AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/342/2026/S/ITEC
MEMBRU TAL-PERSUNAL TEMPORANJU
Kap tal-proġetti fil-qasam tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT)
(AD 7)
Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew annessa ma’ dan l-avviż ta’ reklutaġġ.
Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta’ reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri ta’ selezzjoni u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.
WERREJ
A. FUNZJONIJIET U ELEĠIBBILTÀ
B. PROĊEDURA
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA’ SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW
A. FUNZJONIJIET U ELEĠIBBILTÀ
1. Kummenti ġenerali
Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għal pożizzjoni waħda ta’ membru tal-persunal temporanju fil-grad AD 7 fid-Direttorat Ġenerali għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u ċ-Ċibersigurtà (DĠ ITEC).
Il-profil imfittex huwa dak ta’ Kap tal-Proġetti fil-qasam tal-ICT.
Il-kuntratt se jkun għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 7, l-ewwel skala, b’salarju bażiku ta’ EUR 7 646,86 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa għall-benefiċċju tal-Unjoni Ewropea u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se tiġi reklutata l-persuna li tintgħażel madankollu tista’ tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta’ din il-persuna. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f’ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.
Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jilqa’ l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.
2. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet
Id-Direttorat Ġenerali għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u ċ-Ċibersigurtà (DĠ ITEC) jipprovdi servizzi tal-IT komprensivi biex jappoġġja l-attivitajiet leġiżlattivi u amministrattivi tal-Parlament Ewropew. Jiżgura l-iżvilupp u ż-żamma ta’ spazju ta’ ħidma intern multilingwi, li jagħti lill-Membri u lill-persunal aċċess sigur għad-dokumenti u għall-informazzjoni essenzjali fi kwalunkwe ħin u kullimkien. Barra minn hekk, id-DĠ ITEC huwa responsabbli mid-disinn, mill-iżvilupp u mill-ġestjoni tas-sistemi tal-IT tal-Parlament, f’konformità ma’ strateġija ta’ innovazzjoni li tindirizza l-ħtiġijiet tal-Membri, tal-gruppi politiċi u tad-direttorati ġenerali l-oħra.
Id-DĠ ITEC jissorvelja wkoll l-implimentazzjoni ta’ strateġija teknika sigura u sostenibbli għall-infrastruttura tal-IT u tat-telekomunikazzjoni tal-Parlament. Barra minn hekk, jimmaniġġja kemm il-produzzjoni kif ukoll id-distribuzzjoni elettronika tad-dokumenti parlamentari u jikkollabora mal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għall-pubblikazzjoni uffiċjali ta’ testi leġiżlattivi u dokumenti oħra.
Ibbażata fi Brussell, il-persuna reklutata bħala kap tal-proġetti se tkun meħtieġa tivvjaġġa regolarment bejn it-tliet postijiet tax-xogħol normali tal-Parlament (Brussell, il-Lussemburgu u Strażburgu) u bnadi oħra. Il-persuna reklutata bħala kap tal-proġetti se taħdem f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-maniġment superjuri u ma’ dipartimenti varji fi ħdan id-DĠ ITEC, kif ukoll mad-direttorati ġenerali l-oħra fis-Segretarjat u, fejn meħtieġ, mal-Membri tal-Parlament Ewropew. Il-persuna reklutata bħala kap tal-proġetti se tkun meħtieġa wkoll taħdem ma’ fornituri esterni tas-servizzi.
Il-pożizzjoni tirrikjedi:
· għarfien u fehim tal-ġestjoni tad-data u tal-governanza tad-data, flimkien ma’ esperjenza fil-komunikazzjoni u fil-ġestjoni tat-tibdil;
· għarfien tal-prinċipji ta’ data FAIR u data miftuħa, data kollegata u teknoloġiji semantiċi bħal RDF triple store u SPARQL;
· esperjenza b’rabta mal-ħolqien ta’ ontoloġiji, graph databases u akwiżizzjoni tad-data permezz ta’ SHACL;
· reqqa, diskrezzjoni u ħiliet analitiċi b’saħħithom, ħiliet ta’ ppjanar, organizzazzjoni u komunikazzjoni (inkluż l-abbozzar);
· diplomazija, flessibbiltà u adattabbiltà f’ambjent multikulturali u multilingwi;
· inizjattiva, motivazzjoni, reżiljenza u l-kapaċità ta’ kollegament b’mod effettiv man-nies fil-livelli kollha, inklużi l-partijiet ikkonċernati u l-fornituri tas-servizzi esterni;
· kapaċità fit-trattament ta’ firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet spiss kumplessi u ta’ ħidma intensiva fuq bażi regolari, kemm b’mod indipendenti kif ukoll bħala parti minn tim.
