This website uses cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue we assume that you consent to receive all cookies on all websites.
For further information, please click here >>.

PE/279/S - AĠENT TEMPORANJU - MANIĠER AMMINISTRATTIV (AD 9)

Post tax-xogħol : Brussell
Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 24/10/2022 12:00
Servizz : 00-Parlement Européen
Ref. : PE/279/S - CADRE ADMINISTRATIF, DOMAINE BUDGÉTAIRE (AD 9)
Gwida għall-kandidati :

Informazzjoni ġenerali

Qabel tapplika, aqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma' dan l-avviż.

Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta' reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.

 

WERREJ

A. FUNZJONIJIET U ELIĠIBBILTÀ

B. PROĊEDURA

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TAL-GĦAŻLA ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

 

A. FUNZJONIJIET U ELIĠIBBILTÀ

  1. Punti ġenerali

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għall-pożizzjoni ta' aġent temporanju (AD 9).

Il-profil imfittex huwa dak ta' maniġer amministrattiv fi Brussell.

Il-kuntratt jiġi konkluż għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jkun qed isir fil-grad AD 9, l-ewwel skala, b'salarju bażiku ta' EUR 8 408,50 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea. Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha jiġu reklutati l-persuni li jintgħażlu tista' tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta' dawn il-persuni. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f'ċerti kundizzjonijiet, jiżdied b'xi allowances.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

 

  1. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Il-persuna li tintgħażel tkun assenjata mas-Segretarjat tal-Bureau u tal-Kwesturi, li huwa inkarigat mit-tħejjija u s-segwitu tal-laqgħat ta' dawn iż-żewġ korpi ta' tmexxija, partikolarment fit-tħejjija ta' abbozzi ta' deċiżjonijiet, noti tekniċi, minuti, ittri ta' segwitu u komunikazzjonijiet lill-membri, kif ukoll il-fajls u d-dokumenti mqassma matul dawn il-laqgħat. Huwa responsabbli wkoll mill-organizzazzjoni tal-gruppi ta' ħidma kollha tal-Bureau u tal-Kwesturi. Is-Segretarjat huwa wkoll responsabbli mill-immaniġġjar ta' kuljum f'dak li għandu x'jaqsam ma' kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-korpi msemmija hawn fuq u l-korrispondenza tagħhom. Is-Segretarjat iżomm u jaġġorna wkoll il-Kompendju tar-Regoli, li jkun fih id-deċiżjonijiet adottati mill-Bureau, il-Konferenza tal-Presidenti u l-Kwesturi.

Il-persuna li tintgħażel ikollha l-inkarigu li tikkontribwixxi għat-tħejjija tal-laqgħat tal-Bureau u tal-Kwesturi, inklużi l-gruppi ta' ħidma tal-Bureau, partikolarment billi tipparteċipa fit-tħejjija tan-noti tal-President kif ukoll tan-noti tekniċi u l-minuti ta' dawn il-laqgħat. Tipparteċipa wkoll fit-tmexxija ta' grupp ta' ħidma tal-Bureau f'kollaborazzjoni mill-qrib mad-Direttorat Ġenerali responsabbli u l-Uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali. Il-persuna li tintgħażel ikollha wkoll l-inkarigu li tgħin lill-Kap tal-Unità fi kwistjonijiet relatati mal-attivitajiet u r-responsabbiltajiet tal-Bureau u l-Kwesturi. Il-persuna li tintgħażel trid tkun taf fil-fond l-ambjent politiku tal-Parlament Ewropew u l-ambjent tal-gruppi politiċi. Tkun trid turi għarfien tajjeb tal-ħiliet speċifiċi tal-Bureau u tal-Kwesturi kif ukoll tar-relazzjonijiet bejn id-diversi korpi ta' tmexxija.

Hija meħtieġa esperjenza professjonali ppruvata fil-qasam baġitarju, inkluża l-proċedura annwali tal-baġit tal-Unjoni Ewropea. Ħiliet eċċellenti fil-kitba bl-Ingliż kif ukoll għarfien tajjeb ħafna tal-proċeduri li jirregolaw l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-korpi governattivi tal-Parlament Ewropew u tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew huma indispensabbli. Il-persuna li tintgħażel irid ikollha ħiliet komunikattivi u interpersonali eċċellenti, diplomazija u diskrezzjoni, sostnuti minn esperjenza rilevanti. Il-ħila li taħdem bi skadenzi u skedi stretti hija neċessarja.

