Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-Gwida għall-kandidati annessa ma' dan l-avviż ta' reklutaġġ.
Din il-Gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta' reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.
WERREJ
A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELEĠIBILITÀ
B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
ANNESSI:
GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA' SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW
DIKJARAZZJONI
A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELEĠIBILITÀ
1. Kummenti ġenerali
Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi, abbażi tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolamenti tal-Persunal), proċedura ta' selezzjoni għar-reklutaġġ ta' uffiċjali fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi (DĠ FINS).
Id-DĠ FINS qiegħed ifittex professjonisti b'għarfien u b'kapaċitajiet ta' livell għoli li jkunu jistgħu jassistu fil-ġestjoni u fiż-żamma tal-pjattaforma SAP S4HANA tal-Parlament Ewropew, taħt ir-responsabilità tad-Direttorat Ġenerali. Il-proċedura ta' selezzjoni prinċipalment għandha l-għan li timla pożizzjonijiet vakanti fi ħdan l-Unità taċ-Ċentru ta' Kompetenza FMS fil-Lussemburgu.
Ir-reklutaġġ se jsir fil-gradi AD 6 u AD 9.
Il-proċedura ta' selezzjoni għandha l-għan li tifforma lista ta' 10 kandidati li jirnexxu għal kull grad.
Għall-grad AD 9, l-ewwel skala, is-salarju bażiku huwa ta' EUR 8,786.88 fix-xahar.
Għall-grad AD 6, l-ewwel skala, is-salarju bażiku huwa ta' EUR 6,066.59 fix-xahar.
Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mir-Regolamenti tal-Persunal. Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se jiġu reklutati l-kandidati li jirnexxu madankollu tista' tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali tagħhom. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f'ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b'xi allowances.
Dan l-avviż jirrigwarda żewġ gradi (AD 6 u AD 9). Il-kandidati jistgħu japplikaw għal grad wieħed biss. Għalhekk, kif hemm indikat fit-Taqsima B.1. tal-avviż ta' reklutaġġ, il-kandidati għandhom l-obbligu li jagħżlu l-grad meta japplikaw online, u ma jistgħux ibiddlu l-għażla tagħhom wara l-validazzjoni tal-applikazzjoni online tagħhom.
Madankollu, soġġett għal ċerti kondizzjonijiet, il-bord ta' selezzjoni jista' jqassam mill-ġdid l-applikazzjonijiet għall-grad AD 9 u għall-grad AD 6. Il-kondizzjonijiet tat-tqassim mill-ġdid huma stabbiliti fit-Taqsima B.1. tal-avviż ta' reklutaġġ.
Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.
2. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet
2.1. Unità taċ-Ċentru ta' Kompetenza FMS
Il-missjoni prinċipali tad-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi (DĠ FINS) tikkonsisti f'li jagħti s-setgħa lill-Parlament Ewropew biex jiġġestixxi b'mod responsabbli l-baġit tal-UE u l-baġit tiegħu stess.
Għal dan il-għan, id-DĠ FINS jiżgura:
Id-DĠ FINS jiżviluppa ambjent tax-xogħol semplifikat għall-partijiet ikkonċernati mil-lat finanzjarju biex jiffaċilitalhom iwettqu l-kompiti finanzjarji tagħhom. F'dan il-kuntest, l-Unità taċ-Ċentru ta' Kompetenza FMS assumiet ir-responsabilità tal-implimentazzjoni u taż-żamma tas-Sistema ta' Ġestjoni Finanzjarja (FMS) tal-Parlament Ewropew.
L-FMS ilha parti mill-panorama tal-applikazzjonijiet finanzjarji tal-Parlament Ewropew minn Jannar 2020. Tintegra l-eżekuzzjoni tal-baġit, il-kontabbiltà finanzjarja, il-ġestjoni tal-kuntratti, il-ġestjoni tal-inventarju u l-kontabbiltà tal-kostijiet fi strument wieħed.
It-tranżizzjoni lejn l-FMS ippermettiet lill-Parlament Ewropew:
Il-kamp ta' applikazzjoni tal-FMS dan l-aħħar evolva biex jinkorpora oqsma ġodda li jkopru proċessi oħrajn, pereżempju l-kalkolu tar-remunerazzjonijiet, tal-allowances u tal-pensjonijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew u l-ħolqien ta' rapporti finanzjarji maniġerjali ġodda.
