AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/341/2026/S/CASP
MEMBRU TAL-PERSUNAL TEMPORANJU
Amministratur/triċi Maniġerjali (AD 9)
Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew annessa ma’ dan l-avviż ta’ reklutaġġ.
Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta’ reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri ta’ selezzjoni u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.
WERREJ
A. FUNZJONIJIET U ELEĠIBBILTÀ
B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA’ SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW
A. FUNZJONIJIET U ELEĠIBBILTÀ
1. Kummenti ġenerali
Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għal pożizzjoni waħda ta’ membru tal-persunal temporanju, fil-grad AD 9, fid-Direttorat Ġenerali għall-Koeżjoni, l-Agrikoltura u l-Politiki Soċjali (DĠ CASP). Il-post tax-xogħol huwa Brussell.
Il-profil imfittex huwa dak ta’ Amministratur/triċi Maniġerjali.
Il-kuntratt se jkun għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 9, l-ewwel skala, b’salarju bażiku ta’ EUR 9 789.10 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa għall-benefiċċju tal-Unjoni Ewropea u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha tiġi reklutata l-persuna li tintgħażel madankollu tista’ tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta’ din il-persuna. Barra minn hekk, ma’ dan is-salarju bażiku, f’ċerti kondizzjonijiet, jiżdiedu xi allowances.
Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.
2. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet
Id-Direttorat Ġenerali għall-Koeżjoni, l-Agrikoltura u l-Politiki Soċjali (DĠ CASP) għandu r-responsabbiltà li jorganizza u jappoġġja l-ħidma tal-kumitati parlamentari fl-oqsma tal-politika ta’ koeżjoni, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, is-sajd, it-trasport u t-turiżmu, u l-impjiegi u l-affarijiet soċjali.
Il-missjoni tiegħu hija li jiżgura l-funzjonament kif imiss tal-attivitajiet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi billi jipprovdi appoġġ u għarfien espert lis-segretarjati għal ħames kumitati permanenti u kumitat speċjali wieħed: il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (REGI); il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (AGRI); il-Kumitat għas-Sajd (PECH); il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (TRAN); il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u l-Kumitat Speċjali dwar il-Kriżi tal-Akkomodazzjoni fl-Unjoni Ewropea (HOUS).
Il-persuna reklutata bħala amministratur/triċi maniġerjali tagħti pariri lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ CASP u lill-maniġment superjuri tiegħu dwar strateġiji u kwistjonijiet emerġenti fl-oqsma ta’ attività kollha tad-DĠ. Hija tikkontribwixxi għad-definizzjoni tal-għanijiet u l-objettivi organizzattivi, tiżgura s-segwitu tal-attivitajiet tad-DĠ, u taġixxi bħala ħolqa bejn id-Direttur Ġenerali, l-unitajiet interni u l-partijiet ikkonċernati esterni. Ir-rwol jinvolvi l-koordinazzjoni u t-tħejjija tal-parteċipazzjoni tad-Direttur Ġenerali f’laqgħat ta’ livell għoli tal-korpi tal-Parlament Ewropew u tal-kumitati parlamentari rilevanti, kif ukoll ir-rappreżentanza tad-Direttur Ġenerali fi gruppi ta’ ħidma jew f’ambjenti oħra. Il-persuna reklutata bħala amministratur/triċi maniġerjali tipprovdi feedback f’waqtu lill-maniġment superjuri, tikkoordina l-kontribut tad-DĠ CASP għall-proċessi amministrattivi orizzontali u tħejji materjali għal briefings, preżentazzjonijiet u rapporti konċiżi u ta’ kwalità għolja. Hija responsabbli wkoll għall-monitoraġġ tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar amministrattiv.
Dawn ir-responsabbiltajiet jeħtieġu ħiliet eċċellenti ta’ koordinazzjoni, ippjanar u komunikazzjoni, grad għoli ta’ diskrezzjoni, diplomazija, u l-kapaċità ta’ involviment effettiv mal-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha. Il-kapaċità li l-persuna taħdem u ssib soluzzjonijiet b’mod indipendenti hija essenzjali. Kompetenzi essenzjali oħra meħtieġa huma l-ħsieb kritiku biex jiġu vvalutati l-implikazzjonijiet ta’ għażliet/azzjonijiet differenti, u l-kapaċità li l-persuna tinterpreta informazzjoni kumplessa u li tagħti rakkomandazzjonijiet ċari. Il-pożizzjoni teħtieġ ukoll ħiliet ta’ abbozzar b’saħħithom f’diversi formati u mentalità proattiva u kollaborattiva.