Il-kompiti prinċipali jkunu dawn li ġejjin:

  • tikkontribwixxi għat-tħejjija tal-laqgħat tal-Bureau u tal-Kwesturi, inklużi l-gruppi ta' ħidma tal-Bureau, partikolarment billi tipparteċipa fit-tħejjija tan-noti tal-presidenza kif ukoll fit-tħejjija ta' briefings, noti tekniċi, ittri ta' segwitu u minuti tal-laqgħat;
  • tipparteċipa fit-tmexxija ta' grupp ta' ħidma tal-Bureau f'kollaborazzjoni mill-qrib mad-Direttorat Ġenerali responsabbli;
  • issegwi l-fajls relatati mal-qasam baġitarju, inkluża l-proċedura annwali tal-baġit tal-Parlament Ewropew;
  • tfassal ittri varji u dokumenti oħra b'rabta mal-attivitajiet tal-unità;
  • tieħu ħsieb ir-relazzjonijiet mas-servizzi involuti u/jew ma' kontropartijiet fil-livell istituzzjonali;
  • tmexxi u tikkoordina proġetti speċifiċi.

Fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet, it-tħejjija ta' briefings, noti tekniċi, minuti u ittri ta' segwitu maħsuba għall-membri tal-Bureau u/jew għas-servizzi kompetenti tal-Parlament Ewropew issir bl-Ingliż, li jirrikjedi għarfien tajjeb ħafna tal-Ingliż u ħiliet ta' kitba b'din il-lingwa. F'għadd żgħir ħafna ta' każijiet, dan ix-xogħol isir bil-Franċiż, u għal din ir-raġuni l-għarfien tal-Franċiż ikun ta' vantaġġ.

Dawn il-funzjonijiet jirrikjedu l-ħiliet li ġejjin:

- kapaċità ta' analiżi u komprensjoni;

- kapaċità ta' organizzazzjoni u ppjanar;

- kapaċità ta' adattament;

- kapaċità komunikattiva;

- kunfidenzjalità/diskrezzjoni.

Huma previsti missjonijiet frekwenti fi Strasburgu u ħinijiet tax-xogħol flessibbli.

 

  1. Rekwiżiti ta' eliġibbiltà

Sal-iskadenza stabbilita għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, il-kandidati jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin: 

a) Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 12.2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-kandidati għandhom:

–          ikunu ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

–          igawdu d-drittijiet ċivili tagħhom,

–          ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet dwar is-servizz militari,

–          joffru l-garanziji morali mitluba għat-twettiq tal-funzjonijiet previsti.

b) Rekwiżiti speċifiċi 

i) Kwalifiki u diplomi meħtieġa

Il-kandidati jrid ikollhom:

  • livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ta' erba' snin jew aktar, iċċertifikat b'diploma rikonoxxuta uffiċjalment f'wieħed mill-Istati Membri,

jew

  • livell ta' edukazzjoni ta' mill-inqas tliet snin ta' studji universitarji ċċertifikati b'diploma rikonoxxuta uffiċjalment f'wieħed mill-Istati Membri, segwit minn esperjenza professjonali rilevanti ta' sena jew aktar.

Id-diplomi, sew dawk maħruġa fi Stat Membru u sew dawk maħruġa minn pajjiż terz, għandhom ikunu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta' Stat Membru tal-UE, bħall-Ministeru tal-Edukazzjoni ta' Stat Membru tal-UE.

Il-bord tal-għażla jqis, f'dan ir-rigward, id-differenzi fis-sistemi edukattivi. Eżempji ta' diplomi minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella fil-gwida għall-kandidati.

