Post tax-xogħol : Brussell
Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 24/10/2022 12:00
Servizz : 01-Uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali, Direttorat għall-Innovazzjoni u s-Servizzi Ċentrali
Ref. : PE/278/S - CADRE ADMINISTRATIF, PROFIL DIVERSITÉ (AD 9)
Gwida għall-kandidati : Guide for candidates

Qabel tapplika, aqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma' dan l-avviż.

Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta' reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.

 

WERREJ

A. FUNZJONIJIET U ELIĠIBBILTÀ

B. PROĊEDURA

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TAL-GĦAŻLA ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

 

A. FUNZJONIJIET U ELIĠIBBILTÀ

  1. Punti ġenerali

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għall-pożizzjoni ta' aġent temporanju (AD 9).

Il-profil imfittex huwa dak ta' maniġer amministrattiv fi Brussell.

Il-kuntratt jiġi konkluż għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jkun qed isir fil-grad AD 9, l-ewwel skala, b'salarju bażiku ta' EUR 8 408,50 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea. Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha jiġu reklutati l-persuni li jintgħażlu tista' tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta' dawn il-persuni. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f'ċerti kundizzjonijiet, jiżdied b'xi allowances.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

 

  1. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Il-persuna li tintgħażel tkun assenjata mas-Segretarjat tal-Bureau u tal-Kwesturi, li huwa inkarigat mit-tħejjija u s-segwitu tal-laqgħat ta' dawn iż-żewġ korpi ta' tmexxija, partikolarment fit-tħejjija ta' abbozzi ta' deċiżjonijiet, noti tekniċi, minuti, ittri ta' segwitu u komunikazzjonijiet lill-membri, kif ukoll il-fajls u d-dokumenti mqassma matul dawn il-laqgħat. Huwa responsabbli wkoll mill-organizzazzjoni tal-gruppi ta' ħidma kollha tal-Bureau u tal-Kwesturi. Is-Segretarjat huwa wkoll responsabbli mill-immaniġġjar ta' kuljum f'dak li għandu x'jaqsam ma' kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-korpi msemmija hawn fuq u l-korrispondenza tagħhom. Is-Segretarjat iżomm u jaġġorna wkoll il-Kompendju tar-Regoli, li jkun fih id-deċiżjonijiet adottati mill-Bureau, il-Konferenza tal-Presidenti u l-Kwesturi.

Il-persuna li tintgħażel ikollha l-inkarigu li tikkontribwixxi għat-tħejjija tal-laqgħat tal-Bureau u tal-Kwesturi, inklużi l-gruppi ta' ħidma tal-Bureau, partikolarment billi tipparteċipa fit-tħejjija tan-noti tal-President kif ukoll tan-noti tekniċi u l-minuti ta' dawn il-laqgħat. Tipparteċipa wkoll fit-tmexxija ta' grupp ta' ħidma tal-Bureau f'kollaborazzjoni mill-qrib mad-Direttorat Ġenerali responsabbli u l-Uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali. Il-persuna li tintgħażel ikollha wkoll l-inkarigu li tgħin lill-Kap tal-Unità fi kwistjonijiet relatati mal-attivitajiet u r-responsabbiltajiet tal-Bureau u l-Kwesturi. Il-persuna li tintgħażel trid tkun taf fil-fond l-ambjent politiku tal-Parlament Ewropew u l-ambjent tal-gruppi politiċi. Tkun trid turi għarfien tajjeb tal-ħiliet speċifiċi tal-Bureau u tal-Kwesturi kif ukoll tar-relazzjonijiet bejn id-diversi korpi ta' tmexxija.

Hija meħtieġa esperjenza professjonali ppruvata fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-inklużjoni u d-diversità. Ħiliet eċċellenti fil-kitba bl-Ingliż kif ukoll għarfien tajjeb ħafna tal-proċeduri li jirregolaw l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-korpi governattivi tal-Parlament Ewropew u tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew huma indispensabbli. Il-persuna li tintgħażel irid ikollha ħiliet komunikattivi u interpersonali eċċellenti, diplomazija u diskrezzjoni, sostnuti minn esperjenza rilevanti. Il-ħila li taħdem bi skadenzi u skedi stretti hija neċessarja.

