Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 19/04/2023 17:00
Servizz : 08-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika
Ref. : PE/AST/287/2023/INLO AST 1
Gwida għall-kandidati : Download guide for candidates

Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma’ dan l-avviż ta’ kompetizzjoni. Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta’ kompetizzjoni, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.

WERREJ

 

A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA’ ELEĠIBILITÀ

B. ŻVOLĠIMENT TAL-KOMPETIZZJONI

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

ANNESSI:  GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-KOMPETIZZJONIJIET ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPE          

 

A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA’ ELEĠIBILITÀ

  1. Kummenti ġenerali

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li, abbażi tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iniedi kompetizzjoni miftuħa (AST 1) għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali fid-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika (DĠ INLO).

Il-profil imfittex huwa dak ta’ koordinaturi tas-servizzi loġistiċi u l-għadd mixtieq ta’ kandidati li jirnexxu huwa ta’ 15.

L-impjiegi se jkunu bbażati prinċipalment fi Brussell, iżda wkoll fil-Lussemburgu u fi Strażburgu (il-postijiet tax-xogħol tal-Parlament Ewropew) skont il-ħtiġijiet tas-servizzi tal-Parlament. Dawn l-impjiegi jistgħu jirrikjedu missjonijiet bejn il-postijiet tax-xogħol tal-Parlament Ewropew. Il-koordinaturi assenjati għas-servizzi tat-trasport għall-persuni u għall-oġġetti jistgħu wkoll jintalbu jwettqu missjonijiet barra mill-postijiet tax-xogħol tal-Parlament Ewropew.

Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AST 1, l-ewwel skala, b’salarju bażiku ta’ EUR 3 271.87 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se jiġu reklutati l-kandidati li jirnexxu madankollu tista’ tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali tagħhom. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f’ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, l-etniċità, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

  1. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Id-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika (DĠ INLO) jikkontribwixxi għall-ġestjoni tajba tal-infrastruttura u tal-loġistika fil-postijiet tax-xogħol differenti tal-Parlament Ewropew.

Id-dmirijiet tad-DĠ INLO huma li jieħu ħsieb il-ġestjoni ta’ dawn li ġejjin:

  • il-bini kollu okkupat mill-Parlament Ewropew fi Brussell, fi Strażburgu u fil-Lussemburgu, kif ukoll l-uffiċċji ta’ kollegament fl-Istati Membri fil-livell tekniku u amministrattiv;
  • is-servizzi tat-tagħmir u l-prestazzjonijiet involuti fit-tħaddim tal-istess bini;
  • it-tagħmir (xiri, trasport, ġarr, messaġġi, forniment tal-ikel, ħwienet, eċċ.) kif ukoll l-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat.

Il-koordinaturi tas-servizzi loġistiċi se jkollhom l-inkarigu li jassistu Kap tal-Unità jew Amministratur u li jissorveljaw u jikkoordinaw tim ta’ membri tal-persunal.

Taħt l-awtorità tal-uffiċjal responsabbli u fil-qafas tal-programmi u l-prijoritajiet definiti mill-korpi parlamentari u mill-ġerarkija tagħhom, il-koordinaturi tas-servizzi loġistiċi se jwettqu l-kompiti partikolari minn fost dawn li jidhru hawn taħt:

