Post tax-xogħol : Lussemburgu
Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 30/05/2025 17:00
Servizz : 09-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni
Ref. : APPEL À MANIFESTATION D'INTÉRÊT PROOF-READERS/EDITORS
Gwida għall-kandidati : Guide for candidates

SEJĦA GĦAL ESPRESSJONIJIET TA’ INTERESS

ĦOLQIEN TA’ BAŻI TAD-DATA 

Qarrejja tal-provi/Edituri lingwistiċi għall-Bulgaru, id-Daniż, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Iżvediż, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż u-Rumen

Il-Lussemburgu

Persunal temporanju (AST 3) u persunal bil-kuntratt (grupp ta’ funzjoni III) 

1.      Kummenti ġenerali

Is-Segretarjat tal-Parlament Ewropew qed iniedi din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess bil-ħsieb li joħloq bażi tad-data ta’ kandidati li jkunu interessati f’pożizzjonijiet vakanti fil-futur bħala Qarrejja tal-provi/Edituri lingwistiċi fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni (DĠ TRAD) ibbażat fil-Lussemburgu

Il-bażi tad-data se sservi bħala riżerva ta’ kandidati li jistgħu jiġu rreklutati, bl-għan li tingħata spinta lill-kapaċitajiet lingwistiċi u editorjali tagħna. 

Ladarba tinħoloq il-bażi tad-data, il-kandidati li isimhom ikun inkluż fil-bażi tad-data jistgħu jintgħażlu bħala aġenti temporanji biex jimlew pożizzjonijiet vakanti għal Qarrejja tal-provi/Edituri lingwistiċi fid-DĠ TRAD, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Dawn il-kandidati jintgħażlu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 (“Kumitat Konġunt (COPAR)”) tad-“Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni li jirregolaw il-kompetizzjonijiet u l-proċeduri ta’ selezzjoni, ir-reklutaġġ u l-klassifikazzzjoni ta’ uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Parlament Ewropew”.

Anqas spiss, soġġett għad-disponibbiltà tar-riżorsi u fin-nuqqas ta’ opportunitajiet għall-aġenti temporanji, il-kandidati li isimhom ikun inkluż fil-bażi tad-data jistgħu jintgħażlu wkoll għal postijiet vakanti ta’ persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji għal Qarrejja tal-provi/Edituri lingwistiċi fid-DĠ TRAD, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Il-kandidati jintgħażlu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 (“Kumitat Konġunt għas-selezzjoni ta’ persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji (COSCON)”) u l-Artikolu 8 (“Proċedura ta’ selezzjoni għal persunal bil-kuntratt”) tad-“Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni li jirregolaw il-kompetizzjonijiet u l-proċeduri ta’ selezzjoni, ir-reklutaġġ u l-klassifikazzzjoni ta’ uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Parlament Ewropew”.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, il-kulur tal-ġilda, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

Jekk tixtieq tissieħeb f’tim dinamiku responsabbli biex jiżgura li d-dokumenti u l-komunikazzjonijiet parlamentari jkunu eżatti u ċari mil-lat lingwistiku, inti mistieden tesprimi l-interess tiegħek. Dan ir-rwol huwa kruċjali biex jinżamm l-istandard għoli ta’ multilingwiżmu tal-Parlament Ewropew. Biex tapplika, għandek tissottometti s-CV tiegħek u timla il-formola tal-applikazzjoni permezz tal-pjattaforma APPLY4EP, billi l-ewwel toħloq kont (jekk ma jkollokx wieħed diġà). Biex tagħmel dan, għandek taqra dan l-avviż sew, tikklikkja fuq it-tab “Applika online” u ssegwi l-passi tal-proċedura ta’ applikazzjoni online. Għandek taqra sew ukoll il-gwida mehmuża ma’ dan l-avviż. Jista’ jkollok kont wieħed biss fuq il-pjattaforma APPLY4EP. Id-data personali rreġistrata fil-kont tiġi pproċessata f’konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tibqa’ modifikabbli, sabiex tkun tista’ tiġi aġġornata. Id-dikjarazzjoni ta’ privatezza għall-APPLY4EP hija disponibbli fil-paġna ewlenija.