2.2. Kompiti
L-Unità taċ-Ċentru ta' Kompetenza FMS se tkun l-unità prinċipali li fiha l-kandidati li jirnexxu se jiġu reklutati. L-analisti li jiġu reklutati mistennijin jwettqu, bl-Ingliż, diversi kompiti fost dawn li ġejjin għall-implimentazzjoni u/jew għaż-żamma tas-sistemi SAP ġestiti mill-unità:
2.3. Ħiliet mitluba
Il-kandidati li jirnexxu jkollhom juru l-ħiliet u l-kompetenzi li ġejjin fl-eżekuzzjoni tal-kompiti speċifikati qabel:
3. Eleġibilità
Fid-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet, il-kandidati għandhom jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi li ġejjin:
(a) Rekwiżiti ġenerali
Skont l-Artikolu 28 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-kandidati għandhom:
(b) Rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità
(i) Kwalifiki meħtieġa
Għall-grad AD 6:
Il-kandidati għandhom ikollhom livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ta' mill-inqas tliet snin, iċċertifikat b'diploma rikonoxxut uffiċjalment f'wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
Għall-grad AD 9:
Il-kandidati għandhom ikollhom livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ta' mill-inqas erba' snin, iċċertifikat b'diploma rikonoxxut uffiċjalment f'wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,
jew
livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ta' mill-inqas tliet snin, iċċertifikat b'diploma rikonoxxut uffiċjalment f'wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, segwit minn esperjenza professjonali ta' mill-inqas sena fil-qasam tal-proċedura ta' selezzjoni.
Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru jew f'pajjiż terz, iridu jiġu rikonoxxuti minn organu uffiċjali ta' Stat Membru tal-UE, bħall-ministeru tal-edukazzjoni.
Il-kandidati detenturi ta' diplomi maħruġa f'pajjiż terz għandhom jattestaw l-ekwivalenza tad-diplomi tagħhom fl-UE. Aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki mhux tal-UE tinsab fin-networks ENIC-NARIC (https://www.enic-naric.net).
Il-bord ta' selezzjoni se jqis id-differenzi bejn is-sistemi edukattivi tal-Istati Membri.
Aktar informazzjoni tinsab fl-Anness 1 tal-Gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta' selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew.
(ii) Esperjenza professjonali meħtieġa
Wara li jkunu kisbu l-kwalifiki li jagħtu aċċess għall-proċedura ta' selezzjoni (ara l-punt (i) ta' hawn fuq), il-kandidati għandhom ikunu kisbu l-esperjenza professjonali u l-għarfien tekniku fil-qasam tal-SAP.
(iii) Għarfien lingwistiku
Il-kandidati jrid ikollhom għarfien komplut (mill-inqas ta' livell C1) ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż,
u
għarfien sodisfaċenti (mill-inqas ta' livell B2) tal-Ingliż (lingwa 2). Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1. Jekk il-lingwa 1 ta' kandidat tkun l-Ingliż, il-lingwa 2 trid tkun kwalunkwe lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea (mill-inqas livell B2).
Il-kandidati għandhom ikunu jafu li l-livelli minimi meħtieġa hawn fuq japplikaw għal kull qasam ta' kapaċità lingwistika (taħdit, kitba, qari, smigħ) imsemmija fil-formola tal-applikazzjoni. Dawn il-kapaċitajiet jikkorrispondu għal dawk speċifikati fil-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi (https://europa.eu/europass/common-european-framework-reference-language-skills).
L-għażliet lingwistiċi għall-finijiet ta' din il-proċedura ta' selezzjoni ġew definiti skont l-interess tas-servizz. Fid-dawl tad-dmirijiet involuti, il-pożizzjoni ta' analista SAP titlob kapaċitajiet speċifiċi kif stabbiliti fit-Taqsima A.2. ta' dan l-avviż ta' reklutaġġ.
Kważi x-xogħol kollu tal-Unità taċ-Ċentru ta' Kompetenza FMS isir bl-Ingliż. L-Ingliż huwa l-lingwa użata fil-komunikazzjoni ma' direttorati ġenerali oħra tal-Parlament u mal-korpi politiċi tal-Parlament Ewropew kif ukoll mal-fornituri esterni tas-sistemi SAP. Barra minn hekk, l-Ingliż huwa l-lingwa użata fil-laqgħat u fil-produzzjoni ta' dokumenti funzjonali u tekniċi. Għaldaqstant, fl-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tagħhom u biex jiżguraw il-funzjonament korrett tas-servizz, il-kandidati rreklutati għandhom ikunu jistgħu jaħdmu u jikkomunikaw b'mod effettiv bl-Ingliż.
