Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma' dan l-avviż ta' reklutaġġ.
Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta' reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.
WERREJ
A. FUNZJONIJIET U ELEĠIBILITÀ
B. PROĊEDURA
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA' SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW
A.FUNZJONIJIET U ELEĠIBILITÀ
Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għall-pożizzjoni ta' aġent temporanju (AD 7).
Il-profil mitlub huwa dak ta' amministratur / amministratriċi kuratur / kuratriċi tal-libreriji miftuħin għall-pubbliku (analista tematiku/a) fi Brussell.
Il-kuntratt se jiġi konkluż għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 7, l-ewwel skala, b'salarju bażiku ta' EUR 6 568,39 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea. Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se tiġi reklutata l-persuna li tintgħażel madankollu tista' tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta' din il-persuna. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f'ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b'xi allowances.
Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.
Id-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari (EPRS) jipprovdi lill-Membri tal-Parlament Ewropew, lill-kumitati parlamentari tiegħu u lill-Parlament Ewropew inġenerali, analiżijiet indipendenti, oġġettivi u affidabbli kif ukoll elementi ta' riċerka dwar suġġetti politiċi differenti marbuta mal-Unjoni Ewropea.
Id-Direttorat għal-Librerija u l-Istrumenti tal-Għarfien tal-EPRS jipprovdi lill-Membri u lill-persunal tal-Parlament Ewropew għażla kbira ta' kotba stampati u diġitali, rivisti, ġurnali, messaġġi uffiċjali, bażijiet ta' data u sorsi ta' informazzjoni oħra rilevanti għall-aspetti kollha tal-ħidma tal-Parlament Ewropew bħala istituzzjoni. Filwaqt li jimpenja ruħu li jaqsam il-bażi ta' għarfien tiegħu mal-pubbliku ġenerali, id-Direttorat iwieġeb il-mistoqsijiet taċ-ċittadini u jkabbar gradwalment il-kollezzjonijiet miftuħin għal kulħadd biex jgħin lill-għalliema, lir-riċerkaturi u lil dawk kollha li juru interess fl-Unjoni Ewropea, l-istorja tagħha, il-memorji tagħha u l-politiki tagħha.
Fi ħdan dan id-Direttorat, l-Unità tal-Libreriji għaċ-Ċittadini hija tim ta' madwar 12-il kollega bbażati fi Brussell u fil-Lussemburgu. L-Unità tal-Libreriji għaċ-Ċittadini hija inkarigata mill-ħolqien ta' librerija pubblika multilingwi kbira, il-Librerija taċ-Ċittadini għall-Ewropa fi Brussell, tiġġestixxi l-librerija tal-Parlament fil-Lussemburgu fejn il-kollezzjonijiet storiċi diġà huma miftuħin għall-pubbliku, u bħalissa qed toħloq spazju ta' qari għall-viżitaturi fi Strażburgu. L-Unità tiżviluppa wkoll sħubijiet ma' libreriji pubbliċi tar-riċerka kbar, fl-Ewropa u barra l-Ewropa, u tiżviluppa sħubijiet ma' pjattaformi kbar oħra ta' qari pubbliku, bħal pereżempju Europeana. Fl-aħħar nett, is-servizz jikkonserva, jarrikkixxi u jivvalorizza l-kollezzjoni storika tal-Parlament Ewropew, li partijiet minnha jmorru lura għall-bidu tal-kostruzzjoni Ewropea fis-snin ħamsin.
L-Unità tal-Libreriji għaċ-Ċittadini tixtieq timpjega kuratur / kuratriċi tal-libreriji miftuħin għall-pubbliku (analista tematiku/a) fi Brussell.
Il-persuna reklutata tkun inkarigata minn dawn il-kompiti prinċipali:
F'kollaborazzjoni mill-qrib mad-direttur tal-kollezzjonijiet u l-kap tal-unità responsabbli:
Dawn il-funzjonijiet jeħtieġu l-kompetenzi li ġejjin:
Il-ħolqien ta' Librerija taċ-Ċittadini għall-Ewropa fi Brussell, il-ġestjoni tal-librerija tal-Parlament fil-Lussemburgu, il-ħolqien ta' spazju tal-qari għall-viżitaturi fi Strażburgu u l-organizzazzjoni ta' eventi u wirjiet f'dawn is-siti ta' qari pubbliku jeħtieġu kuntatti frekwenti mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tat-tliet Stati li jospitaw il-Parlament Ewropew (Franza, il-Lussemburgu u l-Belġju). Il-pubbliku li għalih isiru l-wirjiet, it-taħriġ u s-seminars in situ jkun fil-biċċa l-kbira tiegħu pubbliku lokali ta' kull età: persuni li jitkellmu bil-Franċiż fi Brussell, fi Strażburgu u fil-Lussemburgu, persuni li jitkellmu bil-Ġermaniż fil-Lussemburgu u fi Strażburgu, u persuni li jitkellmu bl-Olandiż fi Brussell.