Il-persuna li tintgħażel jeħtiġilha tkun kapaċi timmaniġġja ammonti impenjattivi ta’ xogħol b’mod regolari, kemm b’mod indipendenti kif ukoll bħala parti minn tim, u għandha tħossha komda taħdem f’ambjent tax-xogħol multikulturali u multilingwi. L-għarfien fil-fond tal-funzjonament tal-proċessi amministrattivi f’ambjent istituzzjonali u fehim sod tal-funzjonament tal-korpi parlamentari tal-Parlament Ewropew huma essenzjali. Il-persuna li tintgħażel jeħtieġ li jkollha fehim eċċellenti tar-rwol tal-amministrazzjoni tal-PE fil-proċess leġiżlattiv tal-UE u tkun tista’ tifhem malajr suġġetti relatati mal-oqsma ta’ għarfien espert tad-DĠ CASP, fil-qafas tal-ħidma tal-kumitat.
Esperjenza professjonali b’saħħitha fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej hija għalhekk vantaġġ qawwi.
Il-persuna reklutata bħala amministratur/triċi maniġerjali twettaq id-dmirijiet ewlenin li ġejjin:
– tagħti pariri lid-Direttur Ġenerali u lill-maniġment superjuri dwar l-iżvilupp u r-reviżjoni tal-istrateġija, filwaqt li tiżgura l-allinjament mal-prijoritajiet leġiżlattivi li jevolvu;
– tikkontribwixxi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ livell għoli billi tipprovdi kontribut strutturat tajjeb, f’waqtu u rilevanti fl-oqsma tal-għarfien espert tad-Direttorat Ġenerali;
– tikkoordina u tħejji l-parteċipazzjoni tad-Direttur Ġenerali f’laqgħat ta’ livell għoli tal-korpi tal-Parlament Ewropew u tal-kumitati parlamentari rilevanti u tirrappreżentaha meta jkun meħtieġ;
– tikkoordina l-kontributi tad-Direttorat Ġenerali għall-proċessi trażversali amministrattivi tal-Parlament Ewropew, u tinvolvi ruħha ma’ diversi partijiet ikkonċernati u tirrikonċilja interessi differenti;
– timmonitorja l-iskadenzi tar-rapportar u tiżgura li jiġu rispettati;
– timmaniġġja r-relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha, filwaqt li żżomm il-kunfidenzjalità u turi diplomazija;
– tissorvelja l-attivitajiet fid-Direttorat Ġenerali kollu, u tiffaċilita l-komunikazzjoni fi ħdan il-ġerarkija u bejn id-direttorati u l-unitajiet;
– tħejji u tabbozza materjali għal briefings, noti, rapporti statistiċi, punti ta’ diskussjoni, preżentazzjonijiet, feedback u dokumenti ta’ sfond;
– timmaniġġja ammonti impenjattivi ta’ xogħol, kemm b’mod indipendenti kif ukoll b’mod kollaborattiv f’ambjent multikulturali, multilingwi u kumpless mil-lat istituzzjonali, abbażi ta’ għarfien fil-fond tal-proċess leġiżlattiv u tal-funzjonament tal-Parlament Ewropew.
3. Eleġibbiltà
Sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, trid tkun issodisfajt ir-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi ta’ eleġibbiltà.
(a) Rekwiżiti ġenerali
Skont l-Artikolu 12(2) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li:
– tkun ċittadin(a) ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,
– tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek,
– tkun issodisfajt kull obbligu impost fuqek mil-liġijiet dwar is-servizz militari,
(b) Rekwiżiti speċifiċi
(i) Kwalifiki meħtieġa
– livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew aktar,
jew
_ livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma flimkien ma’ esperjenza professjonali rilevanti għad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet (taqsima 2) ta’ mill-anqas sena meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ tliet snin jew aktar. Din is-sena ta’ esperjenza professjonali mhux se titqies meta jiġi kkalkulat il-perjodu meħtieġ ta’ esperjenza professjonali speċifikat fil-punt 3.(b)(ii).
Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru jew f’pajjiż mhux tal-UE, iridu jiġu rikonoxxuti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tal-UE, bħall-ministeru għall-edukazzjoni.
Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE jeħtiġilhom jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Jekk il-proċedura ta’ ekwivalenza tkun għadha għaddejja, il-kandidati jridu jehmżu prova li ġiet ippreżentata talba għal rikonoxximent lill-awtorità nazzjonali rilevanti. Madankollu, l-ekwivalenza trid tiġi pprovduta qabel ma jsir kwalunkwe reklutaġġ. Għal aktar informazzjoni tista’ tikkonsulta l-Gwida għall-Kandidati fil-Proċeduri ta’ Selezzjoni Organizzati mill-Parlament Ewropew.
(ii) Esperjenza professjonali meħtieġa
Wara li tkun ksibt il-kwalifiki li jagħtu aċċess għall-proċedura ta’ selezzjoni (ara l-punt (i) hawn fuq), jeħtieġ li tkun ksibt l-esperjenza professjonali li ġejja:
– il-kandidati jeħtiġilhom ikunu kisbu mill-anqas għaxar snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti għad-dmirijiet speċifikati fit-taqsima A.2., li ħames snin minnhom iridu jkunu nkisbu f’amministrazzjoni nazzjonali jew f’istituzzjonijiet jew aġenzija tal-Unjoni Ewropea.
(iii) Għarfien lingwistiku
Jeħtieġ li l-kandidati jkollhom għarfien komplut (livell minimu C1) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (il-lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan jew l-Ungeriż,
u
għarfien sodisfaċenti (livell minimu B2) tal-Ingliż jew tal-Franċiż (il-lingwa 2).
Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1.
|
Il-kandidati huma informati li l-għażliet lingwistiċi għal din il-proċedura ta’ selezzjoni, jiġifieri li l-kandidati jrid ikollhom mill-anqas għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż jew tal-Franċiż bħala l-lingwa 2, ġew stabbiliti fl-interessi tas-servizz. Fid-dawl tad-dmirijiet involuti, il-pożizzjoni ta’ amministratur/triċi maniġerjali fid-DĠ CASP tirrikjedi ħiliet speċifiċi: l-għoti ta’ pariri lill-maniġment, ħiliet analitiċi, ħiliet ta’ abbozzar, ta’ superviżjoni teknika, ta’ koordinazzjoni u ta’ mmaniġġjar amministrattiv. B’mod partikolari, il-persuna li tintgħażel se taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib u kontinwa mad-Direttur Ġenerali u mal-maniġment superjuri u intermedju tad-DĠ CASP, filwaqt li tikkontribwixxi direttament għal riflessjonijiet strateġiċi, proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u attivitajiet ta’ koordinazzjoni ta’ livell għoli. Għalhekk jeħtieġ li l-persuna li tiġi reklutata bħala membru ġdid tal-persunal tkun kapaċi tifhem il-kompiti li għandhom jitwettqu, tindirizza kwistjonijiet kumplessi u tikkomunika b’mod effettiv mal-maniġment, mal-kollegi u ma’ diversi partijiet ikkonċernati. L-għarfien ta’ mill-anqas waħda minn dawn iż-żewġ lingwi huwa essenzjali biex il-persuna reklutata bħala membru tal-persunal tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha u l-ħtiġijiet tas-servizz fil-kuntest tad-dmirijiet li se tkun meħtieġa twettaq, b’mod partikolari fir-rwol tagħha bħala interfaċċa bejn il-maniġment tad-DĠ CASP u l-partijiet ikkonċernati interni u esterni. Dan jinkludi l-ħtieġa li tiżviluppa u żżomm relazzjonijiet ta’ ħidma mal-partijiet ikkonċernati li prinċipalment jużaw l-Ingliż jew il-Franċiż, u li tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi u t-twettiq ta’ proġetti speċifiċi għad-Direttorat Ġenerali għall-Koeżjoni, l-Agrikoltura u l-Politiki Soċjali, fejn l-iskambji fil-livell maniġerjali jitwettqu primarjament bl-Ingliż u l-Franċiż. L-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi ta’ ħidma primarji użati għall-komunikazzjoni interna fl-unitajiet kif ukoll fid-direttorat ġenerali kollu. Dawn huma l-lingwi użati b’mod predominanti fl-interazzjonijiet mad-Direttur Ġenerali, id-Diretturi u l-Kapijiet ta’ Unità, kif ukoll għat-tħejjija ta’ briefings, punti ta’ diskussjoni, noti strateġiċi u dokumenti oħra maħsuba għall-maniġment superjuri. Huma l-lingwi li jintużaw l-aktar ta’ sikwit għall-kuntatti ma’ direttorati ġenerali oħra