2.      Deskrizzjoni tal-impjieg

Filwaqt li jaħdmu taħt superviżjoni u f’ambjent kompjuterizzat, il-Qarrejja tal-provi/l-Edituri lingwistiċi huma responsabbli, fost varjetà ta’ kompiti oħra:

·        għall-qari tal-provi ta’ dokumenti;

·        biex jiċċekkjaw testi tradotti għall-konsistenza mal-lingwa oriġinali;

·        biex iħejju u jiċċekkjaw kontenut f’diversi formati u media;

·        biex jikkoreġu l-iżbalji ta’ ortografija, grammatika u sintassi;

·        biex jgħinu fl-organizzazzjoni u l-monitoraġġ tal-proċessi ta’ produzzjoni involuti fil-pubblikazzjoni. 

Il-kandidati:

·        għandu jkollhom ħiliet eċċellenti ta’ qari tal-provi, b’għarfien perfett tal-grammatika u tal-ortografija f’waħda mil-lingwi li ġejjin: il-Bulgaru, id-Daniż, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Iżvediż, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż jew ir-Rumen (lingwa 1);

·        għandu jkollhom għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż jew tal-Franċiż (lingwa 2); il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1; jekk il-lingwa 1 tkun l-Ingliż jew il-Franċiż, huwa meħtieġ għarfien sodisfaċenti ta’ waħda mit-23 lingwa uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea;

·        għandhom ikunu kapaċi jaħdmu b’mod flessibbli u bi skadenzi qosra;

·        għandhom ikunu familjari mal-proċessi tat-traduzzjoni u mal-istandards editorjali. 

3.      Dmirijiet

F’konformità mal-programmi u l-prijoritajiet definiti mill-korpi u/jew mill-maniġment tal-Parlament, u taħt l-awtorità tal-uffiċjali responsabbli:

·        Qari tal-provi ta’ testi f’termini ta’ ortografija, grammatika, sintassi, punteġġatura, tipografija, ifformattjar, konformità teknika, konformità ma’ referenzi esterni, eċċ.;

·        Iċċekkjar ta’ testi f’termini ta’ konsistenza lingwistika u terminoloġika, konformità mal-konvenzjonijiet u r-regoli stilistiċi, eċċ.;

·        Preproċessar u postproċessar tad-dokumenti bl-użu tal-għodod tat-traduzzjoni, software ta’ pproċessar ta’ test u applikazzjonijiet oħra;

·        Tiftix u inkorporazzjoni ta’ testi eżistenti (test standard, dokumenti ta’ referenza, titoli, estratti mit-Trattati, estratti mir-regoli, testi tal-Kummissjoni, eċċ.);

·        Tħejjija ta’ abbozzi ta’ traduzzjonijiet ta’ testi qosra u mhux leġiżlattivi jew ta’ partijiet minnhom;

·        Assistenza lit-tradutturi u lit-terminologi tad-dipartiment bit-twettiq ta’ riċerka terminoloġika, bl-aġġornament tal-bażijiet tad-data tat-terminoloġija, bit-tħejjija tat-terminoloġija għat-traduzzjoni fl-għodod tat-traduzzjoni assistita mill-kompjuter, eċċ.;

·        Assistenza fit-twettiq ta’ verifiki tal-kwalità teknika u lingwistika ta’ testi;

·        Twettiq ta’ kompiti oħra relatati mal-lingwa, bħat-traskrizzjoni, l-iċċekkjar ta’ fajls traskritti, l-iċċekkjar ta’ testi f’diversi formati ta’ fajls (kontenut tat-traduzzjoni awtomatika, fajls audio, fajls video, eċċ.), l-iċċekkjar u l-moderazzjoni ta’ kontenut għal siti web u siti tal-media soċjali;

·        Għajnuna bit-taħriġ, bl-integrazzjoni ta’ kollegi ġodda, bit-taħriġ fid-dipartiment u fl-iżvilupp ta’ għodod tal-IT.

