This website uses cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue we assume that you consent to receive all cookies on all websites.
For further information, please click here >>.

PE/280/S/LINC - AĠENT TEMPORANJU - MANIĠER AMMINISTRATTIV (AD 7)

Post tax-xogħol : Brussell
Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 28/11/2022 12:00
Servizz : 10-Direction générale de la logistique et de l'interprétation pour les conférences
Ref. : PE/280/S/LINC - CADRE ADMINISTRATIF (AD 7)
Gwida għall-kandidati :

Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma' dan l-avviż ta' reklutaġġ.

Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta' reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.

 

WERREJ

A. FUNZJONIJIET U ELEĠIBILITÀ

B. PROĊEDURA

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-KOMPETIZZJONIJIET/PROĊEDURI TA' SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

 

A. FUNZJONIJIET U ELEĠIBILITÀ

  1. Kummenti ġenerali

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għall-pożizzjoni ta' aġent temporanju (AD 7) fid-Direttorat Ġenerali għal-Loġistika u l-Interpretazzjoni għall-Konferenzi, id-Direttorat għall-Organizzazzjoni tal-Konferenzi, fl-Unità tas-Servizzi tal-Konferenzi mill-Bogħod.

Il-profil imfittex huwa dak ta' amministratur/amministratriċi - maniġer amministrattiv - inkarigat(a):

  • mill-appoġġ u l-koordinament ta' laqgħat kumplessi bl-użu tal-pjattaforma ta' parteċipazzjoni multilingwi mill-bogħod;
  • mit-titjib tal-proċeduri ta' ħidma relatati mal-organizzazzjoni ta' laqgħat b'parteċipazzjoni multilingwi mill-bogħod jew b'interpretazzjoni simultanja mill-bogħod;
  • mill-koordinament tal-iżvilupp strateġiku ta' servizzi pprovduti permezz tal-pjattaforma.

Il-post tax-xogħol se jkun Brussell.

Il-kuntratt se jiġi konkluż għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 7, l-ewwel skala, b'salarju bażiku ta' EUR 6 568,39 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea. Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se jiġu reklutati l-persuni li jintgħażlu madankollu tista' tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta' dawn il-persuni. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f'ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b'xi allowances.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, l-etniċità, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

 

  1. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Id-Direttorat Ġenerali għal-Loġistika u l-Interpretazzjoni għall-Konferenzi (DĠ LINC) huwa l-pedament tas-servizzi ta' konferenza multilingwi fil-Parlament Ewropew. Il-missjoni tad-DĠ LINC hija li jagħti lill-Parlament Ewropew il-mezzi biex jilħaq l-objettivi politiċi tiegħu, billi jagħtih appoġġ lingwistiku, tekniku u loġistiku għal-laqgħat tiegħu bl-ogħla livell ta' professjonaliżmu u eċċellenza. Id-DĠ LINC jikkontribwixxi għal-leġittimità demokratika billi jgħin lill-Membri jwasslu l-messaġġi tagħhom fil-lingwi uffiċjali kollha, u dan jiżgura li l-ħidma leġiżlattiva ssir bla xkiel u tkun aċċessibbli għall-Ewropej kollha.

Id-Direttorat għall-Organizzazzjoni tal-Konferenzi tad-DĠ LINC jiffoka fuq l-għoti ta' servizzi tal-konferenzi għajr l-interpretazzjoni lill-organizzaturi ta' konferenzi u avvenimenti fil-Parlament Ewropew. Jiżgura li l-appoġġ amministrattiv, tekniku u loġistiku għall-organizzazzjoni ta' laqgħat, konferenzi u avvenimenti jingħata mingħajr xkiel u b'mod effikaċi.

Ibbażata Brussell, il-persuna reklutata bħala amministratur/amministratriċi - maniġer amministrattiv se tieħu ħsieb, taħt l-awtorità tas-superjur ġerarkiku tagħha u fil-qafas tal-programmi u tal-prijoritajiet definiti mill-korpi parlamentari u mill-ġerarkija tagħhom, il-kompiti ewlenin li ġejjin:

  • l-appoġġ u l-koordinament ta' laqgħat kumplessi bl-użu tal-pjattaforma ta' parteċipazzjoni multilingwi mill-bogħod;
  • il-ġestjoni tar-relazzjonijiet mal-fornitur tal-pjattaforma ta' parteċipazzjoni mill-bogħod, sabiex jiġi żgurat it-titjib kontinwu tas-servizz provdut;
  • il-koordinament tal-iżvilupp strateġiku tas-servizzi provduti mill-unità li tuża l-pjattaforma ta' parteċipazzjoni mill-bogħod;
  • it-tixrid tal-komunikazzjoni kollha interna u esterna u tad-dokumentazzjoni meħtieġa biex l-utenti tas-servizzi tad-DĠ LINC ikunu informati tajjeb, fosthom il-Membri u l-persunal;
  • il-promozzjoni ta' attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni;
  • l-appoġġ tal-ġestjoni ta' kuljum tat-tim responsabbli għall-faċilitazzjoni tal-laqgħat bl-użu tal-pjattaforma ta' parteċipazzjoni multilingwi mill-bogħod;
  • il-koordinament mal-interpreti (ippjanar, informazzjoni, segwitu, eċċ.).