L-esperjenza professjonali mitluba fit-tieni inċiż ma titqiesx għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali meħtieġa fil-punt A.3.b) ii).     

ii) Esperjenza professjonali meħtieġa

Minbarra l-kwalifiki mitluba taħt A.3.b) i), irid ikollok mill-inqas 10 snin esperjenza professjonali f'qasam relatat man-natura tad-dmirijiet imsemmija fil-punt A.2, inklużi 6 snin jew aktar f'ambjent internazzjonali.

iii) Għarfien lingwistiku

Il-kandidati jrid ikollhom għarfien fil-fond (livell minimu C1) ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan jew l-Ungeriż,

u

għarfien sodisfaċenti (livell minimu B2) ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 2): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan jew l-Ungeriż.

Waħda mil-lingwi (lingwa 1 jew lingwa 2) trid tkun l-Ingliż.

L-għarfien tal-Franċiż ikun ta' vantaġġ.

Ta' min ifakkar li l-livelli minimi indikati hawn fuq japplikaw għal kull qasam ta' ħila lingwistika (taħdit, kitba, komprensjoni orali, komprensjoni tal-kitba) imsemmija fil-formola tal-applikazzjoni. Dawn il-ħiliet huma dawk inklużi fil-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi (https://europa.eu/europass/common-european-framework-reference-language-skills).

Il-kandidati huma infurmati li l-lingwa Ingliża hija essenzjali f'din il-proċedura tal-għażla u ġiet definita skont l-interess tas-servizz, li jeżiġi l-kwalifiki meħtieġa skont in-natura tal-funzjonijiet.

 

Il-persuna reklutata trid tkun kapaċi tifhem il-kompiti li jkollha tiżvolġi, tipproċessa l-fajls u tikkomunika b'mod effikaċi ma' persuni ġewwa u barra l-Parlament b'din il-lingwa. Mill-ittri kollha mibgħuta mis-Segretarjat tal-Bureau u tal-Kwesturi fl-2021, 94% kienu bl-Ingliż. Kważi l-bqija kollha tal-ittri kienu bil-Franċiż. Minn total ta' kważi 300 ittra, waħda biss inkitbet b'lingwa uffiċjali oħra.

 

B. PROĊEDURA

Il-proċedura hija organizzata abbażi ta' kwalifiki u testijiet.

  1. Eliġibbiltà għall-proċedura

Jekk

  • tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali ta' eliġibbiltà, u
  • tkun ippreżentajt il-fajl tiegħek skont il-modalitajiet u qabel l-iskadenza stabbiliti,

il-bord tal-għażla jeżamina l-fajl tiegħek fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi ta' eliġibbiltà.

Jekk tissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi ta' eliġibbiltà, il-bord iqisek eliġibbli għall-proċedura tal-għażla.

Il-bord joqgħod esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun sostnuta minn dokumenti ġustifikattivi.

 

  1. Evalwazzjoni tal-kwalifiki

Abbażi ta' tabella ta' evalwazzjoni li tkun ġiet stabbilita minn qabel, il-bord jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati eliġibbli għall-proċedura tal-għażla u jistabbilixxi lista tal-aħjar 12-il kandidat, li jiġu mistiedna għat-test bil-miktub. Il-bord iżomm lill-kandidati ex aequo kollha għall-aħħar post.

Huwa u jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati, il-bord iqis, b'mod partikolari, dawn l-elementi li ġejjin, li għandhom ikunu ġġustifikati fil-formola tal-applikazzjoni:

  • l-esperjenza miksuba fi ħdan u/jew ma' entitajiet politiċi;
  • esperjenza professjonali fil-qasam baġitarju;
  • esperjenza professjonali fit-tħejjija ta' briefings, noti tekniċi, minuti u ittri ta' segwitu;
  • esperjenza professjonali fit-tħejjija ta' laqgħat ta' livell għoli;
  • l-esperjenza miksuba f'ambjent Ewropew u/jew internazzjonali.

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.

 

  1. Testijiet

Test bil-miktub

Test f'żewġ partijiet:

a) test tal-kitba bl-Ingliż (lingwa 1 jew lingwa 2), abbażi ta' fajl, maħsub biex jevalwa l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, kif ukoll il-kapaċità tiegħek ta' kitba u ta' sinteżi;

b) test tal-kitba bil-lingwa uffiċjali tal-Unjoni (lingwa 1 jew lingwa 2) li tkun iddikjarajt minbarra l-Ingliż. L-iskop ta' dan it-test hu li jevalwa l-għarfien tal-proċeduri li jirregolaw l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-korpi governattivi tal-Parlament Ewropew u l-proċess deċiżjonali tiegħu.