Abbażi tal-programmi u tal-prijoritajiet stabbiliti mill-korpi governattivi tal-Parlament u mill-maniġment tal-kap tal-proġetti, il-persuna reklutata bħala kap tal-proġetti se twettaq il-funzjonijiet ewlenin li ġejjin:
- Tiżviluppa u tapplika l-aħjar prattika fil-ġestjoni tad-data korporattiva u fil-governanza tad-data.
- Tabbozza politiki dwar id-data u tiżviluppa proċessi tad-data rilevanti.
- Tissorvelja proġetti tad-data bħaż-żamma u l-iżvilupp tal-katalogu tad-data tal-Parlament, l-appoġġ għall-involviment tal-utenti tad-data u tas-sidien tad-data u l-arrikkiment tal-kontenut u l-funzjonalità tiegħu.
- Tiżviluppa għodod u funzjonalitajiet ġodda għall-ġestjoni tad-data.
- Tapplika standards ta’ implimentazzjoni għall-immudellar u għall-ipproċessar tad-data, timmaniġġja d-data ta’ referenza u l-ontoloġiji fis-sistemi ta’ rappreżentazzjoni tal-għarfien, tieħu ħsieb il-kollegament tad-data u tiżgura l-kwalità u l-integrità tad-data.
- Tfassal inizjattivi ta’ komunikazzjoni fil-ġestjoni tad-data u tgħin fl-eżekuzzjoni tagħhom.
- Tiżgura l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fid-direttorati ġenerali kkonċernati permezz tal-grupp ta’ korrispondenti tad-data lokali, kif ukoll l-allinjament ma’ tali partijiet ikkonċernati.
- Tiżviluppa vokabularji semantiċi, tiddefinixxi formati ta’ dokumenti u tippromwovi inizjattivi ta’ data miftuħa għal allinjament akbar ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE.
- Tanalizza u tabbozza r-rekwiżiti tal-utenti jew, meta xieraq, tissorvelja t-tfassil ta’ tali studji.
- Tfassal studji ta’ fattibbiltà, tipproponi u/jew timplimenta soluzzjonijiet tekniċi xierqa għall-għodod tal-ġestjoni tad-data.
- Talloka r-riżorsi umani skont l-ammont ta’ xogħol u l-istat tal-progress tal-proġetti.
- Tħejji u ssegwi stediniet għall-preżentazzjoni ta’ offerti f’oqsma tekniċi ħafna.
- Timmonitorja, tikkoordina u tikkontrolla l-ġestjoni baġitarja u kuntrattwali tal-proġetti.
- Tiċċirkola l-linji gwida, l-objettivi, l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni.
- Tagħti pariri lill-maniġment u lill-kollegi fl-oqsma ta’ responsabbiltà tal-kap tal-proġetti.
- Tirrappreżenta lit-tim f’laqgħat, fi gruppi ta’ ħidma u f’forums ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet relatati mas-servizzi u mal-istrateġija tal-IT.
- Tiffaċilita l-kollaborazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati tekniċi u dawk mhux tekniċi.
3. Eleġibbiltà
Sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, jeħtieġlek tissodisfa l-kriterji ta’ eleġibbiltà ġenerali u speċifiċi li ġejjin:
(a) Kriterji ġenerali
Skont l-Artikolu 12(2) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġlek:
– tkun ċittadin(a) ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,
– tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek,
– tkun issodisfajt kull obbligu impost fuqek mil-liġijiet dwar is-servizz militari,
– tkun tista’ toffri l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.
(b) Kriterji speċifiċi
(i) Kwalifiki meħtieġa
· livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew aktar,
jew
- livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma flimkien ma’ esperjenza professjonali rilevanti skont id-deskrizzjoni tal-funzjonijiet (taqsima A.2) ta’ mill-anqas sena meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ tliet snin jew aktar. Din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma titqiesx meta jiġi kkalkulat it-tul ta’ żmien meħtieġ ta’ esperjenza professjonali speċifikat fil-punt A.3(b)(ii).
Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż ieħor, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-UE, bħall-ministeru għall-edukazzjoni ta’ Stat Membru.
Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE jeħtiġilhom, mal-applikazzjoni tagħhom, jipprovdu ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Jekk il-kandidati ma jkollhomx ekwivalenza tal-UE meta jressqu l-applikazzjoni, jeħtiġilhom jehmżu prova li jkunu ressqu talba għal tali ekwivalenza quddiem l-awtorità nazzjonali rilevanti. Madankollu, jeħtiġilhom jipprovdu ekwivalenza tal-UE qabel ma jiġu rreklutati. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki miksuba f’pajjiż mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC, ikkonsulta l-link li ġej: https://www.enic-naric.net.
(ii) Esperjenza professjonali meħtieġa
Wara li tkun ksibt il-kwalifiki li jagħtu aċċess għall-proċedura ta’ selezzjoni (ara l-punt (i) hawn fuq), trid tkun akkwistajt l-esperjenza professjonali li ġejja:
· mill-anqas erba’ snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti għall-funzjonijiet speċifikati fit-Taqsima A.2, li tnejn minnhom iridu jkunu f’amministrazzjoni nazzjonali jew f’istituzzjoni jew korp tal-Unjoni Ewropea.
(iii) Għarfien lingwistiku
Il-kandidati jrid ikollhom għarfien komplut (livell minimu C1) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (il-lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż,
u
għarfien sodisfaċenti (livell minimu B2) tal-Ingliż jew tal-Franċiż (il-lingwa 2).
Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1.
Il-kandidati li jonqsu milli jindikaw l-Ingliż jew il-Franċiż bħala l-lingwa 2 fil-formola tal-applikazzjoni tagħhom jiġu skwalifikati.
L-għażliet lingwistiċi għal din il-proċedura ta’ selezzjoni, jiġifieri l-Ingliż u l-Franċiż, ġew stabbiliti fl-interessi tas-servizz. Skont il-funzjonijiet involuti, il-pożizzjoni ta’ kap tal-proġetti fil-qasam tal-ICT tirrikjedi kapaċitajiet speċifiċi: ħiliet analitiċi, ta’ abbozzar, ta’ superviżjoni teknika u ta’ ġestjoni amministrattiva. Il-persuna reklutata bħala membru tal-persunal ġdid jeħtiġilha tkun kapaċi tifhem il-kompiti li jridu jitwettqu, tindirizza l-problemi u tikkomunika b’mod effettiv mal-interlokuturi esterni u mal-maniġment u l-kollegi.
L-għarfien ta’ mill-anqas waħda minn dawn iż-żewġ lingwi huwa essenzjali sabiex il-persuna reklutata bħala membru tal-persunal tkun tista’ tassumi r-responsabbiltajiet tagħha u tissodisfa l-ħtiġijiet tas-servizz, b’mod partikolari biex tistabbilixxi relazzjonijiet ta’ ħidma effettivi mal-partijiet ikkonċernati li prinċipalment jużaw l-Ingliż jew il-Franċiż. Dan huwa kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi u jitwettqu l-proġetti speċifiċi għad-DĠ ITEC, fejn l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi operattivi primarji.
Il-Franċiż huwa l-lingwa l-aktar użata għall-komunikazzjoni interna fi ħdan u fost l-unitajiet tad-direttorat ġenerali li lilhom se tiġi assenjata l-persuna li tintgħażel. L-Ingliż, min-naħa l-oħra, huwa l-lingwa li tintuża l-aktar spiss f’negozjati mad-direttorati l-oħra fi ħdan id-DĠ ITEC, kif ukoll mad-direttorati ġenerali l-oħra u mal-awtoritajiet politiċi u amministrattivi tal-Parlament, b’mod partikolari meta jiġu abbozzati d-dokumenti u waqt parteċipazzjoni f’diskussjonijiet strateġiċi.
L-Ingliż u l-Franċiż jintużaw ukoll matul il-laqgħat, is-sessjonijiet ta’ taħriġ u s-sessjonijiet ta’ ħidma li fihom il-persuna reklutata se tipparteċipa b’mod attiv. Għarfien tajjeb tal-Franċiż huwa essenzjali wkoll għal fehim xieraq tar-regolamenti. Ir-rwol jirrikjedi wkoll li l-persuna li tintgħażel tabbozza dokumenti, tħejji studji u timmaniġġja proġetti kumplessi, li kollha kemm huma jridu jiġu kkomunikati b’mod ċar u preċiż. Ħafna mill-komunikazzjonijiet interni u esterni u mil-linji gwida proċedurali huma disponibbli primarjament bl-Ingliż jew bil-Franċiż. Għalhekk, għarfien sod tal-Ingliż u/jew tal-Franċiż huwa fundamentali biex jiġu żgurati interpretazzjoni preċiża, konformità u xogħol ta’ kwalità għolja.