It-twettiq ta' dawn il-funzjonijiet jirrikjedi kapaċitajiet ta' analiżi, ta' raġunament, ta' teħid ta' deċiżjonijiet u ta' kitba. L-amministratur/amministratriċi - maniġer amministrattiv se jkollu/jkollha wkoll juri/turi inizjattiva, kapaċità ta' adattament, orjentazzjoni qawwija favur il-klijenti u sens ta' antiċipazzjoni. Hu/hi jrid ikollu/ikollha wkoll ħiliet ta' ġestjoni ta' proġett u ta' negozjar. Se titqiegħed ukoll enfasi fuq il-ħila li dak li jkun jifhem problemi ta' natura differenti u ħafna drabi kumplessi, jirreaġixxi malajr għal tibdil fiċ-ċirkustanzi, jikkomunika b'effiċjenza bl-Ingliż, jaħdem regolarment bi skadenzi qosra, kemm individwalment kif ukoll f'tim, jadatta għal ambjent tax-xogħol Ewropew u/jew internazzjonali u li jittratta ma' interlokuturi fi kwalunkwe livell.

Il-lingwa ta' ħidma ewlenija hija l-Ingliż. Hija indispensabbli għall-ġestjoni tar-relazzjonijiet mal-fornitur tal-pjattaforma ta' parteċipazzjoni mill-bogħod u hija l-lingwa ewlenija użata fil-komunikazzjoni esterna mal-klijenti (b'mod partikolari mas-segretarjati tal-kumitati parlamentari u l-gruppi politiċi kif ukoll mal-Membri), fit-tfassil tad-dokumenti kollha, fl-attivitajiet ta' promozzjoni u fil-ġestjoni tat-tim.

Dawn il-funzjonijiet jeżiġu missjonijiet fil-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew (il-Lussemburgu u Strasburgu) u barra minnhom.

 

  1. Rekwiżiti ta' eleġibilità

Sal-limitu ta' żmien stabbilit għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, jeħtieġlek tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)     Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 12(2) tal-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari jeħtieġ li l-kandidati:

  • ikunu ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,
  • igawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom;
  • issodisfaw kull obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar is-servizz militari;
  • joffru l-garanziji ta' moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

(b)     Rekwiżiti speċifiċi

(i)      Kwalifiki u diplomi meħtieġa

Il-kandidati għandu jkollhom livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ta' tliet snin jew aktar, iċċertifikat b'diploma uffiċjalment rikonoxxuta f'wieħed mill-Istati Membri. Il-kumitat ta' selezzjoni se jqis, f'dan ir-rigward, id-differenzi fis-sistemi edukattivi. Eżempji ta' diplomi minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella fil-gwida għall-kandidati.

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru kif ukoll jekk maħruġa f'pajjiż mhux tal-UE, iridu jkunu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta' Stat Membru tal-Unjoni, bħall-ministeru tal-edukazzjoni ta' Stat Membru tal-Unjoni.

(ii)       Esperjenza professjonali meħtieġa

Minbarra l-kwalifiki meħtieġa skont it-taqsima A.3.(b) (i), il-kandidati jrid ikollhom mill-inqas 24 xahar ta' esperjenza professjonali f'qasam rilevanti għall-funzjonijiet deskritti fit-taqsima A.2.

(iii)     Għarfien lingwistiku

Il-kandidati jrid ikollhom għarfien komplut (livell C1) ta' lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż,

u

għarfien sodisfaċenti (livell B2) tal-Ingliż (lingwa 2). Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1. Jekk il-lingwa 1 tkun l-Ingliż, huwa meħtieġ għarfien sodisfaċenti (mill-inqas livell B2) ta' waħda mit-23 lingwa uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

Ta' min ifakkar li l-livelli minimi indikati hawn fuq japplikaw għal kull ħila lingwistika (taħdit, kitba, qari, smigħ) imsemmija fil-formola tal-applikazzjoni. Dawn il-ħiliet huma dawk inklużi fil-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi (https://europa.eu/europass/common-european-framework-reference-language-skills).