Il-kompiti prinċipali jkunu dawn li ġejjin:

  • tikkontribwixxi għat-tħejjija tal-laqgħat tal-Bureau u tal-Kwesturi, inklużi l-gruppi ta' ħidma tal-Bureau, partikolarment billi tipparteċipa fit-tħejjija tan-noti tal-presidenza kif ukoll fit-tħejjija ta' briefings, noti tekniċi, ittri ta' segwitu u minuti tal-laqgħat;
  • tipparteċipa fit-tmexxija ta' grupp ta' ħidma tal-Bureau f'kollaborazzjoni mill-qrib mad-Direttorat Ġenerali responsabbli;
  • issegwi l-fajls relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-inklużjoni u d-diversità;
  • tfassal ittri varji u dokumenti oħra b'rabta mal-attivitajiet tal-unità;
  • tieħu ħsieb ir-relazzjonijiet mas-servizzi involuti u/jew ma' kontropartijiet fil-livell istituzzjonali;
  • tmexxi u tikkoordina proġetti speċifiċi.

Fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet, it-tħejjija ta' briefings, noti tekniċi, minuti u ittri ta' segwitu maħsuba għall-membri tal-Bureau u/jew għas-servizzi kompetenti tal-Parlament Ewropew issir bl-Ingliż, li jirrikjedi għarfien tajjeb ħafna tal-Ingliż u ħiliet ta' kitba b'din il-lingwa.  F'għadd żgħir ħafna ta' każijiet, dan ix-xogħol isir bil-Franċiż, u għal din ir-raġuni l-għarfien tal-Franċiż ikun ta' vantaġġ.

Dawn il-funzjonijiet jirrikjedu l-ħiliet li ġejjin:

- kapaċità ta' analiżi u komprensjoni;

- kapaċità ta' organizzazzjoni u ppjanar;

- kapaċità ta' adattament;

- kapaċità komunikattiva;

- kunfidenzjalità/diskrezzjoni.

Huma previsti missjonijiet frekwenti fi Strasburgu u ħinijiet tax-xogħol flessibbli.

 

  1. Rekwiżiti ta' eliġibbiltà

Sal-iskadenza stabbilita għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, il-kandidati jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

a) Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 12.2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-kandidati għandhom:

–          ikunu ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

–          igawdu d-drittijiet ċivili tagħhom,

–          ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet dwar is-servizz militari,

–          joffru l-garanziji morali mitluba għat-twettiq tal-funzjonijiet previsti.

b) Rekwiżiti speċifiċi

i) Kwalifiki u diplomi meħtieġa

Il-kandidati jrid ikollhom:

  • livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ta' erba' snin jew aktar, iċċertifikat b'diploma rikonoxxuta uffiċjalment f'wieħed mill-Istati Membri,

jew

  • livell ta' edukazzjoni ta' mill-inqas tliet snin ta' studji universitarji ċċertifikati b'diploma rikonoxxuta uffiċjalment f'wieħed mill-Istati Membri, segwit minn esperjenza professjonali rilevanti ta' sena jew aktar.

Id-diplomi, sew dawk maħruġa fi Stat Membru u sew dawk maħruġa minn pajjiż terz, għandhom ikunu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta' Stat Membru tal-UE, bħall-Ministeru tal-Edukazzjoni ta' Stat Membru tal-UE.

Il-bord tal-għażla jqis, f'dan ir-rigward, id-differenzi fis-sistemi edukattivi. Eżempji ta' diplomi minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella fil-gwida għall-kandidati.

L-esperjenza professjonali mitluba fit-tieni inċiż ma titqiesx għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali meħtieġa fil-punt A.3.b) ii).     

ii) Esperjenza professjonali meħtieġa

Minbarra l-kwalifiki mitluba taħt A.3.b) i), irid ikollok mill-inqas 10 snin esperjenza professjonali f'qasam relatat man-natura tad-dmirijiet imsemmija fil-punt A.2, inklużi 6 snin jew aktar f'ambjent internazzjonali.

iii) Għarfien lingwistiku

Il-kandidati jrid ikollhom għarfien fil-fond (livell minimu C1) ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan jew l-Ungeriż,

u

għarfien sodisfaċenti (livell minimu B2) ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 2): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan jew l-Ungeriż.