Id-DĠ ITEC jagħmel enfasi konsiderevoli fuq il-komunikazzjoni effettiva fost il-persunal tiegħu biex jiżgura kollaborazzjoni bla xkiel u effiċjenza operattiva. B’riżultat ta’ dan, l-avviżi kollha ta’ pożizzjonijiet vakanti tad-DĠ ITEC, kemm interni kif ukoll esterni, jirrikjedu li l-kandidati jkollhom għarfien sod ta’ waħda minn dawn iż-żewġ lingwi u għarfien operattiv tajjeb tal-oħra. Il-profiċjenza mill-anqas f’waħda minn dawn il-lingwi se tippermetti lill-persuna li tintgħażel twettaq il-kompiti b’mod effiċjenti f’kuntesti lingwistiċi varji u tintegra bis-sħiħ fl-ambjent varjat u multilingwi tal-Parlament Ewropew.
B. PROĊEDURA
Il-proċedura hija bbażata fuq kwalifiki u testijiet:
1. Ammissjoni u evalwazzjoni tal-kwalifiki (l-ewwel fażi)
(a) L-Awtorità tal-Ħatra tħejji lista tal-applikanti li jkunu ressqu l-applikazzjonijiet tagħhom fil-forma meħtieġa sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali stabbiliti fil-punt A.3(a). Din tintbagħat lill-kumitat ta’ selezzjoni mal-fajls tal-applikazzjoni.
Abbażi esklużivament tal-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni, issostanzjata b’dokumenti ġustifikattivi fornuti flimkien mal-formola tal-applikazzjoni sad-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet (għal aktar dettalji, ara l-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew, il-punt 3.3):
(b) Il-kumitat ta’ selezzjoni jeżamina d-dokumenti ġustifikattivi fornuti biex jivverifika liema kandidati jissodisfaw il-kondizzjonijiet speċifiċi għall-ammissjoni stabbiliti fil-punt A.3(b);
(c) Il-kumitat ta’ selezzjoni jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati ammessi billi juża skema tal-marki predefinita u jfassal lista tas-sitt kandidati eleġibbli bl-ogħla marki, li jiġu mistiedna għat-testijiet. Il-kumitat ta’ selezzjoni jistieden lill-kandidati ex aequo kollha għall-aħħar post ta’ kwalifika disponibbli.
Meta jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati, il-kumitat ta’ selezzjoni jqis l-aspetti li ġejjin:
- id-diplomi u l-kwalifiki professjonali rilevanti;
- l-esperjenza professjonali fil-ġestjoni tal-proġetti, b’mod partikolari esperjenza fil-ġestjoni ta’ proġetti tal-IT, maniġment tal-partijiet ikkonċernati u abbozzar ta’ dokumenti strateġiċi;
- l-għarfien dwar l-applikazzjonijiet tal-IT u l-pjattaformi kollaborattivi;
- l-esperjenza professjonali fil-fehim tal-iżvilupp tas-software, tal-infrastruttura tas-sistemi u tal-bażijiet tad-data;
- il-ħiliet ta’ analiżi tan-negozju b’għarfien fil-ġbir tar-rekwiżiti, fid-dokumentazzjoni u fil-konverżjoni tal-ħtiġijiet tan-negozju f’soluzzjonijiet tekniċi;
- l-esperjenza professjonali u l-fehim tal-ġestjoni tad-data u tal-governanza tad-data, il-prinċipji tad-data u tad-data miftuħa, id-data kollegata u t-teknoloġiji semantiċi;
- l-esperjenza professjonali fil-ħolqien ta’ ontoloġiji, graph databases u akkwiżizzjoni tad-data permezz ta’ SHACL;
- l-esperjenza professjonali fit-tmexxija tat-timijiet, fid-delega tal-kompiti u fl-iżgurar tat-tlestija fil-ħin tal-proġetti skont il-baġit;
- l-esperjenza prattika fis-sostenn jew fit-twettiq ta’ proċeduri ta’ akkwist tal-IT, inklużi l-interazzjonijiet mal-bejjiegħa esterni u l-involviment f’negozjati dwar kuntratti;
- l-esperjenza fir-rappreżentanza ta’ servizz jew funzjoni tal-IT fi gruppi ta’ ħidma, kumitati jew strutturi ta’ koordinazzjoni transfunzjonali.
|
|
|
Il-kandidati jiġu evalwati fuq il-punteġġ kumplessiv tagħhom biex tiġi ddeterminata l-idoneità tagħhom għall-pożizzjoni.