Il-kandidati huma informati li l-lingwa 2 (l-Ingliż) magħżula għall-finijiet ta' din il-proċedura ta' selezzjoni ġiet definita skont l-interess tas-servizz, li jeżiġi għarfien lingwistiku partikolari skont in-natura tal-funzjonijiet kif imsemmija fit-taqsima A.2 ta' dan l-avviż ta' reklutaġġ. Għaldaqstant, bl-għan li twettaq il-kompiti tagħha u tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-servizz, il-persuna reklutata trid tkun kapaċi taħdem u tikkomunika b'mod effikaċi bl-Ingliż. Fil-fatt, il-persuna reklutata trid tkun kapaċi tinteraġixxi mad-diversi segretarjati li jorganizzaw il-laqgħat b'parteċipazzjoni multilingwi mill-bogħod, ma' kollegi fid-diversi dipartimenti involuti fl-għoti ta' servizzi għal dawn il-laqgħat kif ukoll mal-fornituri tal-pjattaforma, u tikkomunika b'mod effikaċi ma' partijiet interni u esterni oħra kif ukoll mal-ġerarkija u l-kollegi fid-dipartiment. Dawn il-kompiti kollha jsiru prinċipalment bl-Ingliż.

 

Barra minn hekk, fl-interess ta' trattament indaqs u f'konformità mal-Artikolu 12(2)(e) tal-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-kandidati kollha, anki jekk ikollhom l-Ingliż bħala l-ewwel lingwa uffiċjali, huma mistennija jkollhom għarfien mill-inqas sodisfaċenti ta' lingwa oħra minn fost il-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

 

B. PROĊEDURA

Il-proċedura hija organizzata abbażi ta' kwalifiki u testijiet.

  1. Eleġibilità għall-proċedura ta' selezzjoni

Jekk

  • tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali ta' eleġibilità, u
  • ippreżentajt il-fajl tiegħek skont il-modalitajiet u qabel l-iskadenza stabbiliti,

il-kumitat ta' selezzjoni jeżamina l-fajl tiegħek fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità.

Jekk tissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità, il-kumitat ta' selezzjoni jqisek eleġibbli għall-proċedura ta' selezzjoni.

Biex jagħmel dan, il-kumitat jibbaża esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni u appoġġata minn dokumenti ġustifikattivi.

 

  1. Evalwazzjoni tal-kwalifiki

Abbażi ta' tabella ta' evalwazzjoni li tkun ġiet stabbilita minn qabel, il-kumitat ta' selezzjoni jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati eleġibbli għall-proċedura ta' selezzjoni u jistabbilixxi lista tal-aħjar 12-il kandidat, li jiġu mistiedna għat-test bil-miktub. Il-kumitat ta' selezzjoni jistieden lill-kandidati kollha b'marki indaqs għall-aħħar post disponibbli.

Waqt il-valutazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati, il-kumitat ta' selezzjoni jqis, b'mod partikolari, dawn l-elementi li ġejjin, li għandhom ikunu ġġustifikati fil-formola tal-applikazzjoni:

  • l-esperjenza miksuba fi ħdan u/jew ma' entitajiet politiċi;
  • l-esperjenza miksuba fl-organizzazzjoni ta' avvenimenti b'interpretazzjoni simultanja;
  • l-esperjenza miksuba fil-ġestjoni operazzjonali u prattika ta' pjattaformi ta' parteċipazzjoni multilingwi mill-bogħod;
  • l-esperjenza miksuba fit-tfassil u t-titjib ta' proċeduri ta' ħidma b'rabta mal-organizzazzjoni ta' laqgħat b'parteċipazzjoni multilingwi mill-bogħod;
  • l-esperjenza miksuba f'ambjent Ewropew u/jew internazzjonali.

Marka: minn 0 sa 20 punt.

 

  1. Testijiet

Test bil-miktub

a) Test tal-kitba bl-Ingliż, abbażi ta' fajl, maħsub biex jevalwa l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, kif ukoll il-kapaċità tiegħek ta' kitba u ta' sinteżi.

Tul ta' żmien tat-test: 3 sigħat.

Marka: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).

Dan it-test se jiġi organizzat mill-bogħod fuq il-kompjuter.

L-aħjar 6 kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fit-test bil-miktub jiġu mistiedna għat-testijiet orali, bil-kondizzjoni li jkunu kisbu l-marka minima meħtieġa. Il-kumitat ta' selezzjoni jistieden lill-kandidati kollha b'marki indaqs għall-aħħar post disponibbli.

