Introduzzjoni
Għad-disa' sena konsekuttiva, il-Parlament Ewropew vara l-proċedura ta' selezzjoni ta' azzjoni pożittiva (edizzjoni tal-2023) biex il-persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jaħdmu f'din l-istituzzjoni tal-UE. Dan il-programm joffri lill-Parlament l-opportunità li jkollu sors diversifikat ta' kandidati u li jattira parteċipanti b'diżabilità kompetenti fis-suq.
Il-proċedura tikkonsisti fl-istabbiliment ta' lista ta' riżerva ta' 20 kandidat idonew li mbagħad jistgħu jiġu reklutati bħala aġenti kuntrattwali (l-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea) fil-grupp ta' funzjonijiet II, III jew IV mid-Direttorati Ġenerali tas-Segretarjat. Filwaqt li l-programm ma jikkonferixxi ebda obbligu ta' reklutaġġ fuq is-Segretarjat, kull sena, il-Parlament jirrekluta sa sitt kandidati li jirnexxu f'din il-proċedura ta' selezzjoni għal perjodu ta' sena (it-tiġdid ta' dan il-kuntratt mhuwiex awtomatiku). Il-bqija tal-20 kandidat li jirnexxu jiżdiedu mar-riżerva tal-kandidati aġenti kuntrattwali, jibqgħu fil-lista ta' riżerva għal perjodu ta' 18-il xahar u mbagħad, jistgħu jiġu reklutati bħala aġenti kuntrattwali fil-gruppi ta' funzjonijiet II, III jew IV mid-Direttorati Ġenerali tas-Segretarjat (barra mill-qafas tal-Programm ta' Azzjoni Pożittiva). Il-proċedura hija miftuħa għal individwi li qatt qabel ma jkunu ħadmu f'istituzzjoni tal-UE (għall-fini ta' din il-proċedura ta' selezzjoni, it-traineeships tal-UE ma jgħoddux bħala esperjenza ta' xogħol preċedenti għal istituzzjoni tal-UE).
Għall-fini ta' dan il-programm, il-kategorija ta' persuni b'diżabilità tinkludi lil dawk li jkollhom insuffiċjenza fiżika, mentali, intellettwali jew sensorjali fit-tul ta' minimu ta' 20%, li, f'każ ta' interazzjoni ma' ostakli varji, tista' ttellifhom milli jipparteċipaw b'mod sħiħ u effettiv fis-soċjetà fuq bażi ugwali mal-oħrajn. Permezz tal-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati jikkonfermaw li jissodisfaw dawn il-kriterji.
Kriterji ta' eleġibilità
Il-kandidati eleġibbli jinkludu dawk li:
Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż,
Għall-gruppi ta' funzjonijiet II (Klerikali u Segretarjali) u III (Assistenti):
Għall-grupp ta' funzjonijiet IV (Amministraturi):
Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru jew f'pajjiż mhux tal-UE, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta' Stat Membru tal-UE, bħall-ministeru tal-edukazzjoni.
Bħala parti mill-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati detenturi ta' diplomi maħruġa f'pajjiż terz jeħtiġilhom jipprovdu ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Tista' ssib aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC (https://www.enic-naric.net).
F'dan ir-rigward, il-bord ta' selezzjoni jqis id-differenzi fis-sistemi edukattivi. Eżempji ta' kwalifiki minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella li tidher fil-Gwida għall-Kandidati.
Proċedura ta' Selezzjoni
Malli jikkonferma l-eleġibilità tal-kandidati, il-Parlament Ewropew jistieden lill-kandidati li jissodisfaw il-kriterji biex jagħmlu testijiet b'mistoqsijiet b'għażla multipla (MCQ) ibbażati fuq il-kompjuter fl-oqsma li ġejjin: għarfien dwar l-UE, raġunament verbali, ġudizzju ta' sitwazzjonijiet. Il-konferma tal-istatus ta' diżabilità sseħħ aktar tard fil-proċedura ta' selezzjoni.
Jiġi pprovdut akkomodament raġonevoli għall-ittestjar ladarba tiġi ppreżentata nota medika li tagħti dettalji dwar ir-rekwiżiti personali. Jekk jogħġbok kun af li huma biss dawk il-kandidati li jgħaddu minn dawn it-testijiet li jistgħu jissejħu għal intervista u possibbilment jiġu reklutati mill-Parlament Ewropew.
Il-kandidati li jirnexxu, li jkunu laħqu l-marka ta' 50% meħtieġa biex jgħaddu u li jkollhom punteġġ fost l-aqwa 20 kandidat, ikunu jiffurmaw parti minn lista ta' riżerva, li tiġi kkunsidrata mid-Direttorati Ġenerali għall-karigi disponibbli, jistgħu possibbilment jissejħu għal intervisti. Jekk kandidat ma jkunx jista' jattendi personalment, l-intervista tista' ssir permezz ta' vidjokonferenza, b'vidjotelefonata, jew bit-telefown.