  • imexxu, jistimulaw, jimmotivaw u jikkoordinaw tim ta’ aġenti sabiex jottimizzaw l-użu tar-riżorsi umani, filwaqt li jiżguraw il-kwalità tas-servizz;
  • jiffissaw il-prijoritajiet, jantiċipaw ix-xogħol li jrid isir, jiżguraw livell xieraq ta’ kwalità tax-xogħol imwettaq;
  • jieħdu sehem fit-tfassil tal-istruzzjonijiet u l-linji gwida, iwassluhom għand it-tim u jimmonitorjaw il-konformità ma’ tali struzzjonijiet u linji gwida;
  • iżommu kuntatt u jikkomunikaw ma’ interlokuturi f’direttorati/unitajiet/servizzi oħra u ma’ interlokuturi esterni;
  • jiġġestixxu sitwazzjonijiet mhux previsti (eż. l-organizzazzjoni tat-tim f’każ ta’ assenzi tal-aħħar minuta);
  • jirrappreżentaw l-unità fil-laqgħat bejn is-servizzi jew fil-gruppi ta’ ħidma;
  • jissorveljaw is-segwitu amministrattiv relatat mal-vetturi (dokumenti, testijiet tal-affidabilità stradali);
  • jiġġestixxu, fejn xieraq, ix-xufiera tal-fornituri esterni tas-servizzi;
  • jiżguraw il-kontinwità tas-servizz billi jsuqu, meta jkun meħtieġ, il-vetturi tal-Parlament Ewropew intiżi għat-trasport tal-persuni u tal-oġġetti, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha;
  • jikkoordinaw tim li jinkludi sa 120 xufier(a), jorganizzaw ir-rotot u r-rotazzjonijiet tat-tim u jieħdu ħsieb id-dispaċċ tal-vjaġġi u r-rotazzjonijiet tax-xufiera (it-tfassil u l-ġestjoni tal-iskedi tax-xufiera);
  • jikkontrollaw is-sigħat tax-xogħol tax-xufiera;
  • jieħdu ħsieb il-koordinament, l-organizzazzjoni u d-dispaċċ tal-ġarr kif ukoll ir-rotazzjonijiet tat-timijiet interni u esterni (it-tfassil u l-ġestjoni tal-iskedi ta’ tim li jinklusi sa 50 persuna inkarigata mill-ġarr);
  • jorganizzaw id-distribuzzjoni tal-posta minn tim li jinkludi sa 50 uxxier(a);
  • isegwu d-deċiżjonijiet u l-fajls u jinformaw lill-applikanti dwar il-progress tal-fajls;
  • jagħtu pariri u jinformaw lill-ġerarkija, lill-Membri, lill-assistenti tagħhom, lill-persunal u lill-viżitaturi tal-Parlament fl-oqsma ta’ responsabilità tagħhom.

Is-servizzi li x’aktarx jirreklutaw koordinaturi tal-loġistika huma prinċipalment inkarigati minn dawn li ġejjin:

  • it-trasport tal-persuni, prinċipalment il-Membri u l-persunal tal-Parlament;
  • il-politika tal-mobilità u r-relazzjonijiet mal-awtoritajiet federali, reġjonali u muniċipali b’rabta magħha;
  • il-ġarr differenti (Membri, gruppi politiċi u persunal tal-istituzzjoni) fit-tliet postijiet tax-xogħol ewlenin u l-konsenja ta’ proprjetà mobbli;
  • it-trasport ta’ materjal għas-sessjoni plenarja fi Strażburgu u waqt il-laqgħat tal-gruppi politiċi barra mit-tliet postijiet tax-xogħol ewlenin;
  • id-distribuzzjoni u l-ġestjoni tal-ispazji tax-xogħol;
  • id-distribuzzjoni tal-posta fit-tliet postijiet tax-xogħol ewlenin;
  • l-għoti ta’ assistenza lis-servizzi tas-sessjonijiet plenarji (DĠ PRES) u lill-galleriji (DĠ LINC) matul is-sessjonijiet.

Il-koordinaturi tal-loġistika jeħtiġilhom ikunu kapaċi jittrattaw firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet differenti, jirreaġixxu malajr u b’mod kalm għall-bidliet taċ-ċirkostanzi u jikkomunikaw b’effiċjenza. Huma jridu jkunu kapaċi jaħdmu regolarment b’mod intensiv, kemm waħedhom kif ukoll f’tim, f’ambjent multikulturali.

Għandhom jiġu previsti missjonijiet frekwenti fit-tliet postijiet tax-xogħol ewlenin tal-Parlament Ewropew, kif ukoll għadd kbir ta’ kuntatti interni u esterni.

