This website uses cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue we assume that you consent to receive all cookies on all websites.
For further information, please click here >>.

PE/281/S/FINS - ANALISTI - SAP (AD6 / AD9)

Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 13/04/2023 17:00
Servizz : 11-Direction générale des finances
Ref. : PE/281/S/FINS - BUSINESS ANALYSTS - SAP (AD6 / AD9)
Gwida għall-kandidati :
Dikjarazzjoni :

Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-Gwida għall-kandidati annessa ma' dan l-avviż ta' reklutaġġ.

Din il-Gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta' reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.

 

WERREJ

A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELEĠIBILITÀ

B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

ANNESSI:     

GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA' SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

DIKJARAZZJONI

 

A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELEĠIBILITÀ

1. Kummenti ġenerali

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi, abbażi tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolamenti tal-Persunal), proċedura ta' selezzjoni għar-reklutaġġ ta' uffiċjali fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi (DĠ FINS).

Id-DĠ FINS qiegħed ifittex professjonisti b'għarfien u b'kapaċitajiet ta' livell għoli li jkunu jistgħu jassistu fil-ġestjoni u fiż-żamma tal-pjattaforma SAP S4HANA tal-Parlament Ewropew, taħt ir-responsabilità tad-Direttorat Ġenerali. Il-proċedura ta' selezzjoni prinċipalment għandha l-għan li timla pożizzjonijiet vakanti fi ħdan l-Unità taċ-Ċentru ta' Kompetenza FMS fil-Lussemburgu.

Ir-reklutaġġ se jsir fil-gradi AD 6 u AD 9.

Il-proċedura ta' selezzjoni għandha l-għan li tifforma lista ta' 10 kandidati li jirnexxu għal kull grad.

Għall-grad AD 9, l-ewwel skala, is-salarju bażiku huwa ta' EUR 8,786.88 fix-xahar.

Għall-grad AD 6, l-ewwel skala, is-salarju bażiku huwa ta' EUR 6,066.59 fix-xahar.

Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mir-Regolamenti tal-Persunal. Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se jiġu reklutati l-kandidati li jirnexxu madankollu tista' tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali tagħhom. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f'ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b'xi allowances.

Dan l-avviż jirrigwarda żewġ gradi (AD 6 u AD 9). Il-kandidati jistgħu japplikaw għal grad wieħed biss. Għalhekk, kif hemm indikat fit-Taqsima B.1. tal-avviż ta' reklutaġġ, il-kandidati għandhom l-obbligu li jagħżlu l-grad meta japplikaw online, u ma jistgħux ibiddlu l-għażla tagħhom wara l-validazzjoni tal-applikazzjoni online tagħhom.

Madankollu, soġġett għal ċerti kondizzjonijiet, il-bord ta' selezzjoni jista' jqassam mill-ġdid l-applikazzjonijiet għall-grad AD 9 u għall-grad AD 6.  Il-kondizzjonijiet tat-tqassim mill-ġdid huma stabbiliti fit-Taqsima B.1. tal-avviż ta' reklutaġġ.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

 

2. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

2.1. Unità taċ-Ċentru ta' Kompetenza FMS

Il-missjoni prinċipali tad-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi (DĠ FINS) tikkonsisti f'li jagħti s-setgħa lill-Parlament Ewropew biex jiġġestixxi b'mod responsabbli l-baġit tal-UE u l-baġit tiegħu stess.

Għal dan il-għan, id-DĠ FINS jiżgura:

  • il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew;
  • it-trasparenza fir-rigward tal-użu ta' tali baġit;
  • l-appoġġ lill-atturi politiċi tal-Parlament fil-ġestjoni finanzjarja.

Id-DĠ FINS jiżviluppa ambjent tax-xogħol semplifikat għall-partijiet ikkonċernati mil-lat finanzjarju biex jiffaċilitalhom iwettqu l-kompiti finanzjarji tagħhom. F'dan il-kuntest, l-Unità taċ-Ċentru ta' Kompetenza FMS assumiet ir-responsabilità tal-implimentazzjoni u taż-żamma tas-Sistema ta' Ġestjoni Finanzjarja (FMS) tal-Parlament Ewropew.

L-FMS ilha parti mill-panorama tal-applikazzjonijiet finanzjarji tal-Parlament Ewropew minn Jannar 2020. Tintegra l-eżekuzzjoni tal-baġit, il-kontabbiltà finanzjarja, il-ġestjoni tal-kuntratti, il-ġestjoni tal-inventarju u l-kontabbiltà tal-kostijiet fi strument wieħed.