L-inklużjoni ta' ismek fil-lista ta' riżerva jew li tgħaddi mit-test ta' selezzjoni mhijiex garanzija li se tiġi offrut/a impjieg. Jekk isir disponibbli kuntratt, is-servizzi ta' reklutaġġ jistgħu jikkonsultaw il-lista u joħorġu stediniet lil dawk il-kandidati li l-profili tagħhom jaqblu l-aktar mar-rekwiżiti tal-kariga inkwistjoni. Jekk jirriżulta li l-informazzjoni li jkunu pprovdew ma tkunx korretta, il-kandidati jiġu esklużi mill-proċedura u isimhom jitneħħew mill-bażi ta' data.
Qabel ma jiżdiedu mar-riżerva tal-kandidati aġenti kuntrattwali, il-kandidati li jirnexxu jkunu meħtieġa jagħtu prova tad-diżabilità tagħhom (għal dan il-għan, jintbagħat ċertifikat mediku tal-Parlament Ewropew li għandu jimtela' mit-tabib tiegħek. Barra minn hekk, jistgħu jiġu mehmuża ċertifikati/dokumenti ġustifikattivi oħra). Bħala prekundizzjoni għall-impjieg, is-Servizz Mediku tal-Parlament Ewropew jivvaluta jekk id-diżabilità tissodisfax il-kriterji speċifiċi sabiex tiġi kkonfermata l-eleġibilità għall-iskema. Il-kandidati jeħtieġ li jkollhom diżabilità, li tikkawża insuffiċjenza ta' 20% jew aktar (insuffiċjenza fiżika jew mentali) sabiex jiġu kkunsidrati għal din l-opportunità. L-Iskala Ewropea tal-Klassifikazzjoni tad-Diżabilità Fiżika u Mentali għal finijiet mediċi li tintuża biex jiġi vvalutat il-grad ta' diżabilità tista' tiġi aċċessata hawnhekk: L-Iskala Ewropea tal-Klassifikazzjoni tad-Diżabilità Fiżika u Mentali.
Akkomodamenti raġonevoli għat-testijiet tal-Parlament Ewropew jiġu miftiehma, definiti u implimentati mill-Parlament Ewropew. Kandidati b'diżabilità li jeħtieġu akkomodamenti speċjali għat-testijiet tal-Parlament Ewropew għandhom jinkluduhom fl-applikazzjoni tagħhom.
Akkomodamenti raġonevoli fl-istadji sussegwenti tal-proċedura ta' selezzjoni u ta' reklutaġġ jiġu ġestiti mill-Istituzzjoni tar-reklutaġġ – f'dan il-każ il-Parlament Ewropew – u l-kandidati għandhom iħossuhom liberi jitolbuhom fl-istadju rilevanti.
Kif tista' tapplika?
Jekk jogħġbok applika permezz tal-pjattaforma Apply4EP sal-iskadenza ta' 25 April 2023, 17.00 (ħin ta' Brussell/il-Lussemburgu).
Jeħtieġlek taqra bir-reqqa l-Gwida għall-Kandidati annessa ma' dan l-avviż qabel timla l-formola tal-applikazzjoni u tipprovdi d-dokumenti ġustifikattivi rilevanti:
F'każ li titlob akkomodament raġonevoli għall-fażi tal-ittestjar, jeħtieġ li timla formola tal-applikazzjoni u ibgħatha permezz ta' email lil
PERS-CabmedbruDisability@europarl.europa.eu
akkumpanjata minn ċertifikat mediku/nota tat-tabib li tiġġustifika t-talba.
Jekk jogħġbok bħala titlu tal-email ikteb: "DG PERS 2023 Positive Action Selection/RA Testing Justification Note". Jekk jogħġbok kun af li jiġu offruti wkoll akkomodamenti raġonevoli għall-ambjent tax-xogħol lill-kandidati reklutati u dawn jiġu ttrattati fi stadju aktar tard.
GWIDA GĦALL-KANDIDATI
Biex tapplika, irid ikollok kont fuq il-pjattaforma APPLY4EP. L-applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu biss permezz ta' dik il-pjattaforma.
1. Il-ħolqien ta' kont u l-mili tal-formoli tal-applikazzjoni
Tista' toħloq kont wieħed biss. Biex toħloq il-kont tiegħek, mur fuq https://apply4ep.gestmax.eu u aqra l-informazzjoni bir-reqqa.