  1. Rekwiżiti ta’ eleġibilità

Sad-data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, tkun trid tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi li ġejjin:

(a)     Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, trid:

–          tkun ċittadin(a) ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

–          tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek;

–          tkun issodisfajt kull obbligu impost mil-liġijiet applikabbli fil-qasam tal-obbligu militari;

–          toffri l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

(b)     Rekwiżiti speċifiċi

(i)      Kwalifiki u diplomi meħtieġa

Irid ikollok:

  • livell ta’ edukazzjoni postsekondarja ċċertifikat b’diploma;

jew

  • livell ta’ edukazzjoni sekondarja ċċertifikat b’diploma li tagħti aċċess għall-edukazzjoni postsekondarja flimkien ma’ esperjenza professjonali ta’ mill-inqas tliet snin b’rabta diretta man-natura tal-funzjonijiet (taqsima A.2).

Id-diplomi, sew jekk maħruġa fi Stat Membru jew f’pajjiż mhux tal-UE, iridu jkunu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-Unjoni, bħall-Ministeru għall-Edukazzjoni ta’ Stat Membru.

Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE jeħtiġilhom jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC, ara https://www.enic-naric.net/. F’dan ir-rigward, il-bord ta’ selezzjoni jqis id-differenzi fis-sistemi edukattivi. Eżempji ta’ kwalifiki minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella li tidher fil-Gwida għall-Kandidati.

(ii)     Esperjenza professjonali meħtieġa

Mhi meħtieġa ebda esperjenza professjonali. Madankollu, kwalunkwe esperjenza professjonali li tkun ksibt fil-qasam kopert minn din il-kompetizzjoni (ara l-lista ta’ kompiti fil-punt "Deskrizzjoni tal-funzjonijiet", taqsima A.2) tkun ta’ vantaġġ.

(iii)    Għarfien lingwistiku

Il-kandidati jrid ikollhom għarfien komplut (mill-inqas ta’ livell C1) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan jew l-Ungeriż,

u

għarfien sodisfaċenti (mill-inqas ta’ livell B2) tal-Ingliż jew il-Franċiż (lingwa 2). Il-lingwa 2 tiegħek trid tkun differenti mil-lingwa 1.

Kun af li l-livelli minimi indikati hawn fuq japplikaw għal kull qasam ta’ kapaċità lingwistika (taħdit, kitba, qari, smigħ) imsemmi fil-formola tal-applikazzjoni. Dawn il-kapaċitajiet jikkorrispondu għal dawk speċifikati fil-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (https://europa.eu/europass/common-european-framework-reference-language-skills).

Il-koordinaturi tal-loġistika jridu jkunu kapaċi jifhmu u jwettqu l-kompiti msemmija hawn fuq, jittrattaw il-fajls u jikkomunikaw b’effiċjenza mal-interlokuturi interni u esterni kif ukoll mal-ġerarkija u mal-kollegi fl-ambjent tax-xogħol deskritt hawn fuq. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-kompiti jitwettqu biż-żewġ lingwi (l-Ingliż u l-Franċiż) magħżula għall-finijiet ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni skont l-interess tas-servizz, li jesiġi kwalifiki meħtieġa min-natura tal-funzjonijiet deskritti. Għalhekk, sabiex iwettqu l-kompiti u jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tas-servizz, il-koordinaturi tal-loġistika jridu jkunu kapaċi jaħdmu u jikkomunikaw b’effiċjenza f’mill-inqas waħda minn dawn iż-żewġ lingwi.

 

B. ŻVOLĠIMENT TAL-KOMPETIZZJONI

Il-kompetizzjoni hija organizzata fuq il-bażi ta’ kwalifiki u testijiet.

  1. Ammissjoni għall-proċedura ta’ selezzjoni

Jekk tkun ippreżentajt il-fajl tal-applikazzjoni tiegħek:

- skont il-proċeduri stabbiliti fil-punt C, u

- fil-limitu ta’ żmien imsemmi fil-punt C,

il-bord ta’ selezzjoni jeżamina l-fajl tiegħek fid-dawl tar-rekwiżiti speċifiċi ta’ eleġibilità.