It-tranżizzjoni lejn l-FMS ippermettiet lill-Parlament Ewropew:

  • jirrazzjonalizza, jistandardizza u jawtomatizza l-proċessi baġitarji u finanzjarji ewlenin;
  • itejjeb il-viżibilità u d-disponibilità tal-informazzjoni essenzjali biex jittieħdu deċiżjonijiet għal-livell maniġerjali superjuri u medju;
  • jeżerċita kontroll aħjar tar-riżorsi disponibbli (umani, informatiċi u finanzjarji).

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-FMS dan l-aħħar evolva biex jinkorpora oqsma ġodda li jkopru proċessi oħrajn, pereżempju l-kalkolu tar-remunerazzjonijiet, tal-allowances u tal-pensjonijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew u l-ħolqien ta' rapporti finanzjarji maniġerjali ġodda.

 

2.2. Kompiti

L-Unità taċ-Ċentru ta' Kompetenza FMS se tkun l-unità prinċipali li fiha l-kandidati li jirnexxu se jiġu reklutati. L-analisti li jiġu reklutati mistennijin jwettqu, bl-Ingliż, diversi kompiti fost dawn li ġejjin għall-implimentazzjoni u/jew għaż-żamma tas-sistemi SAP ġestiti mill-unità: 

  • id-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet tal-proċessi fil-pjattaforma S4HANA Finanzi u Akkwist. L-għarfien tal-istrumenti S4HANA HCM and BW4HANA, użati wkoll mill-Parlament Ewropew, jitqies vantaġġ;
  • il-ġbir tar-rekwiżiti tas-settur u t-trasformazzjoni tagħhom f'soluzzjonijiet funzjonali;
  • ir-razzjonalizzazzjoni tal-proċessi SAP, bl-allinjament tagħhom mar-rekwiżiti tas-settur;
  • il-proġettazzjoni tal-integrazzjonijiet SAP mal-applikazzjonijiet legacy tal-klijenti;
  • it-teħid ta' azzjonijiet neċessarji għaż-żamma tal-applikazzjonijiet SAP (ammeljoramenti, titjib, korrezzjonijiet, eċċ.);
  • it-twettiq ta' testijiet funzjonali; il-ġestjoni tat-testijiet tal-aċċettazzjoni min-naħa tal-utenti finali;
  • l-għoti ta' appoġġ lill-utenti, inkluż it-taħriġ professjonali;
  • il-parteċipazzjoni fil-koordinament u fis-superviżjoni tax-xogħol li jikkonsenjaw il-fornituri esterni;
  • l-għoti ta' kontribut fl-eżekuzzjoni tal-proġetti rikjesti għat-tlestija tal-pjanijiet strateġiċi tad-Direttorat Ġenerali, b'mod partikolari użu futur potenzjali tas-soluzzjonijiet cloud, u l-integrazzjoni effiċjenti mal-prodotti SAP il-ġodda.

 

2.3. Ħiliet mitluba

Il-kandidati li jirnexxu jkollhom juru l-ħiliet u l-kompetenzi li ġejjin fl-eżekuzzjoni tal-kompiti speċifikati qabel:

  • il-kapaċità li jikkomunikaw b'mod ċar u preċiż bl-Ingliż, kemm bil-fomm kif ukoll bil-kitba;
  • il-kapaċità li jidentifikaw l-fatti kritiċi fi kwistjonijiet kumplessi u jiżviluppaw soluzzjonijiet kreattivi u prattiċi;
  • il-kapaċità li jaħdmu f'timijiet bi spirtu ta' kooperazzjoni, iħeġġu l-ksib ta' objettivi kondiviżi u l-iskambju tal-għarfien ma' kollegi oħra;
  • il-kapaċità li jħarrġu lill-utenti finali u jikkondividu magħhom l-għarfien b'mod effiċjenti;
  • il-kapaċità li jagħtu l-prijorità lill-aktar kompiti importanti u jorganizzaw il-volum ta' xogħol b'mod effiċjenti;
  • il-kapaċità li jaħdmu b'mod effikaċi taħt pressjoni u juru flessibilità biex jadattaw ruħhom għall-ambjent tax-xogħol f'evoluzzjoni; 
  • l-impuls li jieħdu l-inizjattiva u jagħmlu xogħol ta' kwalità għolja;
  • jikkonċentraw b'mod ċar fuq l-orjentament tal-klijent (internament u esternament).