Kompetenzi speċifiċi mitluba:

·        Titjib kontinwu

·        Flessibbiltà

·        Spirtu ta’ tim u kooperazzjoni

·        Orjentament lejn ir-riżultat

·        Affidabbiltà

·        Approċċ metikoluż

·        Ħiliet analitiċi u ta’ komprensjoni

Ambjent tax-xogħol:

·        Volum ta’ xogħol varjabbli, skont il-kalendarju tal-Parlament

·        Skadenzi li jridu jintlaħqu

4.      Eleġibbiltà

Biex tkun eleġibbli għal postijiet vakanti possibbli fil-futur, għandek tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi li ġejjin:

a).      Rekwiżiti ġenerali 

·        Tkun ċittadin(a) ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

·        Tkun issodisfajt kull obbligu impost mil-liġijiet nazzjonali fir-rigward tas-servizz militari.

·        Toffri l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tad-dmirijiet previsti.

b).     Rekwiżiti speċifiċi 

       i.           Kwalifiki u ħiliet meħtieġa

Għall-grad AST 3/FGIII, mill-inqas:

·        livell ta’ edukazzjoni postsekondarja ċċertifikat b’diploma,

jew

·        livell ta’ edukazzjoni sekondarja ċċertifikat b’diploma li tagħti aċċess għall-edukazzjoni postsekondarja, u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas tliet snin, 

     jew

·        meta jkun ġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali ta’ livell ekwivalenti.

Qabel ma jiġu rreklutati, il-kandidati magħżula li isimhom inkun inkluż fil-bażi tad-data jintalbu jipprovdu dokumenti li jissostanzjaw l-informazzjoni li tinsab fil-formola tal-applikazzjoni (diplomi, ċertifikati u dokumenti ġustifikattivi oħra).

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru jew f’pajjiż mhux tal-UE, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-UE, bħall-ministeru tal-edukazzjoni. 

Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE għandhom jipprovdu ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC (https://www.enic-naric.net/).

Id-differenzi bejn is-sistemi tal-edukazzjoni jiġu kkunsidrati. Eżempji tal-kwalifiki minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella inkluża fil-gwida.

     ii.          Għarfien lingwistiku

Il-kandidati għandu jkollhom:

·        għarfien perfett fil-livell tal-lingwa materna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1) li ġejjin: il-Bulgaru, id-Daniż, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Iżvediż, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż jew ir-Rumen 

u

·        għarfien sodisfaċenti (mill-inqas ta’ livell B2) tal-Ingliż jew tal-Franċiż (lingwa 2). Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1. Jekk il-lingwa 1 tkun l-Ingliż jew il-Franċiż, huwa meħtieġ għarfien sodisfaċenti (livell B2) ta’ waħda mit-23 lingwa uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea. 

Jekk jogħġbok kun af li l-livelli minimi meħtieġa hawn fuq japplikaw għal kull qasam ta’ aptitudni lingwistika (taħdit, kitba, qari, smigħ) imsemmija fil-formola tal-applikazzjoni. Dawn il-kapaċitajiet jikkorrispondu għal dawk speċifikati fil-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (https://europass.europa.eu/mt/common-european-framework-reference-language-skills). 

 

Il-kandidati huma infurmati li ż-żewġ għażliet tat-tieni lingwa (lingwa 2) għal din il-proċedura biex tinħoloq bażi tad-data, jiġifieri l-Ingliż jew il-Franċiż, ġew speċifikati fl-interessi tas-servizz u, b’mod speċifiku, għall-pożizzjonijiet ta’ Qarrej tal-provi/Editur lingwistiku.

Fil-fatt, l-Ingliż jew il-Franċiż huma l-aktar lingwi komuni li jintużaw għat-twettiq tad-dmirijiet elenkati fil-punt 3 tas-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess. 

Għaldaqstant, biex ikunu operattivi minnufih, il-kandidati reklutati għandhom ikunu kapaċi jaħdmu u jikkomunikaw b’mod effettiv bl-Ingliż jew bil-Franċiż.

5.      Bażi tad-data

Jekk inti

·        tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali ta’ eleġibbiltà, u

·        imlejt il-formola tal-applikazzjoni permezz tal-pjattaforma APPLY4EP (ara hawn taħt, “Applikazzjonijiet”) f’konformità mal-proċedura u sal-iskadenza,

ismek jiġi inkluż fil-bażi tad-data.