Jekk tissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi ta’ eleġibilità, il-bord ta’ selezzjoni jaċċettak għall-proċedura ta’ selezzjoni.

Huwa jibbaża esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun appoġġjata minn dokumenti ġustifikattivi.

  1. Valutazzjoni tal-kwalifiki

Il-bord ta’ selezzjoni, abbażi ta’ tabella tal-valutazzjoni li jkun stabbilixxa minn qabel, jipproċedi għall-valutazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati ammessi għall-proċedura ta’ selezzjoni u jistabbilixxi lista tal-aħjar 60 kandidat(a), li jiġu mistiedna għat-testijiet. Il-bord ta’ selezzjoni jistieden il-kandidati kollha li jkunu ġew ex aequo fl-aħħar post.

Huwa u jivvaluta l-kwalifiki tal-kandidati, il-bord ta’ selezzjoni jqis, b’mod partikolari, l-aspetti li ġejjin (li jridu jiġu appoġġjati minn dokumenti ġustifikattivi fil-formola tal-applikazzjoni):

  • esperjenza professjonali f’funzjoni ta’ servizz għall-klijenti rilevanti għall-funzjonijiet li jridu jitwettqu;
  • esperjenza professjonali fis-superviżjoni ta’ tim;
  • esperjenza professjonali fl-abbozzar ta’ dokumenti jew istruzzjonijiet rilevanti għall-funzjonijiet li jridu jitwettqu;
  • esperjenza professjonali miksuba ma’ organizzazzjonijiet Ewropej jew internazzjonali jew f’ambjent multikulturali jew internazzjonali;
  • ċertifikat/diploma fil-qasam tal-ewwel għajnuna maħruġ(a) minn awtorità kompetenti approvata jew esperjenza professjonali fil-qasam tas-sikurezza personali (evakwazzjoni tal-bini, l-ewwel għajnuna, sikurezza kontra n-nirien, eċċ.).

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.

  1. Testijiet

Test bil-miktub

 a) Test tal-kitba bil-lingwa 2, abbażi ta’ sensiela ta’ dokumenti, bil-għan li tiġi vvalutata l-kapaċità tiegħek li twettaq il-kompiti deskritti fil-punt A.2 “Deskrizzjoni tal-funzjonijiet”.

Tul ta’ ħin massimu tat-test: 3 sigħat

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu mitlub: 20 punt)

Dan it-test se jiġi organizzat mill-bogħod fuq il-kompjuter.

L-aħjar 30 kandidat(a) li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta’ punti fit-test bil-miktub jiġu mistiedna għat-testijiet orali, bil-kondizzjoni li jkunu kisbu l-għadd minimu ta’ punti meħtieġa. Jekk ikun il-każ, il-bord ta’ selezzjoni jistieden il-kandidati kollha li jkunu ġew ex aequo fl-aħħar post.

Testijiet orali

b) Intervista mal-bord ta’ selezzjoni bl-Ingliż jew bil-Franċiż (lingwa 2), li permezz tagħha l-bord ikun jista’ jivvaluta l-ħila tiegħek biex twettaq il-kompiti deskritti fil-punt A.2 “Deskrizzjoni tal-funzjonijiet”, b’kunsiderazzjoni tal-elementi kollha mniżżlin fil-fajl tal-applikazzjoni. Il-bord ta’ selezzjoni jittestja wkoll il-lingwa 1 iddikjarata fil-formola tal-applikazzjoni.

Tul ta’ ħin massimu tat-test: 45 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu mitlub: 20 punt).

c) Test ta’ diskussjoni fi grupp jew logħba ta’ simulazzjoni tar-rwoli bl-Ingliż jew bil-Franċiż (lingwa 2), sabiex il-bord ta’ selezzjoni jkun jista’ jivvaluta l-ħila ta’ adattament, il-ħila ta’ negozjar, il-kreattività u l-kapaċità ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħek, kif ukoll l-imġiba tiegħek fi grupp jew f’sitwazzjoni partikolari, b’rabta mal-kompiti deskritti fil-punt A.2 “Deskrizzjoni tal-funzjonijiet”.