 

3. Eleġibilità

Fid-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet, il-kandidati għandhom jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi li ġejjin:

(a)     Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-kandidati għandhom:

  • ikunu ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;
  • igawdu mid-drittijiet ċivili kollha;
  • ikunu ssodisfaw kull obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar is-servizz militari;
  • jistgħu joffru l-garanziji ta' moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

 

(b)     Rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità

(i)      Kwalifiki meħtieġa

Għall-grad AD 6:

Il-kandidati għandhom ikollhom livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ta' mill-inqas tliet snin, iċċertifikat b'diploma rikonoxxut uffiċjalment f'wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Għall-grad AD 9:

Il-kandidati għandhom ikollhom livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ta' mill-inqas erba' snin, iċċertifikat b'diploma rikonoxxut uffiċjalment f'wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

jew

livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ta' mill-inqas tliet snin, iċċertifikat b'diploma rikonoxxut uffiċjalment f'wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, segwit minn esperjenza professjonali ta' mill-inqas sena fil-qasam tal-proċedura ta' selezzjoni.

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru jew f'pajjiż terz, iridu jiġu rikonoxxuti minn organu uffiċjali ta' Stat Membru tal-UE, bħall-ministeru tal-edukazzjoni.

Il-kandidati detenturi ta' diplomi maħruġa f'pajjiż terz għandhom jattestaw l-ekwivalenza tad-diplomi tagħhom fl-UE. Aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki mhux tal-UE tinsab fin-networks ENIC-NARIC (https://www.enic-naric.net).

Il-bord ta' selezzjoni se jqis id-differenzi bejn is-sistemi edukattivi tal-Istati Membri.

Aktar informazzjoni tinsab fl-Anness 1 tal-Gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta' selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew.

(ii)     Esperjenza professjonali meħtieġa

Wara li jkunu kisbu l-kwalifiki li jagħtu aċċess għall-proċedura ta' selezzjoni (ara l-punt (i) ta' hawn fuq), il-kandidati għandhom ikunu kisbu l-esperjenza professjonali u l-għarfien tekniku fil-qasam tal-SAP.

  • Għall-grad AD 6: mill-inqas sentejn esperjenza professjonali b'rabta mal-kompiti msemmija hawn fuq (Taqsima 2.2.) fil-moduli tal-SAP fil-qasam tal-finanzi u tal-akkwist.
  • Għall-grad AD 9: mill-inqas 10 snin esperjenza professjonali b'rabta mal-kompiti msemmija hawn fuq (Taqsima 2.2.) fil-moduli tal-SAP fil-qasam tal-finanzi u tal-akkwist. Il-kandidati għandhom ikollhom esperjenza relatata mal-pjattaforma S4HANA fil-moduli tal-qasam tal-finanzi jew tal-akkwist ta' mill-inqas tliet snin (li tista' tiddaħħal fir-rekwiżit minimu ta' 10 snin, kif imsemmi hawn fuq).

(iii)     Għarfien lingwistiku

Il-kandidati jrid ikollhom għarfien komplut (mill-inqas ta' livell C1) ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż,

u

għarfien sodisfaċenti (mill-inqas ta' livell B2) tal-Ingliż (lingwa 2). Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1.  Jekk il-lingwa 1 ta' kandidat tkun l-Ingliż, il-lingwa 2 trid tkun kwalunkwe lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea (mill-inqas livell B2).

Il-kandidati għandhom ikunu jafu li l-livelli minimi meħtieġa hawn fuq japplikaw għal kull qasam ta' kapaċità lingwistika (taħdit, kitba, qari, smigħ) imsemmija fil-formola tal-applikazzjoni. Dawn il-kapaċitajiet jikkorrispondu għal dawk speċifikati fil-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi (https://europa.eu/europass/common-european-framework-reference-language-skills).

L-għażliet lingwistiċi għall-finijiet ta' din il-proċedura ta' selezzjoni ġew definiti skont l-interess tas-servizz. Fid-dawl tad-dmirijiet involuti, il-pożizzjoni ta' analista SAP titlob kapaċitajiet speċifiċi kif stabbiliti fit-Taqsima A.2. ta' dan l-avviż ta' reklutaġġ.