u mal-awtoritajiet politiċi u amministrattivi tal-Parlament, fir-rigward tal-abbozzar tad-dokumenti. Id-Direttorat Ġenerali għall-Koeżjoni, l-Agrikoltura u l-Politiki Soċjali jagħti importanza kbira lill-komunikazzjoni effettiva fost il-membri tal-persunal tiegħu. F’konformità mal-avviżi ta’ pożizzjonijiet vakanti ppubblikati regolarment fil-Parlament Ewropew u barra minnu, li jirrikjedu mill-anqas għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda minn dawn il-lingwi u għarfien sodisfaċenti tal-oħra, il-limitazzjoni tal-għażliet lingwistiċi għall-Ingliż u l-Franċiż hija għalhekk iġġustifikata b’mod oġġettiv min-natura tal-kariga u mill-ħtiġijiet operazzjonali tal-maniġment tad-DĠ CASP. |
B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA
Il-proċedura hija organizzata abbażi ta’ kwalifiki u testijiet.
1. Ammissjoni u evalwazzjoni tal-kwalifiki (l-ewwel fażi)
(a) L-Awtorità tal-Ħatra tistabbilixxi lista ta’ applikanti li jkunu ppreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom fil-forma meħtieġa sad-data tal-għeluq u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fit-Taqsima A.3.(a). Din tintbagħat lill-kumitat ta’ selezzjoni flimkien mal-fajls tal-applikazzjoni.
Abbażi esklużivament tal-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni, issostanzjata b’dokumenti ġustifikattivi, ippreżentati flimkien mal-formola tal-applikazzjoni, jiġifieri sad-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet; (għal aktar dettalji ara l-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew, il-punt 3.3):
(b) Il-kumitat ta’ selezzjoni jeżamina d-dokumenti ġustifikattivi ppreżentati biex jivverifika liema kandidati jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi għall-ammissjoni stabbiliti fit-Taqsima A.3(b).
(c) Il-kumitat ta’ selezzjoni jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati ammessi bl-użu ta’ tabella tal-marki predefinita u jfassal lista tas-sitt kandidati eleġibbli bl-ogħla punteġġi, li jiġu mistiedna għat-testijiet. Il-kumitat ta’ selezzjoni se jistieden lill-kandidati kollha bl-istess punteġġ għall-aħħar post ta’ kwalifika disponibbli.
Il-kumitat ta’ selezzjoni, huwa u jwettaq evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati, iqis l-aspetti li ġejjin (iddokumentati kif xieraq b’evidenza ta’ sostenn li tindika b’mod ċar in-natura tal-funzjonijiet imwettqa, it-tul tal-impjieg u l-kuntest li fih inkisbet l-esperjenza):
- il-kwalifiki u d-diplomi rilevanti għall-qasam (liġi, amministrazzjoni pubblika, xjenza politika, ekonomija, ġestjoni finanzjarja);
- l-esperjenza professjonali relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċessi, fajls jew proġetti f’ambjent amministrattiv jew istituzzjonali kumpless, b’mod partikolari s-segwitu tal-proċeduri baġitarji;
- l-esperjenza ppruvata fil-koordinazzjoni bejn il-livelli ġerarkiċi, u fl-appoġġ għall-kollaborazzjoni bejn timijiet u servizzi differenti, b’mod partikolari bl-involviment ta’ korpi u entitajiet ta’ livell superjuri u għoli;
- l-esperjenza fis-segwitu u l-koordinazzjoni ta’ fajls u proċessi ma’ servizzi u/jew dipartimenti oħra f’oqsma bħall-amministrazzjoni, il-komunikazzjoni, il-konformità, b’mod partikolari l-protezzjoni tad-data;
- l-esperjenza fl-assistenza u l-iżgurar tas-segwitu ta’ proġetti jew proċessi amministrattivi f’livelli differenti, li jikkontribwixxu għat-tlestija b’suċċess tagħhom;
- l-esperjenza sostanzjali fl-abbozzar ta’ noti, briefings, rapporti statistiċi, punti ta’ diskussjoni u preżentazzjonijiet;
- l-esperjenza murija fit-tħejjija u l-parteċipazzjoni f’laqgħat ta’ livell għoli, inklużi briefings, rappurtar, u koordinazzjoni ma’ korpi istituzzjonali jew mal-livell politiku;
- l-esperjenza fir-rappreżentanza ta’ uffiċjal għoli jew entità f’laqgħat u/jew gruppi ta’ ħidma, relatati ma’ kwistjonijiet amministrattivi, tekniċi jew strateġiċi;
- il-kapaċità dokumentata ta’ ġestjoni ta’ informazzjoni sensittiva u kunfidenzjali b’diskrezzjoni u ġudizzju sod;
- il-kapaċità ta’ koordinazzjoni ta’ fajls u proċessi f’ambjent multilingwi.
Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.
Se tirċievi informazzjoni b’email dwar jekk il-kumitat ta’ selezzjoni ddeċidiex li jaċċettak għat-testijiet.
2. Testijiet (it-tieni fażi)
Bl-għan li jevalwa l-għarfien u l-ħiliet tal-kandidati rilevanti għad-dmirijiet deskritti hawn fuq, il-kumitat ta’ selezzjoni se jorganizza t-testijiet li ġejjin:
Test bil-miktub
(a) Test tal-abbozzar bil-lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż), biex jiġu evalwati kemm il-kapaċità tiegħek li twettaq id-dmirijiet deskritti fil-punt A.2. kif ukoll il-ħiliet ta’ abbozzar tiegħek.
Durata tat-test: massimu ta’ 120 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).
Test orali
(b) Intervista mal-kumitat tal-għażla bil-lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż), sabiex tiġi evalwata l-kapaċità tiegħek li twettaq id-dmirijiet deskritti fit-taqsima A.2., kif ukoll l-għarfien tiegħek tal-Parlament Ewropew.
Durata tat-test: massimu ta’ 45 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (minimu meħtieġ: 10 punti).
Se tirċievi l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet fi żmien xieraq. Jeħtieġ li ssegwi l-istruzzjonijiet kelma b’kelma. Jekk ma ssegwix l-istruzzjonijiet jew jekk l-imġiba tiegħek ma tkunx konformi mal-istruzzjonijiet, dan iwassal minnufih għall-iskwalifika tiegħek.
3. Listi ta’ kandidati idonei
Il-kumitat ta’ selezzjoni jfassal lista ta’ kandidati idonei, li tinkludi, f’ordni alfabetiku, l-ismijiet tat-tliet kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta’ punti fil-proċedura kollha (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet), dment li jkunu ġabu l-marka minima biex jgħaddu fiż-żewġ testijiet. Il-lista tinkludi l-kandidati kollha bl-istess punteġġ għall-aħħar post disponibbli.
Se tirċievi informazzjoni bil-miktub dwar ir-riżultati tiegħek.
Il-lista ta’ kandidati idonei għandha tkun valida għal perjodu ta’ sentejn, li jibda mill-1 ta’ Jannar tas-sena wara dik li fiha tiġi approvata l-lista. Il-validità tagħha tista’ tiġi estiża b’deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra.
F’dan il-każ, il-kandidati mniżżla fil-lista se jiġu infurmati fi żmien xieraq.
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
Biex tapplika, jeħtieġlek tuża l-pjattaforma Apply4EP: https://apply4ep.gestmax.eu/search
Aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel ma timla l-formola tal-applikazzjoni.
Data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet
30 ta’ April 2026, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell
Malli tivvalida l-formola tal-applikazzjoni tiegħek, tintbagħatlek konferma awtomatikament.
Il-komunikazzjoni relatata ma’ din il-proċedura ta’ selezzjoni għandha ssir esklużivament permezz tal-kont Apply4EP tiegħek.
Jekk jogħġbok IĊĊEMPILX biex titlob informazzjoni dwar din il-proċedura ta’ selezzjoni.
Hija r-responsabbiltà tiegħek li tivverifika regolarment l-inbox tal-indirizz tal-email li indikajt fil-kont Apply4EP tiegħek.