Marki: minn 0 sa 20 punt.
Abbażi tal-eleġibbiltà tiegħek u tal-punti miksuba fl-evalwazzjoni tal-kwalifiki, il-kumitat ta’ selezzjoni jinfurmak permezz ta’ email bid-deċiżjoni tiegħu rigward l-ammissjoni tiegħek għat-testijiet.
2. Testijiet (it-tieni fażi)
It-testijiet isiru bil-lingwa 2 tiegħek (l-Ingliż jew il-Franċiż) kif indikat fl-applikazzjoni tiegħek. Bil-għan li jiġu evalwati l-għarfien, il-ħiliet u l-kapaċità tal-kandidati li jwettqu l-funzjonijiet deskritti hawn fuq, il-kumitat ta’ selezzjoni se jorganizza t-testijiet li ġejjin:
Test bil-miktub
Test bil-miktub biex jiġu evalwati l-ħiliet tiegħek ta’ ħsieb strateġiku, ippjanar u soluzzjoni tal-problemi, speċifiċi għall-funzjonijiet deskritti fit-taqsima A.2, kif ukoll il-ħiliet ta’ abbozzar.
Ħin għat-test: massimu ta’ 90 minuta
Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (minimu meħtieġ: 10 punti)
Test orali
Intervista mal-kumitat ta’ selezzjoni biex jevalwa, abbażi tal-informazzjoni kollha fil-fajl tal-applikazzjoni tiegħek, l-idoneità tiegħek għall-pożizzjoni u l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-taqsima A.2 ta’ dan l-avviż ta’ reklutaġġ.
Ħin massimu għat-test: massimu ta’ 45 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).
Tirċievi istruzzjonijiet dwar it-testijiet fi żmien xieraq, inkluż jekk għandhomx isiru online jew fil-bini tal-Parlament. Jeħtieġlek issegwi l-istruzzjonijiet bl-akbar reqqa. Kwalunkwe nuqqas ta’ rispett tal-istruzzjonijiet jew kwalunkwe mġiba mhux konformi mal-istruzzjonijiet iwasslu għall-iskwalifika immedjata tiegħek.
3. Lista ta’ kandidati idonei
Il-kumitat ta’ selezzjoni jfassal lista ta’ kandidati idonei li tkun tinkludi, f’ordni alfabetiku, l-ismijiet tat-tliet kandidati li jkunu kisbu l-ogħla punteġġi kumplessivi fil-proċedura (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet), dment li l-kandidati jkunu kisbu l-punteġġ minimu meħtieġ fiż-żewġ testijiet. Il-lista tinkludi l-kandidati ex aequo kollha għall-aħħar post disponibbli.
Inti tirċievi informazzjoni bil-miktub dwar ir-riżultati tiegħek.
Il-lista ta’ kandidati idonei tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru 2029. Il-validità tagħha tista’ tiġi prorogata permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. Il-kandidati li isimhom ikun inkluż fuq il-lista jiġu infurmati skont dan.
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
Biex tapplika, jeħtieġlek tuża l-pjattaforma Apply4EP: https://apply4ep.gestmax.eu/search
Jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel ma timla l-formola tal-applikazzjoni tiegħek.
Data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet
21 ta’ April 2026, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.
Malli tivvalida l-formola tal-applikazzjoni tiegħek, tintbagħatlek konferma awtomatikament.
Il-komunikazzjoni relatata ma’ din il-proċedura ta’ selezzjoni għandha ssir esklużivament permezz tal-kont Apply4EP tiegħek.
Jekk jogħġbok IĊĊEMPILX biex titlob informazzjoni dwar din il-proċedura ta’ selezzjoni.
Hija r-responsabbiltà tiegħek li tivverifika regolarment l-inbox tal-indirizz tal-email li indikajt fil-kont Apply4EP tiegħek.