Kważi x-xogħol kollu tal-Unità taċ-Ċentru ta' Kompetenza FMS isir bl-Ingliż. L-Ingliż huwa l-lingwa użata fil-komunikazzjoni ma' direttorati ġenerali oħra tal-Parlament u mal-korpi politiċi tal-Parlament Ewropew kif ukoll mal-fornituri esterni tas-sistemi SAP. Barra minn hekk, l-Ingliż huwa l-lingwa użata fil-laqgħat u fil-produzzjoni ta' dokumenti funzjonali u tekniċi. Għaldaqstant, fl-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tagħhom u biex jiżguraw il-funzjonament korrett tas-servizz, il-kandidati rreklutati għandhom ikunu jistgħu jaħdmu u jikkomunikaw b'mod effettiv bl-Ingliż.

 

B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA

Il-proċedura hija organizzata abbażi ta' testijiet.

1. Ammissjoni

Il-bord ta' selezzjoni se jivvaluta l-applikazzjoni tiegħek fid-dawl tar-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità (Taqsima A.3.). Jekk tissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità, il-bord ta' selezzjoni se jammettik għall-proċedura ta' preselezzjoni. Il-bord jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun appoġġata minn dokumenti ġustifikattivi.

NB: fl-applikazzjoni online, il-kandidati għandhom jispeċifikaw il-grad li għalih qed japplikaw (AD 6 jew AD 9). Il-kandidati kollha għandhom itellgħu wkoll l-formola ta' dikjarazzjoni debitament mimlija fit-taqsima rilevanti tal-applikazzjoni. Jekk il-kandidati li japplikaw għall-grad AD 9 ma jippreżentawx dikjarazzjoni jew jekk id-dikjarazzjoni ma tkunx kompluta, l-applikazzjoni tagħhom titqies inammissibbli.

Għall-applikazzjonijiet għall-grad AD 9: huwa u jivverifika l-eleġibilità, il-bord ta' selezzjoni jista' jqassam mill-ġdid applikazzjoni għall-grad AD 6 jekk:

– id-dettalji li ngħataw fl-applikazzjoni jagħmluha ċara li l-kandidat ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' eleġibbiltà għall-grad AD 9, iżda jissodisfahom għall-grad AD 6;

u

– il-kandidat, fid-dikjarazzjoni, ikun ta l-kunsens tiegħu għat-tqassim mill-ġdid għall-grad AD 6. Il-kandidati għandhom ikunu jafu li, jekk ma titressaq l-ebda dikjarazzjoni jew jekk id-dikjarazzjoni ma tkunx kompluta, il-kandidati li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta' eleġibbiltà għall-grad AD 9 ma jistgħux jgħaddu għall-grad AD 6 u għalhekk ma jkunux ammessi għall-proċedura ta' selezzjoni.

 

2. Testijiet

a) Test ta' preselezzjoni b'mistoqsijiet b'għażla multipla (MCQs)

Jekk il-bord ta' selezzjoni jiddeċiedi l-ammissjoni għall-proċedura ta' selezzjoni, il-kandidati se jiġu mistiedna jagħmlu test ta' preselezzjoni fil-forma ta' sett ta' mistoqsijiet b'għażla multipla (MCQs) ibbażati fuq il-kompjuter, dment li jkunu ressqu l-fajl tal-applikazzjoni tagħhom:

– skont il-modalitajiet stabbiliti fit-Taqsima C, u

– sad-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet kif stabbilita fit-Taqsima C.

It-test MCQ jsir bl-Ingliż.

It-test MCQ jikkonsisti f'massimu ta' 30 mistoqsija maħsuba li jivvalutaw il-kapaċità tal-kandidati li jidentifikaw l-informazzjoni relatata mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet (Taqsima A.2). Il-punteġġ minimu meħtieġ huwa 50%.

It-test idum massimu ta' 45 minuta u jsir online.

b) Test bil-miktub

It-test bil-miktub jiġi organizzat bl-Ingliż u huwa maħsub biex jivvaluta l-idoneità tal-kandidati fir-rigward tal-kompiti speċifikati fid-deskrizzjoni tal-funzjonijiet (Taqsima A.2).

Il-bord ta' selezzjoni se jivvaluta mhux biss it-tweġibiet għat-test bil-miktub mil-lat tekniku, iżda wkoll se jevalwa l-kapaċità tal-kandidati fil-kitba ta' testi, b'attenzjoni partikolari għall-kapaċità li jikkomunikaw b'mod strutturat, loġiku u ċar.

It-test bil-miktub isir direttament wara t-test ta' preselezzjoni MCQ. Jekk il-kandidati ma jġibux mill-inqas il-punteġġ minimu fit-test ta' preselezzjoni MCQ, it-test bil-miktub ma jiġix kkoreġut.

It-test bil-miktub idum massimu ta' 120 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 60 punt (minimu meħtieġ: 30 punt).