It-tul tat-test ta’ diskussjoni fi grupp jiġi stabbilit mill-bord skont il-kompożizzjoni definittiva tal-gruppi.

It-tul massimu tat-test tal-logħba ta’ simulazzjoni tar-rwoli huwa ta’ 20 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (minimu mitlub: 10 punti).

Dawn it-testijiet jistgħu jiġu organizzati mill-bogħod.

Tirċievi fi żmien xieraq l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet bil-miktub u orali. It-testijiet huma skedati f’data u ħin preċiżi. Jekk ma tirrispondix għall-istedina, ma tkunx tista’ tiġi kkuntattjat(a) b’email jew ma tersaqx għal xi wieħed mit-testijiet, tiġi skwalifikat(a). Jeħtieġlek issegwi l-istruzzjonijiet bl-akbar reqqa. Kwalunkwe ksur tal-istruzzjonijiet jew kwalunkwe mġiba li ma tkunx konformi mal-istruzzjonijiet jiskwalifikawk minnufih.

  1. Lista ta’ kandidati idonei

Il-bord ta’ selezzjoni jistabbilixxi lista ta’ kandidati idonei bl-ismijiet tal-kandidati eleġibbli li globalment ikunu kisbu l-ogħla għadd ta’ punti fi tmiem il-proċedura, kif indikat fil-punt A.1 “Kummenti ġenerali”. Dawn il-marki globali jiġbru fihom l-għadd ta’ punti miksuba għall-proċedura kollha (il-valutazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet (a), (b) u (c)), bil-kondizzjoni li l-kandidati jkunu kisbu l-għadd minimu ta’ punti meħtieġa f’kull wieħed minn dawn it-testijiet. Il-lista tista’ tinkludi l-kandidati kollha li jkunu ġew ex aequo fl-aħħar post. L-ismijiet tal-kandidati li jirnexxu jidhru fil-lista f’ordni alfabetiku.

Il-validità tal-lista ta’ kandidati idonei tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2026. Il-validità tagħha tista’ tiġi estiża b’deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra. Jekk tiġi estiża, il-kandidati li isimhom ikun ġie mniżżel fil-lista jiġu informati fi żmien debitu.

Il-kandidati li jirnexxu jiġu infurmati individwalment bir-riżultati tagħhom u l-lista ta’ kandidati idonei tiġi ppubblikata fuq is-sit web uffiċjali tal-Parlament Ewropew.

Jekk tirċievi offerta ta’ impjieg, tintalab tippreżenta d-dokumenti oriġinali kollha meħtieġa, inklużi d-diplomi u ċ-ċertifikati tal-impjieg tiegħek, għal finijiet ta’ verifika.

Il-fatt li ismek jitniżżel fil-lista ta’ kandidati idonei ma jikkostitwix dritt jew garanzija ta’ reklutaġġ.

 

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Kif tapplika:

L-applikazzjoni tiegħek trid issir permezz tal-pjattaforma Apply4EP: https://apply4ep.gestmax.eu/search/index/lang/mt_MT

Jeħtieġlek taqra bir-reqqa l-Gwida għall-kandidati fil-kompetizzjonijiet organizzati mill-Parlament Ewropew qabel timla l-formola tal-applikazzjoni u tipprovdi d-dokumenti ġustifikattivi rilevanti.

Data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija

d-19 ta’ April 2023 fil-17.00, ħin ta’ Brussell

Malli tivvalida l-formola tal-applikazzjoni tiegħek, tintbagħatlek konferma awtomatikament.

Il-kandidati huma mitluba MA JAGĦMLUX KUNTATT BIT-TELEFON mas-servizzi tal-Parlament Ewropew biex jistaqsu dwar din il-kompetizzjoni.