This website uses cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue we assume that you consent to receive all cookies on all websites.
For further information, please click here >>.

POSITIVE ACTION PROGRAMME 2024

Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 18/03/2024 17:00
Servizz : 00-Parlement européen
Ref. : POSITIVE ACTION PROGRAMME 2024
Gwida għall-kandidati :
Anness 1: :

PROGRAMM TA’ AZZJONI POŻITTIVA 2024 

Jekk tiltaqa’ ma’ kwalunkwe diffikultà fl-aċċessibbiltà inti u timla l-formola tal-applikazzjoni fuq APPLY4EP, jekk jogħġbok ikkuntattjana minnufih permezz ta’ APPLY4EP jew tal-indirizz elettroniku tagħna

PERS-APPLY4EPContacts@europarl.europa.eu. 

Introduzzjoni

Għall-għaxar sena konsekuttiva, il-Parlament Ewropew qed iniedi l-Programm ta’ Azzjoni Pożittiva (PAP) (edizzjoni tal-2024), li huwa perkors addizzjonali mfassal biex jiffaċilita l-impjieg ta’ persuni b’diżabbiltà bħala aġenti kuntrattwali. Din l-inizjattiva toffri lill-kandidati b’diżabbiltà l-opportunità li jaħdmu mal-unika istituzzjoni tal-UE eletta direttament u tippermetti lill-Parlament jiżgura ġabra ta’ talenti diversi billi jattira kandidati kompetenti.

Il-proċedura PAP tikkonsisti fl-istabbiliment ta’ lista ta’ riżerva ta’ 20 kandidat idonew għar-reklutaġġ potenzjali bħala aġenti kuntrattwali (abbażi tal-Artikolu 3b tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea) fil-grupp ta’ funzjonijiet II, III jew IV mid-Direttorati Ġenerali (DĠ) tas-Segretarjat. Kull sena matul dan il-programm, il-Parlament jirrekluta sa sitt kandidati li jirnexxu, li jirċievu kuntratti ta’ sena (bil-possibbiltà li jiġġeddu). Il-bqija tal-kandidati li jirnexxu se jiġu inklużi f’lista ta’ riżerva għal perjodu ta’ 18-il xahar, bil-possibbiltà li jiġu reklutati mid-Direttorati Ġenerali tal-Parlament, barra mill-qafas tal-PAP.

Kriterji ta’ eleġibbiltà

Fid-data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, jeħtieġlek tissodisfa dawn il-kriterji ta’ eleġibbiltà:

(a) Rekwiżiti ġenerali

(1)   irid ikollok diżabbiltà li tikkawża insuffiċjenza ta’ 20% jew aktar skont l-Iskala Ewropea tal-Klassifikazzjoni tad-Diżabbiltà Fiżika u Mentali;

(2)   trid tgawdi d-drittijiet kollha bħala ċittadin ta’ Stat Membru tal-UE;

(3)   trid tkun issodisfajt kull obbligu impost mil-liġijiet dwar is-servizz militari;

(4)   trid tkun tista’ tipproduċi r-referenzi dwar il-karattru xierqa fir-rigward tal-ideoneità tiegħek għat-twettiq ta’ dmirijietek;

(5)   irid ikollok livell minimu ta’ C1 (“għarfien komplut”) f’waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE (lingwa 1); irid ikollok livell minimu ta’ B2 (“għarfien sodisfaċenti”) f’lingwa oħra tal-UE (lingwa 2), abbażi tal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi.

Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż,

It-test b’mistoqsijiet b’għażla multipla (MCQ) tagħmlu fil-lingwa 1 tiegħek. Is-servizzi ta’ reklutaġġ jittestjaw l-għarfien tiegħek tat-tieni lingwa fil-fażi tal-intervista, jekk ismek jiġi inkuż fil-lista ta’ riżerva u tkun mistieden għal intervista minn DĠ.

Billi tapplika għal dan il-programm, tkun qed tiddikjara speċifikament li tissodisfa l-kriterju (a)(1) hawn fuq. Jekk tipprovdi informazzjoni falza fir-rigward ta’ dan il-kriterju ta’ eleġibbiltà l-applikazzjoni tiegħek tiġi kkanċellata minnufih u tiġi eskluż(a) mill-programm.

(b) Kwalifiki

Irid ikollok ukoll:

Għall-gruppi ta’ funzjonijiet II (Klerikali u Segretarjali) u III (Assistenti):

-        livell ta’ edukazzjoni postsekondarja ċċertifikat b’diploma; jew

-        livell ta’ edukazzjoni sekondarja ċċertifikat b’diploma li jagħti aċċess għall-edukazzjoni postsekondarja, u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas tliet snin;

-        jew, fejn ikun iġġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali jew esperjenza professjonali ta’ livell ekwivalenti.