B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA
Il-proċedura hija organizzata abbażi ta' testijiet.
1. Ammissjoni
Il-bord ta' selezzjoni se jivvaluta l-applikazzjoni tiegħek fid-dawl tar-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità (Taqsima A.3.). Jekk tissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità, il-bord ta' selezzjoni se jammettik għall-proċedura ta' preselezzjoni. Il-bord jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun appoġġata minn dokumenti ġustifikattivi.
NB: fl-applikazzjoni online, il-kandidati għandhom jispeċifikaw il-grad li għalih qed japplikaw (AD 6 jew AD 9). Il-kandidati kollha għandhom itellgħu wkoll l-formola ta' dikjarazzjoni debitament mimlija fit-taqsima rilevanti tal-applikazzjoni. Jekk il-kandidati li japplikaw għall-grad AD 9 ma jippreżentawx dikjarazzjoni jew jekk id-dikjarazzjoni ma tkunx kompluta, l-applikazzjoni tagħhom titqies inammissibbli.
Għall-applikazzjonijiet għall-grad AD 9: huwa u jivverifika l-eleġibilità, il-bord ta' selezzjoni jista' jqassam mill-ġdid applikazzjoni għall-grad AD 6 jekk:
– id-dettalji li ngħataw fl-applikazzjoni jagħmluha ċara li l-kandidat ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' eleġibbiltà għall-grad AD 9, iżda jissodisfahom għall-grad AD 6;
u
– il-kandidat, fid-dikjarazzjoni, ikun ta l-kunsens tiegħu għat-tqassim mill-ġdid għall-grad AD 6. Il-kandidati għandhom ikunu jafu li, jekk ma titressaq l-ebda dikjarazzjoni jew jekk id-dikjarazzjoni ma tkunx kompluta, il-kandidati li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta' eleġibbiltà għall-grad AD 9 ma jistgħux jgħaddu għall-grad AD 6 u għalhekk ma jkunux ammessi għall-proċedura ta' selezzjoni.
2. Testijiet
a) Test ta' preselezzjoni b'mistoqsijiet b'għażla multipla (MCQs)
Jekk il-bord ta' selezzjoni jiddeċiedi l-ammissjoni għall-proċedura ta' selezzjoni, il-kandidati se jiġu mistiedna jagħmlu test ta' preselezzjoni fil-forma ta' sett ta' mistoqsijiet b'għażla multipla (MCQs) ibbażati fuq il-kompjuter, dment li jkunu ressqu l-fajl tal-applikazzjoni tagħhom:
– skont il-modalitajiet stabbiliti fit-Taqsima C, u
– sad-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet kif stabbilita fit-Taqsima C.
It-test MCQ jsir bl-Ingliż.
It-test MCQ jikkonsisti f'massimu ta' 30 mistoqsija maħsuba li jivvalutaw il-kapaċità tal-kandidati li jidentifikaw l-informazzjoni relatata mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet (Taqsima A.2). Il-punteġġ minimu meħtieġ huwa 50%.
It-test idum massimu ta' 45 minuta u jsir online.
b) Test bil-miktub
It-test bil-miktub jiġi organizzat bl-Ingliż u huwa maħsub biex jivvaluta l-idoneità tal-kandidati fir-rigward tal-kompiti speċifikati fid-deskrizzjoni tal-funzjonijiet (Taqsima A.2).
Il-bord ta' selezzjoni se jivvaluta mhux biss it-tweġibiet għat-test bil-miktub mil-lat tekniku, iżda wkoll se jevalwa l-kapaċità tal-kandidati fil-kitba ta' testi, b'attenzjoni partikolari għall-kapaċità li jikkomunikaw b'mod strutturat, loġiku u ċar.
It-test bil-miktub isir direttament wara t-test ta' preselezzjoni MCQ. Jekk il-kandidati ma jġibux mill-inqas il-punteġġ minimu fit-test ta' preselezzjoni MCQ, it-test bil-miktub ma jiġix kkoreġut.
It-test bil-miktub idum massimu ta' 120 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 60 punt (minimu meħtieġ: 30 punt).
It-test isir online.