L-inklużjoni ta’ ismek tkun ibbażata biss fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni u fid-dokumenti mehmuża. Din l-informazzjoni u dawn id-dokumenti jiġu vverifikati aktar tard jekk tirċievi offerta ta’ reklutaġġ.

Skont il-bżonn, is-servizzi ta’ reklutaġġ ifittxu fil-bażi tad-data u jħejju lista qasira ta’ ċertu numru ta’ kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti, abbażi tal-informazzjoni fl-applikazzjonijiet tagħhom.

Jekk titqiegħed fil-lista, tista’ tiġi mistieden/mistiedna għal testijiet u intervisti organizzati mis-servizzi ta’ reklutaġġ.

It-testijiet/l-intervisti ta’ reklutaġġ għandhom l-għan li jivvalutaw l-adegwatezza tiegħek għall-pożizzjoni rilevanti u jistgħu jieħdu l-forma ta’ test bil-miktub (eż. il-qari tal-provi u l-korrezzjoni ta’ test fil-lingwa 1). L-għarfien lingwistiku jista’ jiġi vvalutat ukoll.

6.      Applikazzjonijiet - kif tesprimi l-interess tiegħek

Il-kandidati interessati għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom BISS permezz tal-pjattaforma online APPLY4EP

Ladarba tkun ħloqt il-kont tiegħek, għandek ittella’ curriculum vitae dettaljat. Għandek tuża l-format tal-Europass (https://europa.eu/europass/select-language?destination=/node/1). 

Imbagħad għandek timla l-bqija tal-formola tal-applikazzjoni.     

L-informazzjoni trid tkun issostanzjata b’dokumenti ġustifikattivi.

Tista’ ssib istruzzjonijiet addizzjonali dwar kif tesprimi l-interess tiegħek fil-gwida annessa ma’ din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess.

L-iskadenza għall-espressjonijiet ta’ interess hija fil-17.00 (ħin tal-Lussemburgu) fit-30 ta’ Mejju 2025. L-espressjonijiet ta’ interess li jaslu wara l-iskadenza ma jiġux aċċettati. 

Il-fatt li ismek jiġi inkluż fil-bażi tad-data jew li tgħaddi minn intervista u/jew minn test ta’ selezzjoni mhuwiex garanzija li se tirċievi offerta ta’ impjieg. Jekk pożizzjoni ssir disponibbli, is-servizzi ta’ reklutaġġ jistgħu jikkonsultaw il-bażi tad-data u joħorġu stediniet lil dawk il-kandidati li l-profili tagħhom jaqblu l-aktar mar-rekwiżiti tal-pożizzjoni inkwistjoni. Jekk jirriżulta li l-informazzjoni li pprovdejt ma tkunx korretta, tiġi eskluż(a) mill-proċedura u ismek jitneħħa mill-bażi tad-data.

Il-Parlament Ewropew japplika politika stretta ta’ opportunitajiet indaqs fil-proċeduri ta’ selezzjoni tiegħu sabiex jiggarantixxi trattament indaqs tal-kandidati kollha.

Il-kondizzjonijiet tal-impjieg tal-istituzzjonijiet tal-UE huma stabbiliti fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS) (CEOS). Id-dettalji kollha dwar l-arranġamenti tax-xogħol jinsabu hawn: 

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20140501 (Titolu II) “Persunal temporanju” u (Titolu IV) “Persunal bil-kuntratt”).

Il-persunal temporanju jiġi rreklutat fil-grad AST 3, l-ewwel skala. Is-salarju bażiku huwa ta’ EUR 4 302.25 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se jiġu reklutati l-kandidati li jintgħażlu madankollu tista’ tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali tagħhom. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f’ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.

Il-persunal bil-kuntratt jiġi rreklutat fil-grupp ta’ funzjoni III. Is-salarju bażiku huwa bejn EUR 3 111.21 u EUR 5 768.76 (grupp ta’ funzjoni III) fix-xahar, skont it-taħriġ u l-esperjenza professjonali speċifika tal-kandidat. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f’ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.

Il-bażi tad-data tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru 2026. L-awtorità tal-ħatra tista’ tiddeċiedi li testendi l-validità tagħha. F’dan il-każ, il-kandidati li isimhom ikun inkluż fil-bażi tad-data jiġu infurmati fi żmien debitu.