Sal-limitu ta' żmien stabbilit għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, il-kandidati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:
(a) Rekwiżiti ġenerali
Skont l-Artikolu 12.2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġlek:
(b) Rekwiżiti speċifiċi
(i) Kwalifiki u diplomi meħtieġa
Il-kandidati jeħtiġilhom ikollhom:
jew
Id-diplomi, li jkunu ngħataw fi Stat Membru jew f'pajjiż barra mill-UE, iridu jkunu rikonoxxuti minn entità uffiċjali ta' Stat Membru tal-Unjoni, bħall-ministeru tal-edukazzjoni ta' Stat Membru tal-Unjoni.
Il-kumitat ta' selezzjoni se jqis, f'dan ir-rigward, id-differenzi fis-sistemi edukattivi. Eżempji tad-diplomi minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella fil-gwida għall-kandidati.
L-esperjenza professjonali mitluba fit-tieni inċiż mhux se titqies għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali meħtieġa fil-punt A.3.(b) (ii).
(ii) Esperjenza professjonali meħtieġa
Minbarra l-kwalifiki meħtieġa fil-punt fil-punt A.3.(b) (i), il-kandidati jeħtiġilhom ikollhom mill-inqas sitt snin esperjenza professjonali f'qasam marbut man-natura tal-funzjonijiet imsemmija fil-punt A.2, li minnhom mill-inqas sentejn f'ambjent internazzjonali.
(iii) Għarfien lingwistiku
Il-kandidati jeħtiġilhom ikollhom għarfien komplut (livell minimu C1) ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż,
u
għarfien komplut (livell minimu C1) tal-lingwa Franċiża (lingwa 2). Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1. F'każ li l-Franċiż ikun il-lingwa 1, għarfien sodisfaċenti (livell minimu B2) ta' waħda mit-23 lingwa uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea huwa meħtieġ.
L-għarfien tal-Ġermaniż u/jew tal-Olandiż jirrappreżenta vantaġġ.
Ta' min ifakkar li l-livelli minimi indikati hawn fuq japplikaw għal kull qasam ta' ħila lingwistika (taħdit, kitba, komprensjoni orali, komprensjoni tal-kitba) imsemmija fil-formola tal-applikazzjoni. Dawn il-kapaċitajiet huma dawk inklużi fil-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi (https://europa.eu/europass/mt/common-european-framework-reference-language-skills).
Il-kandidati huma informati li l-lingwa 2 magħżula għall-finijiet ta' din il-proċedura ta' selezzjoni ġiet definita skont l-interess tas-servizz, li jeżiġi l-kwalifiki meħtieġa skont in-natura tal-funzjonijiet. Sabiex tkun tista' twettaq il-funzjonijiet tagħha, imsemmija fil-punt A.2 ta' dan l-avviż ta' reklutaġġ, u sabiex tiggarantixxi l-funzjonament tajjeb tas-servizz, il-persuna reklutata bħala aġent temporanju jeħtiġilha tkun kapaċi taħdem u tikkomunika b'mod effikaċi bil-Franċiż. Il-persuna reklutata jeħtiġilha tkun kapaċi tikkomunika b'mod effikaċi mal-interlokuturi interni u esterni b'din il-lingwa. Fil-fatt, il-Franċiż huwa l-lingwa prinċipali ta' komunikazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, u interlokuturi oħra tat-tliet pajjiżi li jospitaw il-Parlament Ewropew (Franza, il-Belġju u l-Lussemburgu), kif ukoll waħda mil-lingwi użata l-aktar fil-komunikazzjoni interna fil-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, fl-interess ta' trattament indaqs u fir-rispett tal-Artikolu 12, punt 2(e), tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-kandidati kollha, anki jekk ikollhom il-Franċiż bħala l-ewwel lingwa uffiċjali, huma mistennija jkollhom għarfien tal-inqas sodisfaċenti ta' lingwa oħra minn fost il-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea. |
B. PROĊEDURA
Il-proċedura hija organizzata abbażi ta' kwalifiki u testijiet.
Jekk
il-kumitat ta' selezzjoni jeżamina l-fajl tiegħek fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità.
Jekk tissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità, il-kumitat ta' selezzjoni jqisek eleġibbli għall-proċedura ta' selezzjoni.
Il-kumitat jibbaża esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun appoġġata minn dokumenti ġustifikattivi.