Tul massimu tat-test: sagħtejn għal test a) u 30 minuta għal test b).

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).

Dan it-test isir online fuq il-kompjuter.

L-aħjar 6 kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fit-test bil-miktub jiġu mistiedna għat-testijiet orali, bil-kundizzjoni li jkunu kisbu l-marka minima meħtieġa.

Eżami orali

c) Intervista mal-bord tal-għażla bl-Ingliż, li permezz tagħha tkun tista' tiġi vvalutata l-kapaċità tal-kandidati li jwettqu l-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, b'kunsiderazzjoni tal-elementi kollha mniżżlin fil-fajl tal-applikazzjoni. Il-bord jeżamina wkoll l-għarfien lingwistiku tal-Franċiż, jekk dan ikun iddikjarat fil-formola tal-applikazzjoni.

Tul massimu tat-test: 45 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).

Dan it-test jista' jsir b'mod remot.

Tirċievi fi żmien debitu l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet bil-miktub u orali. It-testijiet isiru f'data u f'ħin preċiżi. Jekk ma tirrispondix għall-istedina, ma tkunx tista' tiġi kkuntattjat(a) permezz tal-email jew ma tersaqx għal xi test, tiġi skwalifikat(a). Jekk jogħġbok segwi kelma b'kelma l-istruzzjonijiet mogħtija. Jekk ma ssegwix l-istruzzjonijiet jew jekk l-imġiba tiegħek ma tkunx konformi mal-istruzzjonijiet, tiġi skwalifikat(a) minnufih.

 

  1. Inklużjoni fil-lista ta' kandidati idonei

Il-lista ta' kandidati idonei tinkludi, skont l-ordni ta' mertu, l-ismijiet tat-tliet kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fil-proċedura kollha (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet) u li jkunu laħqu l-livell minimu meħtieġ f'kull wieħed minn dawn it-testijiet. Il-lista tkun tinkludi l-kandidati ex aequo kollha fl-aħħar post.

Issir taf personalment bir-riżultati tiegħek permezz ta' komunikazzjoni bil-miktub.

Il-lista ta' kandidati idonei tiġi ppubblikata fuq l-intranet tal-Parlament Ewropew.

Il-lista ta' kandidati idonei tibqa' valida sal-31 ta' Diċembru 2026. Din tista' tiġi estiża b'deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. F'dan il-każ, il-kandidati mniżżlin fil-lista jiġu infurmati fi żmien debitu.

Jekk tirċievi offerta ta' impjieg, inti tintalab tippreżenta l-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha meħtieġa, b'mod partikolari d-diplomi u ċ-ċertifikati tal-impjieg tiegħek, sabiex tkun tista' ssir verifika.

Il-fatt li ismek jitniżżel fil-lista ta' riżerva ma jikkostitwix dritt jew garanzija ta' reklutaġġ.

 

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Biex tapplika, irid ikollok kont fuq il-pjattaforma Apply4EP: https://apply4ep.gestmax.eu/search/index/lang/mt_MT. Jista' jkollok kont WIEĦED BISS. Biex tagħmel dan, ikklikkja fuq it-tab "Applika online" f'qiegħ il-paġna.

Il-kandidati għandhom jaqraw bir-reqqa l-gwida għall-kandidati QABEL ma jimlew l-applikazzjoni tagħhom.

 

Skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet

Il-kandidati għandhom japplikaw online fuq il-pjattaforma Apply4EP sa mhux aktar tard minn:

l-24 ta' Ottubru 2022 f'12.00 (nofsinhar), ħin ta' Brussell

 

Il-kandidati huma mitluba MA JAGĦMLUX KUNTATT BIT-TELEFON biex jistaqsu dwar din il-kompetizzjoni.

Tintbagħatlek konferma ta' riċevuta awtomatikament malli tivvalida l-formola tal-applikazzjoni tiegħek.