L-20 kandidat, għal kull grad tal-proċedura ta' selezzjoni, li jkunu kisbu l-ogħla punteġġi fit-test bil-miktub jiġu mistiedna għat-test orali, bil-kondizzjoni li jkunu kisbu l-punteġġ minimu meħtieġ fit-test bil-miktub. Jekk ikun il-każ, il-bord ta' selezzjoni jqis il-kandidati ex aequo kollha għall-aħħar post disponibbli għal kull grad.
c) Testijiet orali
Intervista mal-bord ta' selezzjoni bl-Ingliż biex tiġi vvalutata l-idoneità tal-kandidati li jwettqu l-kompiti, kif ukoll il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom kif definiti fit-Taqsima A.2. (Deskrizzjoni tal-funzjonijiet), b'kont meħud tal-informazzjoni kollha li tinsab fil-fajl tal-applikazzjoni. Il-bord ta' selezzjoni se jivvaluta l-lingwa 1 tal-kandidati kollha li jiddikjaraw li l-lingwa 2 tagħhom hija l-Ingliż, u se jivvaluta wkoll il-lingwa l-oħra tal-kandidati li ddikjaraw li l-lingwa 1 tagħhom hija l-Ingliż.
Tul massimu: 45 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).
It-test orali jista' jiġi organizzat mill-bogħod.
Il-kandidati se jirċievu fi żmien xieraq l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet bil-miktub u orali. It-testijiet isiru f'data u f'ħin speċifiċi. Il-kandidati li ma jirrispondux għall-istedina, li ma jkunux jistgħu jiġu kkuntattjati bl-email jew li ma jkunux preżenti għat-test, jirriskjaw li jiġu skwalifikati. L-istruzzjonijiet mogħtija għandhom jiġu segwiti kelma b'kelma. In-nuqqas ta' rispett tal-istruzzjonjiet jew imġiba mhux konformi magħhom iwasslu għall-iskwalifika immedjata tal-kandidat.
3. Inklużjoni fil-lista tal-kandidati idonei
Il-bord ta' selezzjoni se tifforma, lista ta' 10 kandidati idonei għal kull grad tal-proċedura ta' selezzjoni, li tkun fiha l-ismijiet tal-kandidati eleġibbli li jkunu kisbu l-ogħla punteġġi kumplessivi. Il-punteġġ kumplessiv jikkonsisti mis-somma tan-numru ta' punti miksuba għat-test bil-miktub u għat-test orali, bil-kondizzjoni li l-kandidati jkunu kisbu l-punteġġ minimu meħtieġ f'kull wieħed mit-testijiet bil-miktub u orali. L-ismijiet tal-kandidati li jirnexxu jidhru, għal kull grad, f'ordni alfabetiku. Il-lista tista' tinkludi l-kandidati ex aequo kollha għall-aħħar post disponibbli għal kull grad.
Il-validità tal-lista tal-kandidati idonei tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2026. Il-validità tagħha tista' tiġi prorogata permezz ta' deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra. F'dan il-każ, il-kandidati mniżżla fil-lista se jkunu infurmati f'ħin utli.
Il-kandidati li jirnexxu jiġu infurmati individwalment bir-riżultati tagħhom u l-lista tal-kandidati idonei tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Parlament Ewropew.
Jekk jirċievu offerta ta' impjieg, il-kandidati jkollhom jippreżentaw, għal finijiet ta' verifika, il-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha meħtieġa, inklużi d-diplomi u ċ-ċertifikati tal-impjieg.
Il-fatt li isem il-kandidati jitniżżel fil-lista tal-kandidati idonei ma jikkostitwixxi la dritt u lanqas garanzija ta' reklutaġġ.
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
Kif tapplika
L-applikazzjoni ssir permezz tal-pjattaforma Apply4EP:
https://apply4ep.gestmax.eu/search/index/lang/mt_MT
Aqra sew il-Gwida għall-kandidati fil-kompetizzjonijiet u fil-proċeduri ta' selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel ma timla l-formola tal-applikazzjoni u tibgħat id-dokumenti ġustifikattivi rilevanti.
Data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet
Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:
it-13 ta' April 2023, fil-17.00, ħin tal-Lussemburgu.
Malli tivvalida l-formola tal-applikazzjoni tiegħek, tintbagħatlek konferma awtomatikament.
Il-kandidati huma mitluba MA JĊEMPLUX lis-servizzi tal-Parlament biex jitolbu informazzjoni dwar il-proċedura ta' selezzjoni.