Abbażi ta' tabella ta' evalwazzjoni li tkun ġiet stabbilita minn qabel, il-kumitat ta' selezzjoni jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati eleġibbli għall-proċedura ta' selezzjoni u jistabbilixxi lista tal-aħjar 12-il kandidat, li jiġu mistiedna għat-testijiet. Il-kumitat ta' selezzjoni jqis il-kandidati kollha ex aequo għall-aħħar post disponibbli.
Huwa u jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati, il-kumitat ta' selezzjoni se jqis, b'mod partikolari, dawn l-elementi li ġejjin li għandhom ikunu ġġustifikati fil-formola tal-applikazzjoni:
Marka: minn 0 sa 20 punt.
Test bil-miktub
(a) Test tal-kitba bil-Franċiż, abbażi ta' fajl, maħsub biex jevalwa l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, kif ukoll il-kapaċità tiegħek ta' kitba u ta' sinteżi.
Tul massimu tat-test: 3 sigħat.
Marka: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).
Dan it-test se jiġi organizzat mill-bogħod fuq il-kompjuter.
Test orali
(b) Intervista mal-kumitat ta' selezzjoni bil-Franċiż, li permezz tagħha tkun tista' tiġi vvalutata l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fil-punt A.2, b'kunsiderazzjoni tal-elementi kollha mniżżlin fil-fajl tal-applikazzjoni. Il-kumitat ta' selezzjoni se jittestja wkoll il-lingwa li tkun iddikjarajt bħala l-lingwa 1 / bħala l-lingwa 2 jekk il-lingwa 1 tiegħek tkun il-Franċiż, u jista' jiddeċiedi li jittestja l-għarfien tiegħek tal-Olandiż u/jew tal-Ġermaniż, jekk tkun iddikjarajthom fil-formola tal-applikazzjoni.
Tul massimu tat-test: 45 minuta.
Marka: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).
Dan it-test jista' jiġi organizzat mill-bogħod.
Se tirċievi fi żmien xieraq l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet bil-miktub u orali. It-testijiet huma skedati f'data u f'ħin preċiżi. Jekk ma tirrispondix għall-istedina, jekk ma tkunx tista' tiġi kkuntattjat(a) permezz tal-email jew jekk ma tippreżentax ruħek għal test, tiġi skwalifikat(a). Jekk jogħġbok segwi kelma b'kelma l-istruzzjonijiet mogħtija. Jekk ma ssegwix l-istruzzjonijiet jew jekk l-imġiba tiegħek ma tkunx konformi mal-istruzzjonijiet, tiġi skwalifikat(a) minnufih.
Il-lista tal-kandidati idonei tinkludi, skont l-ordni ta' mertu, l-ismijiet tat-tliet kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fil-proċedura kollha (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet) u li jkunu laħqu l-livell minimu meħtieġ f'kull wieħed minn dawn it-testijiet. Il-lista tinkludi l-kandidati kollha ex aequo għall-aħħar post disponibbli.
Inti ssir taf personalment bir-riżultati tiegħek permezz ta' komunikazzjoni bil-miktub.
Il-lista tal-kandidati idonei tiġi ppubblikata fuq l-intranet tal-Parlament Ewropew.
Il-lista tal-kandidati idonei tibqa' valida sal-31 ta' Diċembru 2026. Din tista' tiġi estiża b'deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. F'dan il-każ, il-kandidati mniżżlin fil-lista tal-kandidati idonei jiġu informati fi żmien xieraq.
Jekk tirċievi offerta ta' impjieg, inti tkun mitlub(a) tippreżenta l-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha meħtieġa, b'mod partikolari d-diplomi u ċ-ċertifikati tal-impjieg tiegħek, sabiex tkun tista' ssir verifika.
Il-fatt li ismek jitniżżel fil-lista tal-kandidati idonei ma jikkostitwix dritt jew garanzija ta' reklutaġġ.
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
Biex tapplika, irid ikollok kont fuq il-pjattaforma Apply4EP : https://apply4ep.gestmax.eu/search/index/lang/mt_MT. Jista' jkollok kont WIEĦED BISS. Biex tagħmel dan, ikklikkja fuq it-tab "Applika Online" li tinsab fi tmiem il-paġna.
Il-kandidati jeħtiġilhom jaqraw bir-reqqa l-gwida għall-kandidati QABEL ma jimlew l-applikazzjoni tagħhom.
Skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet
Il-kandidati jeħtiġilhom japplikaw online fuq il-pjattaforma Apply4EP sa mhux aktar tard minn:
it-2 ta' Settembru 2022, f'12.00 (nofsinhar), ħin ta' Brussell
Il-kandidati huma mitluba MA JĊEMPLUX biex jiksbu informazzjoni dwar din il-proċedura ta' selezzjoni.
Tintbagħatlek konferma ta' riċevuta awtomatikament malli tivvalida l-formola tal-applikazzjoni tiegħek.