Waħda mil-lingwi (lingwa 1 jew lingwa 2) trid tkun l-Ingliż.

L-għarfien tal-Franċiż ikun ta' vantaġġ.

Ta' min ifakkar li l-livelli minimi indikati hawn fuq japplikaw għal kull qasam ta' ħila lingwistika (taħdit, kitba, komprensjoni orali, komprensjoni tal-kitba) imsemmija fil-formola tal-applikazzjoni. Dawn il-ħiliet huma dawk inklużi fil-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi (https://europa.eu/europass/common-european-framework-reference-language-skills).

Il-kandidati huma infurmati li l-lingwa Ingliża hija essenzjali f'din il-proċedura tal-għażla u ġiet definita skont l-interess tas-servizz, li jeżiġi l-kwalifiki meħtieġa skont in-natura tal-funzjonijiet.

 

Il-persuna reklutata trid tkun kapaċi tifhem il-kompiti li jkollha tiżvolġi, tipproċessa l-fajls u tikkomunika b'mod effikaċi ma' persuni ġewwa u barra l-Parlament b'din il-lingwa. Mill-ittri kollha mibgħuta mis-Segretarjat tal-Bureau u tal-Kwesturi fl-2021, 94% kienu bl-Ingliż. Kważi l-bqija kollha tal-ittri kienu bil-Franċiż. Minn total ta' kważi 300 ittra, waħda biss inkitbet b'lingwa uffiċjali oħra.

 

B. PROĊEDURA

Il-proċedura hija organizzata abbażi ta' kwalifiki u testijiet.

  1. Eliġibbiltà għall-proċedura

Jekk

  • tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali ta' eliġibbiltà, u
  • tkun ippreżentajt il-fajl tiegħek skont il-modalitajiet u qabel l-iskadenza stabbiliti,

il-bord tal-għażla jeżamina l-fajl tiegħek fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi ta' eliġibbiltà.

Jekk tissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi ta' eliġibbiltà, il-bord iqisek eliġibbli għall-proċedura tal-għażla.

Il-kumitat joqgħod esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun sostnuta minn dokumenti ġustifikattivi.

 

  1. Evalwazzjoni tal-kwalifiki

Abbażi ta' tabella ta' evalwazzjoni li tkun ġiet stabbilita minn qabel, il-bord jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati eliġibbli għall-proċedura tal-għażla u jistabbilixxi lista tal-aħjar 12-il kandidat, li jiġu mistiedna għat-test bil-miktub. Il-bord iżomm lill-kandidati ex aequo kollha għall-aħħar post.

Huwa u jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati, il-bord iqis, b'mod partikolari, dawn l-elementi li ġejjin, li għandhom ikunu ġġustifikati fil-formola tal-applikazzjoni:

  • l-esperjenza miksuba fi ħdan u/jew ma' entitajiet politiċi;
  • esperjenza professjonali fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-inklużjoni u d-diversità;
  • esperjenza professjonali fit-tħejjija ta' briefings, noti tekniċi, minuti u ittri ta' segwitu;
  • esperjenza professjonali fit-tħejjija ta' laqgħat ta' livell għoli;
  • l-esperjenza miksuba f'ambjent Ewropew u/jew internazzjonali.

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.

 

  1. Testijiet

Test bil-miktub

Test f'żewġ partijiet:

a) test tal-kitba bl-Ingliż (lingwa 1 jew lingwa 2), abbażi ta' fajl, maħsub biex jevalwa l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, kif ukoll il-kapaċità tiegħek ta' kitba u ta' sinteżi;

b) test tal-kitba bil-lingwa uffiċjali tal-Unjoni (lingwa 1 jew lingwa 2) li tkun iddikjarajt minbarra l-Ingliż. L-iskop ta' dan it-test hu li jevalwa l-għarfien tal-proċeduri li jirregolaw l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-korpi governattivi tal-Parlament Ewropew u l-proċess deċiżjonali tiegħu.