Testijiet orali

b) Intervista mal-kumitat ta' selezzjoni bl-Ingliż, li permezz tagħha tkun tista' tiġi vvalutata l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fil-punt A.2, b'kunsiderazzjoni tal-elementi kollha mniżżlin fil-fajl tal-applikazzjoni. Il-kumitat ta' selezzjoni se jittestja wkoll l-lingwa li tkun iddikjarajt bħala l-lingwa 1, jew il-lingwa 2 jekk il-lingwa 1 tiegħek tkun l-Ingliż.

Tul massimu tat-test: 45 minuta.

Marka: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).

c) Test ta' diskussjoni fi grupp jew logħba ta' simulazzjoni tar-rwoli bl-Ingliż sabiex il-kumitat ta' selezzjoni jkun jista' jivvaluta l-kapaċitajiet tiegħek kif deskritti fit-taqsima A.2 ta' dan l-avviż ta' reklutaġġ, b'mod partikolari l-kapaċità ta' adattament, il-kapaċità ta' negozjar, il-kreattività, il-kapaċità ta' teħid ta' deċiżjonijiet kif ukoll l-imġiba tiegħek fi grupp jew f'sitwazzjoni partikolari.

It-tul tat-test ta' diskussjoni fi grupp se jiġi stabbilit mill-kumitat ta' selezzjoni skont il-kompożizzjoni definittiva tal-gruppi.

It-tul massimu tat-test tal-logħba ta' simulazzjoni tar-rwoli huwa 20 minuta.

Marka: minn 0 sa 20 punt (minimu meħtieġ: 10 punti).

Dawn it-testijiet jistgħu jiġu organizzati mill-bogħod.

Se tirċievi fi żmien xieraq l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet bil-miktub u orali. It-testijiet se jsiru f'data u f'ħin preċiżi. Jekk ma tirrispondix għall-istedina, jekk ma tkunx tista' tiġi kkuntattjat permezz tal-email jew jekk ma tippreżentax ruħek għal test, tiġi skwalifikat(a). Jekk jogħġbok segwi kelma b'kelma l-istruzzjonijiet mogħtija. Jekk ma ssegwix l-istruzzjonijiet jew jekk l-imġiba tiegħek ma tkunx konformi mal-istruzzjonijiet, tiġi skwalifikat(a) minnufih.

 

  1. Inklużjoni fil-lista tal-kandidati idonei

Il-lista ta' riżerva se tinkludi, skont l-ordni ta' mertu, l-ismijiet tat-tliet kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fil-proċedura kollha (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet) u li jkunu laħqu l-livell minimu meħtieġ f'kull wieħed minn dawn it-testijiet. Il-lista se tinkludi l-kandidati kollha b'marki indaqs għall-aħħar post disponibbli.

Se tiġi infurmat(a) personalment, bil-miktub, dwar ir-riżultati tiegħek.

Il-lista ta' riżerva tiġi ppubblikata fuq l-intranet tal-Parlament Ewropew.

Il-lista ta' riżerva tibqa' valida sal-31 ta' Diċembru 2026. Tista' tiġi estiża b'deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. F'dan il-każ, il-kandidati mniżżlin f'din il-lista ta' riżerva jiġu informati fi żmien debitu.

Jekk tirċievi offerta ta' impjieg, inti tintalab tippreżenta l-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha meħtieġa, b'mod partikolari d-diplomi u ċ-ċertifikati tal-impjieg tiegħek, sabiex tkun tista' ssir verifika.

Il-fatt li ismek jitniżżel fil-lista tal-kandidati idonei ma jikkostitwix dritt jew garanzija ta' reklutaġġ.

 

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Biex tapplika, irid ikollok kont fuq il-pjattaforma Apply4EP: https://apply4ep.gestmax.eu/search/index/lang/mt_MT. Jista' jkollok kont WIEĦED BISS. Biex tagħmel dan, ikklikkja fuq it-tab "Applika online" li tinsab fi tmiem il-paġna.

Jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-kompetizzjonijiet/proċeduri ta' selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel timla l-formola tal-applikazzjoni tiegħek u pprovdi d-dokumenti ġustifikattivi rilevanti.

 

Data ta' skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

it-28 ta' Novembru 2022 f'12.00, ħin ta' Brussell.

 

Tintbagħatlek konferma ta' riċevuta awtomatikament malli tivvalida l-formola tal-applikazzjoni tiegħek.

Jekk jogħġbok IĊĊEMPILX rigward il-kalendarju tal-proċedura.