Ikklikkja fuq Applika online. Imbagħad, tista' jew tilloggja fil-kont Apply4EP li diġà għandek jew inkella toħloq kont billi ttella' s-CV tiegħek. Jekk toħloq kont ġdid, tintalab timla formola bid-dettalji ta' kuntatt tiegħek.
Imbagħad ikklikkja fuq Il-fażi li jmiss. Agħżel jew, jekk ikun għad hemm bżonn, tella' l-curriculum vitae tiegħek, u imla d-dikjarazzjonijiet.
Fl-aħħar nett, ikklikkja fuq Li jmiss u imla l-partijiet obbligatorji kollha indikati b'asterisk fl-applikazzjoni.
F'każ ta' esperjenza professjonali, għandek tagħti deskrizzjoni dettaljata tad-dmirijiet li tkun wettaqt. Jeħtieġlek ittella' kopja ta' kull diploma f'dokument wieħed, preferibbilment fil-format pdf.
Fir-rigward tal-lingwi, il-lingwa 1 tiegħek titqies bħala l-lingwa materna u l-lingwa 2 tiegħek titqies bħala t-tieni lingwa li taf l-aħjar. Mhuwiex obbligatorju li tippreżenta dokument ġustifikattiv biex tagħti prova tal-għarfien tal-lingwa tiegħek.
Għad-diplomi, għandek iddaħħal id-dettalji tad-diploma/i tal-edukazzjoni sekondarja, id-diploma/i postsekondarja/i u/jew id-diploma/i universitarja/i tiegħek. Jeħtieġlek ittella' kopja ta' kull diploma f'dokument wieħed, preferibbilment fil-format pdf. Jekk id-diploma tiegħek tkun maħruġa minn pajjiż terz, din trid tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni ta' ekwivalenza maħruġa minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.
Jekk jogħġbok kun af li d-dokumenti fil-format DOC, DOCX, GIF, JPG, TXT, PDF, PNG jew RTF li jiċċertifikaw l-esperjenza professjonali u l-kwalifiki jistgħu jittellgħu f'APPLY4EP. L-ebda dokument ma jista' jkun akbar minn 5 MB.
Iċċekkja l-kont tal-APPLY4EP tiegħek regolarment. Qis li d-dettalji ta' kuntatt reġistrati tiegħek, inkluż in-numru tat-telefon u l-indirizz tal-email tiegħek, ikunu aġġornati. Is-servizzi ta' reklutaġġ jistgħu jippruvaw jikkuntattjawk bit-telefon jew bl-email. Tista' taġġorna d-dettalji ta' kuntatt tiegħek billi tilloggja fil-kont tal-kandidat tiegħek.
2. Protezzjoni tad-data personali
Il-Parlament Ewropew, bħala l-korp responsabbli għall-organizzazzjoni tal-proċeduri ta' selezzjoni, jiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata fir-rispett sħiħ tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 295 tal-21 ta' Novembru 2018).
3. Appelli
Ilmenti amministrattivi
Skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-parteċipanti jistgħu jindirizzaw ilment amministrattiv lis-Segretarju Ġenerali kontra deċiżjoni tal-bord ta' selezzjoni jew tal-Awtorità tal-Ħatra li taffettwahom ħażin, fi żmien tliet xhur min-notifika tad-deċiżjoni kkontestata. Jekk jogħġbok kun af li d-deċiżjonijiet li jieħu l-bord ta' selezzjoni ma jistgħux jinbidlu jew jiġu annullati minħabba l-marġni ta' apprezzament wiesa' li għandu.
Appelli ġudizzjarji
Skont l-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-parteċipanti għandhom id-dritt li jressqu appell ġudizzjarju fi żmien tliet xhur min-notifika tad-deċiżjoni tal-bord ta' selezzjoni li taffettwahom ħażin, jew, fir-rigward tad-deċiżjonijiet li tkun ħadet l-Awtorità tal-Ħatra, min-notifika tad-deċiżjoni li tkun ittieħdet b'risposta għall-ilment. Tabilħaqq, l-appelli ġudizzjarji kontra deċiżjonijiet li tkun ħadet l-Awtorità tal-Ħatra jridu jsiru wara lment amministrattiv.
Ilmenti lill-Ombudsman Ewropew
Bħala ċittadini u residenti Ewropej, il-parteċipanti jistgħu jressqu lment lill-Ombudsman Ewropew. L-ilmenti li jsiru lill-Ombudsman m'għandhom ebda effett sospensiv fuq l-iskadenzi stabbiliti għat-tressiq tal-ilmenti amministrattivi jew għat-tressiq tal-appelli ġudizzjarji.
Il-parteċipanti jistgħu jikkonsultaw il-fajls tal-applikazzjoni tagħhom fuq talba. Jistgħu jirreferu kwistjoni lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fi kwalunkwe ħin.