Tul massimu tat-test: sagħtejn għal test a) u 30 minuta għal test b).

minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).

Dan it-test isir online fuq il-kompjuter.

L-aħjar 6 kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fit-test bil-miktub jiġu mistiedna għat-testijiet orali, bil-kundizzjoni li jkunu kisbu l-marka minima meħtieġa.

Eżami orali

c) Intervista mal-bord tal-għażla bl-Ingliż, li permezz tagħha tkun tista' tiġi vvalutata l-kapaċità tal-kandidati li jwettqu l-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, b'kunsiderazzjoni tal-elementi kollha mniżżlin fil-fajl tal-applikazzjoni. Il-bord jeżamina wkoll l-għarfien lingwistiku tal-Franċiż, jekk dan ikun iddikjarat fil-formola tal-applikazzjoni.

Tul massimu tat-test: 45 minuta.

minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).

Dan it-test jista' jsir b'mod remot.

Tirċievi fi żmien debitu l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet bil-miktub u orali. It-testijiet isiru f'data u f'ħin preċiżi. Jekk ma tirrispondix għall-istedina, ma tkunx tista' tiġi kkuntattjat(a) permezz tal-email jew ma tersaqx għal xi test, tiġi skwalifikat(a). Jekk jogħġbok segwi kelma b'kelma l-istruzzjonijiet mogħtija. Jekk ma ssegwix l-istruzzjonijiet jew jekk l-imġiba tiegħek ma tkunx konformi mal-istruzzjonijiet, tiġi skwalifikat(a) minnufih.

 

  1. Inklużjoni fil-lista ta' kandidati idonei

Il-lista ta' kandidati idonei tinkludi, skont l-ordni ta' mertu, l-ismijiet tat-tliet kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fil-proċedura kollha (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet) u li jkunu laħqu l-livell minimu meħtieġ f'kull wieħed minn dawn it-testijiet. Il-lista tkun tinkludi l-kandidati ex aequo kollha fl-aħħar post.

Issir taf personalment bir-riżultati tiegħek permezz ta' komunikazzjoni bil-miktub.

Il-lista ta' kandidati idonei tiġi ppubblikata fuq l-intranet tal-Parlament Ewropew.

Il-lista ta' kandidati idonei tibqa' valida sal-31 ta' Diċembru 2026. Din tista' tiġi estiża b'deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. F'dan il-każ, il-kandidati mniżżlin fil-lista jiġu infurmati fi żmien debitu.

Jekk tirċievi offerta ta' impjieg, inti tintalab tippreżenta l-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha meħtieġa, b'mod partikolari d-diplomi u ċ-ċertifikati tal-impjieg tiegħek, sabiex tkun tista' ssir verifika.

Il-fatt li ismek jitniżżel fil-lista ta' riżerva ma jikkostitwix dritt jew garanzija ta' reklutaġġ.

 

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Biex tapplika, irid ikollok kont fuq il-pjattaforma Apply4EP: https://apply4ep.gestmax.eu/search/index/lang/mt_MT. Jista' jkollok kont WIEĦED BISS. Biex tagħmel dan, ikklikkja fuq it-tab "Applika online" f'qiegħ il-paġna.

Il-kandidati għandhom jaqraw bir-reqqa l-gwida għall-kandidati QABEL ma jimlew l-applikazzjoni tagħhom.

 

Skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet

Il-kandidati għandhom japplikaw online fuq il-pjattaforma Apply4EP sa mhux aktar tard minn:

l-24 ta' Ottubru 2022 f'12.00 (nofsinhar), ħin ta' Brussell.

 

Il-kandidati huma mitluba MA JAGĦMLUX KUNTATT BIT-TELEFON biex jistaqsu dwar din il-kompetizzjoni.

Tintbagħatlek konferma ta' riċevuta awtomatikament malli tivvalida l-formola tal-applikazzjoni tiegħek.