Għall-grupp ta’ funzjonijiet IV (Amministraturi):

-        livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti ta’ mill-inqas tliet snin iċċertifikati b’diploma;

-        jew, fejn ikun iġġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali ta’ livell ekwivalenti.

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru jew f’pajjiż mhux tal-UE, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-UE, bħall-ministeru tal-edukazzjoni.

Jekk għandek diplomi maħruġa minn pajjiż mhux tal-UE, jeħtieġlek tipprovdi dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza tal-UE għal dawn id-diplomi. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC (https://www.enic-naric.net).

Il-panel ta’ selezzjoni se jqis id-differenzi fis-sistemi edukattivi. It-tabella fil-Gwida għall-Kandidati tipprovdi eżempji tal-kwalifiki minimi meħtieġa.

(c) Esperjenza professjonali

Il-programm huwa miftuħ biss għal individwi li ma jkunu qatt qabel ħadmu f’istituzzjoni, f’aġenzija jew f’korp tal-UE (għall-fini ta’ dan il-programm, it-traineeships u l-kuntratti interim tal-UE ma jgħoddux bħala esperjenza ta’ xogħol preċedenti għal istituzzjoni tal-UE).

Proċedura ta’ Selezzjoni u Reklutaġġ

(1) Proċedura ta’ Selezzjoni

Il-Parlament Ewropew se jistiednek tagħmel test b’mistoqsijiet b’għażla multipa (MCQ) ibbażat fuq il-kompjuter, li jikkonsisti f’massimu ta’ 30 mistoqsija li jappartjenu għall-oqsma li ġejjin: għarfien dwar l-UE, raġunament verbali u valutazzjoni sitwazzjonali.

Jekk tirrikjedi akkomodament raġonevoli matul it-test, tista’ tippreżenta talba billi tuża l-formola pprovduta. Mal-formola ta’ talba għandek tehmeż ċertifikat reċenti mill-awtorità nazzjonali tiegħek jew ċertifikat mediku reċenti. Iċ-ċertifikat għandu jinkludi d-dijanjożi personali tiegħek u jispjega jew jikkonferma b’mod ċar is-sitwazzjoni jew il-kundizzjoni tiegħek, kif rikonoxxuta mis-sistema tas-saħħa nazzjonali tiegħek. Jekk applikabbli, iċ-ċertifikat għandu jinkludi l-perċentwal tal-insuffiċjenza (fiżika jew mentali) tiegħek. Il-formola kompluta u d-dokumenti ġustifikattivi kollha jridu jintbagħtu b’email lis-Servizz Mediku tal-Parlament Ewropew sal-iskadenza tal-applikazzjoni (għal aktar informazzjoni ara t-taqsima “Kif tapplika” fil-gwida PAP). Din l-informazzjoni m’għandekx tibgħatha lill-Unità tas-Selezzjoni u t-Tfittxija ta’ Talenti.

Biex jagħmel it-testijiet online, il-Parlament Ewropew jaħdem ma’ fornitur ta’ servizzi (TestWe). Kun af li TestWe sfortunatament mhuwiex aċċessibbli b’mod diġitali. F’każ ta’ problema waqt it-test, jista’ jkun li jkollok bżonn tikkuntattja lill-helpline tal-fornitur ta’ servizzi bit-telefon. Jekk ikollok ħtiġijiet speċifiċi, se jsiru arranġamenti alternattivi (pereżempju, jekk ikollok insuffiċjenza fil-vista jew fis-smigħ jew disturb fid-diskors u/jew fil-lingwa), wara li s-Servizz Mediku japprova t-talba tiegħek. Il-kandidati idonei (dawk li jkunu laħqu l-marka minima ta’ 50 % fit-test MCQ u li l-punteġġ tagħhom jikklassifikahom mal-ewwel 20 kandidat) se jiffurmaw il-lista ta’ riżerva inizjali; din il-lista se tinkludi wkoll il-kandidati kollha li jkunu ġew ex aequo fl-aħħar post. Il-panel ta’ selezzjoni mbagħad se jevalwa dawn il-kandidati biex jiżgura li jkunu jissodisfaw il-kriterji ta’ eleġibbiltà (b) u (c) imsemmija hawn fuq.

Il-panel ta’ selezzjoni se jivvaluta l-fajl tal-applikazzjoni ta’ kull kandidat f’ordni dixxendenti tal-punti miksuba fit-test MCQ. Il-panel ta’ selezzjoni jwaqqaf il-proċess ta’ valutazzjoni ladarba jkun intlaħaq l-għadd massimu ta’ kandidati idonei. Il-panel ta’ selezzjoni jpoġġi fil-lista l-kandidati kollha li jkunu ġew ex aequo fl-aħħar post ta’ klassifikazzjoni.