It-test isir online.

L-20 kandidat, għal kull grad tal-proċedura ta' selezzjoni, li jkunu kisbu l-ogħla punteġġi fit-test bil-miktub jiġu mistiedna għat-test orali, bil-kondizzjoni li jkunu kisbu l-punteġġ minimu meħtieġ fit-test bil-miktub. Jekk ikun il-każ, il-bord ta' selezzjoni jqis il-kandidati ex aequo kollha għall-aħħar post disponibbli għal kull grad.

c) Testijiet orali

Intervista mal-bord ta' selezzjoni bl-Ingliż biex tiġi vvalutata l-idoneità tal-kandidati li jwettqu l-kompiti, kif ukoll il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom kif definiti fit-Taqsima A.2. (Deskrizzjoni tal-funzjonijiet), b'kont meħud tal-informazzjoni kollha li tinsab fil-fajl tal-applikazzjoni. Il-bord ta' selezzjoni se jivvaluta l-lingwa 1 tal-kandidati kollha li jiddikjaraw li l-lingwa 2 tagħhom hija l-Ingliż, u se jivvaluta wkoll il-lingwa l-oħra tal-kandidati li ddikjaraw li l-lingwa 1 tagħhom hija l-Ingliż.

Tul massimu: 45 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).

It-test orali jista' jiġi organizzat mill-bogħod.

Il-kandidati se jirċievu fi żmien xieraq l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet bil-miktub u orali. It-testijiet isiru f'data u f'ħin speċifiċi. Il-kandidati li ma jirrispondux għall-istedina, li ma jkunux jistgħu jiġu kkuntattjati bl-email jew li ma jkunux preżenti għat-test, jirriskjaw li jiġu skwalifikati. L-istruzzjonijiet mogħtija għandhom jiġu segwiti kelma b'kelma. In-nuqqas ta' rispett tal-istruzzjonjiet jew imġiba mhux konformi magħhom iwasslu għall-iskwalifika immedjata tal-kandidat.

 

3. Inklużjoni fil-lista tal-kandidati idonei

Il-bord ta' selezzjoni se tifforma, lista ta' 10 kandidati idonei għal kull grad tal-proċedura ta' selezzjoni, li tkun fiha l-ismijiet tal-kandidati eleġibbli li jkunu kisbu l-ogħla punteġġi kumplessivi. Il-punteġġ kumplessiv jikkonsisti mis-somma tan-numru ta' punti miksuba għat-test bil-miktub u għat-test orali, bil-kondizzjoni li l-kandidati jkunu kisbu l-punteġġ minimu meħtieġ f'kull wieħed mit-testijiet bil-miktub u orali. L-ismijiet tal-kandidati li jirnexxu jidhru, għal kull grad, f'ordni alfabetiku. Il-lista tista' tinkludi l-kandidati ex aequo kollha għall-aħħar post disponibbli għal kull grad.

Il-validità tal-lista tal-kandidati idonei tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2026. Il-validità tagħha tista' tiġi prorogata permezz ta' deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra. F'dan il-każ, il-kandidati mniżżla fil-lista se jkunu infurmati f'ħin utli.

Il-kandidati li jirnexxu jiġu infurmati individwalment bir-riżultati tagħhom u l-lista tal-kandidati idonei tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Parlament Ewropew.

Jekk jirċievu offerta ta' impjieg, il-kandidati jkollhom jippreżentaw, għal finijiet ta' verifika, il-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha meħtieġa, inklużi d-diplomi u ċ-ċertifikati tal-impjieg.

Il-fatt li isem il-kandidati jitniżżel fil-lista tal-kandidati idonei ma jikkostitwixxi la dritt u lanqas garanzija ta' reklutaġġ.

 

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Kif tapplika

L-applikazzjoni ssir permezz tal-pjattaforma Apply4EP:

https://apply4ep.gestmax.eu/search/index/lang/mt_MT

Aqra sew il-Gwida għall-kandidati fil-kompetizzjonijiet u fil-proċeduri ta' selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel ma timla l-formola tal-applikazzjoni u tibgħat id-dokumenti ġustifikattivi rilevanti.

Data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

it-13 ta' April 2023, fil-17.00, ħin tal-Lussemburgu.

Malli tivvalida l-formola tal-applikazzjoni tiegħek, tintbagħatlek konferma awtomatikament.

Il-kandidati huma mitluba MA JĊEMPLUX lis-servizzi tal-Parlament biex jitolbu informazzjoni dwar il-proċedura ta' selezzjoni.