaħdem u jikkomunika b’mod effettiv bl-Ingliż u/jew bil-Franċiż.

              iii.           Esperjenza professjonali meħtieġa 

Wara li jiksbu l-kwalifiki msemmija fit-taqsima (4.b.i) hawn fuq, l-applikanti jkunu meħtieġa jiksbu mill-inqas sena esperjenza professjonali rilevanti għad-dmirijiet speċifikati fit-taqsima 3 hawn fuq.

5.      Bażi tad-data

Jekk inti

·        tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali ta’ eleġibbiltà, u

·        imlejt il-formola tal-applikazzjoni permezz tal-pjattaforma APPLY4EP (ara hawn taħt, “Applikazzjonijiet”) f’konformità mal-proċedura u sal-iskadenza,

ismek jiġi inkluż fil-bażi tad-data.

L-inklużjoni ta’ ismek tkun ibbażata esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni u fid-dokumenti mehmuża. Din l-informazzjoni u dawn id-dokumenti jiġu vverifikati aktar tard, jekk issirlek offerta ta’ reklutaġġ.

Meta jkun hemm bżonn, is-servizzi ta’ reklutaġġ jikkonsultaw il-bażi tad-data biex jidentifikaw u jħejju lista qasira ta’ kandidati li l-profili tagħhom jaqblu mal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, abbażi tal-informazzjoni fl-applikazzjonijiet tagħhom. Jekk titniżżel fil-lista, tiġi mistieden/mistiedna għal testijiet u/jew intervisti organizzati mis-servizzi ta’ reklutaġġ. It-testijiet u/jew l-intervisti huma mfassla biex jevalwaw l-adegwatezza tiegħek għall-pożizzjoni rilevanti. L-għarfien lingwistiku jista’ jiġi evalwat ukoll matul dan il-proċess.

Għandu jiġi nnotat li kwalunkwe diskrepanza li tinstab bejn l-informazzjoni pprovduta u l-fatti stabbiliti matul il-verifika twassal għall-esklużjoni tal-kandidat mill-proċedura ta’ selezzjoni, id-dettalji tiegħu/tagħha jitneħħew mill-bażi tad-data u ma jiġix offrut kuntratt. 

6.      Applikazzjonijiet - kif tesprimi l-interess tiegħek?

Il-persuni interessati għandhom jimlew il-formola tal-applikazzjoni tagħhom permezz tal-pjattaforma online APPLY4EP. L-espressjonijiet ta’ interess jistgħu jintbagħtu biss permezz ta’ din il-pjattaforma.

Ladarba tkun ħloqt il-kont tiegħek, għandek ittella’ curriculum vitae (CV) dettaljat. Għandek tuża l-format tal-Europass (https://europa.eu/europass/select-language?destination=/node/1). 

Imbagħad għandek timla l-bqija tal-formola tal-applikazzjoni. 

Id-data tal-għeluq għall-espressjonijiet ta’ interess hija 

it-30 ta’ Ġunju 2025 fil-17.00 (ħin tal-Lussemburgu)

L-applikazzjonijiet li jaslu wara dik id-data ma jiġux aċċettati. 

Il-fatt li ismek jiġi inkluż fil-bażi tad-data jew li tiġi mistieden/mistiedna għal test jew intervista mhuwiex garanzija li se tirċievi offerta ta’ impjieg. 

Il-Parlament Ewropew japplika politika stretta ta’ opportunitajiet indaqs fil-proċeduri ta’ selezzjoni tiegħu, sabiex jiggarantixxi trattament indaqs tal-kandidati kollha.

Il-kondizzjonijiet tal-impjieg tal-istituzzjonijiet tal-UE huma stabbiliti fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Id-dettalji kollha dwar l-arranġamenti tax-xogħol jinsabu hawn:  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20140501&from=MT  (Titolu IV “Persunal bil-kuntratt”).

Mill-1 ta’ Lulju 2023, is-salarju bażiku huwa bejn EUR 3 982.82 u EUR 8 355.86 (persunal bil-kuntratt, grupp ta’ funzjoni IV) fix-xahar, skont it-taħriġ u l-esperjenza professjonali speċifika tal-kandidat.

Il-bażi tad-data tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru 2025. Il-validità tagħha tista’ tiġi prorogata permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra. F’dan il-każ, il-kandidati mniżżla fil-lista jkunu infurmati f’ħin utli.