F’dan l-istadju, ikun meħtieġ ukoll li tgħaddi mill-proċess tar-rikonoxximent tad-diżabbiltà tal-Parlament. Biex id-diżabbiltà tiegħek tiġi attestata, qis li tabib mediku (jew speċjalista jew il-prattikant ġenerali tiegħek) jiffirmalek il-formola pprovduta mis-Servizz Mediku tal-Parlament. Bħala prova biex tiġġustifika l-applikazzjoni tiegħek, tista’ tipprovdi wkoll kard nazzjonali tad-diżabbiltà. Għandu jkollok din l-informazzjoni lesta f’qasir żmien sabiex is-Servizz Mediku jipproċessaha wara t-test MCQ. Tajjeb li tkun taf li dan il-proċess huwa differenti mill-evalwazzjoni tat-talba tiegħek għal akkomodament raġonevoli deskritta hawn fuq.

(2) Reklutaġġ

Ladarba l-lista tal-20 kandidat idonew tkun finalizzata, is-CVs tagħhom jiġu ċċirkolati mas-servizzi tar-riżorsi umani tad-Direttorati Ġenerali kollha. Fost dawn il-kandidati, sa sitta se jiġu reklutati fil-qafas tal-PAP, filwaqt li l-bqija tal-kandidati jistgħu jiġu kkunsidrati biex jiġu reklutati bħala aġenti kuntrattwali mid-Direttorati Ġenerali, barra mill-qafas tal-PAP.

Jekk DĠ iqis li l-profil tiegħek ikun interessanti, jista’ jistiednek għal intervista. 

Huwa importanti li tinnota li l-fatt li tiġi inkluż(a) fil-lista ta’ riżerva jew li tgħaddi t-test ta’ selezzjoni ma jagħti ebda dritt ta’ reklutaġġ. Is-servizzi ta’ reklutaġġ jistgħu jirreferu għal-lista meta jsiru disponibbli pożizzjonijiet b’kuntratt billi lill-kandidati li l-profili tagħhom jallinjaw mar-rekwiżiti tal-impjieg jistednuhom għal intervista. Dan il-proċess għandu l-għan li joħloq opportunitajiet kemm fil-qafas tal-PAP kif ukoll barra minnu.

Kif tista’ tapplika?

Jekk jogħġbok applika permezz tal-pjattaforma Apply4EP sal-iskadenza, nhar it-18 ta’ Marzu 2024 fil-17.00 (ħin ta’ Brussell/il-Lussemburgu).

Qabel ma timla l-formola tal-applikazzjoni tiegħek, aqra bir-reqqa l-Gwida għall-Kandidati li hija annessa ma’ dan l-avviż.

(1) Imla l-formola tal-applikazzjoni u pprovdi d-dokumenti ġustifikattivi rilevanti permezz tal-pjattaforma Apply4EP:

-        is-CV tiegħek;

-        id-diploma(i) prova tal-livell ta’ edukazzjoni tiegħek;

-        prova ta’ esperjenza preċedenti tax-xogħol (jekk kellek xi esperjenza);

Tinsiex tikklikkja, jekk rilevanti, il-kaxxa fuq Apply4EP li tiddikjara li tirrikjedi akkomodament raġonevoli għat-test. 

(2) Ibgħat b’email il-formola ta’ akkomodament raġonevoli (verżjoni vojta tagħha hija mehmuża mal-avviż taħt “Anness I”) sal-iskadenza tal-applikazzjoni lis-servizz mediku fl-indirizz li ġej:

PERS-CabmedbruDisability@europarl.europa.eu

Jekk jogħġbok ehmeż id-dokumentazzjoni medika xierqa biex tiġġustifika t-talba għal akkomodament raġonevoli tiegħek (ċertifikati mediċi, noti tat-tabib, prova ta’ akkomodamenti raġonevoli preċedenti, bħal kwalunkwe akkomodament għal eżamijiet mogħtija qabel matul l-edukazzjoni tiegħek, eċċ.) sal-iskadenza tal-applikazzjoni.

Jekk jogħġbok uża l-formulazzjoni li ġejja fil-linja tas-suġġett tal-email:

‘DG PERS 2024 Positive Action Programme/RA Testing Justification Note’. 

Tajjeb li tkun taf li akkomodamenti raġonevoli għall-post tax-xogħol se jiġu offruti lill-kandidati reklutati fi stadju aktar tard.