This website uses cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue we assume that you consent to receive all cookies on all websites.
For further information, please click here >>.

PE/274/S/CSG - AĠENT TEMPORANJU - AMMINISTRATUR MANIĠERJALI (AD 11)

Post tax-xogħol : Brussell
Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 02/09/2022 12:00
Servizz : 01-Cabinet du Secrétaire général
Ref. : PE/274/S/CSG - MANAGEMENT ADMINISTRATOR (AD 11)
Gwida għall-kandidati :

Informazzjoni ġenerali

Qabel tapplika, aqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma' dan l-avviż.  

Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta' reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.  

 

WERREJ

A. FUNZJONIJIET U ELIĠIBBILTÀ

B. PROĊEDURA

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA’ SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

 

A. FUNZJONIJIET U ELIĠIBBILTÀ

  1. Punti ġenerali

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għall-pożizzjoni ta' aġent temporanju (AD 11).

Il-profil imfittex huwa dak ta' amministratur maniġerjali fi Brussell.

Il-kuntratt se jiġi konkluż għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 11, l-ewwel skala, b'salarju bażiku ta' EUR 10 764,11 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea. Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha jiġu reklutati l-persuni li jintgħażlu tista' tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta' dawn il-persuni. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f'ċerti kundizzjonijiet, jiżdied b'xi allowances.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

 

  1. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Il-persuna li tintgħażel tkun assenjata mad-Direttur tal-Kabinett tas-Segretarju Ġenerali. Ir-rwol tagħha jkun li tipprovdi assistenza u pariri strateġiċi fl-oqsma kollha ta' responsabbiltà, partikolarment fir-rigward tas-Servizzi Ċentrali. Tkun involuta direttament fil-fajls ta' kuljum u fi proġetti strateġiċi. Barra minn hekk, tkun responsabbli mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' objettivi, pjanijiet ta' azzjoni u programmi ta' ħidma, tipparteċipa f'bosta laqgħat interni u esterni u tabbozza minuti, noti u opinjonijiet.

Għal dan il-għan huma neċessarji għarfien eċċellenti tal-Parlament Ewropew u esperjenza konfermata f'kabinett fil-livell politiku jew fil-maniġment superjuri ta' istituzzjoni Ewropea u fil-kooperazzjoni interistituzzjonali. Għarfien tajjeb ħafna tal-funzjonament tal-gruppi u l-partiti politiċi Ewropej ikun ta' vantaġġ. Il-persuna li tintgħażel irid ikollha ħiliet editorjali u analitiċi sodi kif ukoll ħiliet ta' koordinazzjoni u komunikazzjoni tajbin ħafna. Trid tkun flessibbli u tkun kapaċi tlaħħaq ma' ammont ta' xogħol li jvarja.

Tkun responsabbli wkoll għar-relazzjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali Belġjani fuq livell amministrattiv u politiku fid-diversi oqsma tal-attività tal-Parlament. Din ir-responsabbiltà tinvolvi kooperazzjoni, inkluż fl-ogħla livell, prinċipalment bil-Franċiż u l-Olandiż.

Huma previsti missjonijiet frekwenti f'postijiet tax-xogħol differenti u ħinijiet tax-xogħol flessibbli.

Il-kompiti prinċipali jkunu dawn li ġejjin:

-    tagħti pariri lill-ġerarkija fl-oqsma ta' kompetenza tal-entità, issegwi l-attivitajiet kollha tal-istruttura, twassal l-informazzjoni axxendenti u dixxendenti, tiffaċilita r-relazzjonijiet interdipartimentali;

-    tieħu ħsieb ir-relazzjonijiet mal-awtoritajiet Belġjani;

-    tħejji studji u opinjonijiet ta' livell għoli għall-attenzjoni tal-awtoritajiet politiċi u amministrattivi tal-istituzzjoni;

-    tkun inkarigata minn fajls speċifiċi (studji pluridimensjonali ta' natura teknika, amministrattiva, ġuridika, finanzjarja, baġitarja, eċċ.);

-    twettaq proġetti fuq medda ta' żmien medja u twila fil-qafas ta' politiki istituzzjonali;

-    tiżgura t-tħejjija tal-pjan ta' ħidma annwali għas-servizzi ċentrali;

-    tieħu ħsieb fajls sensittivi;

-    tikkontribwixxi għat-tħejjija u l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-entità (ġestjoni baġitarja, kuntratti ta' akkwist pubbliku, eċċ.);

-    takkumpanja/tirrappreżenta lill-ġerarkija f'diversi laqgħat interni u esterni, filwaqt li tippresjedi/jieħu sehem f'laqgħat amministrattivi,

 

Dawn il-funzjonijiet jirrikjedu l-ħiliet li ġejjin:

- kapaċità ta' ppjanar bil-quddiem;

- kapaċità ta' reazzjoni;

- approċċ metikoluż;

- kapaċità komunikattiva;

- kunfidenzjalità/diskrezzjoni;

- sens ta' diplomazija.

 

  1. Rekwiżiti ta' eliġibbiltà

Sal-iskadenza stabbilita għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, il-kandidati jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin: 

a) Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 12.2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-kandidati għandhom:

–          ikunu ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

–          igawdu d-drittijiet ċivili tagħhom;

–          ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet dwar is-servizz militari;

–          joffru l-garanziji morali mitluba għat-twettiq tal-funzjonijiet previsti.

 

b) Rekwiżiti speċifiċi 

i) Kwalifiki u diplomi meħtieġa

Il-kandidati jrid ikollhom:

  • livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ta' erba' snin jew aktar, iċċertifikat b'diploma rikonoxxuta uffiċjalment f'wieħed mill-Istati Membri.

jew

  • livell ta' edukazzjoni ta' mill-inqas tliet snin ta' studji universitarji ċċertifikati b'diploma rikonoxxuta uffiċjalment f'wieħed mill-Istati Membri, segwit minn esperjenza professjonali rilevanti ta' sena jew aktar.

Id-diplomi, sew dawk maħruġa fi Stat Membru u sew dawk maħruġa minn pajjiż terz, għandhom ikunu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta' Stat Membru tal-UE, bħall-Ministeru tal-Edukazzjoni ta' Stat Membru tal-UE.

Il-bord tal-għażla jqis, f'dan ir-rigward, id-differenzi fis-sistemi edukattivi. Eżempji ta' diplomi minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella fil-gwida għall-kandidati.

L-esperjenza professjonali mitluba fit-tieni inċiż ma titqiesx għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali meħtieġa fil-punt A.3.b) (ii).   

ii) Esperjenza professjonali meħtieġa

Minbarra l-kwalifiki mitluba taħt A.3.b) i), irid ikollok mill-inqas ħmistax-il sena esperjenza professjonali f'qasam relatat man-natura tad-dmirijiet imsemmija fil-punt A.2, inklużi seba' snin jew aktar f'ambjent internazzjonali.

iii) Għarfien lingwistiku

Il-kandidati jrid ikollhom għarfien fil-fond (livell minimu C1) ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż,

u

għarfien tajjeb ħafna (livell minimu C1) tal-Franċiż (lingwa 2). Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1. Jekk il-Franċiż huwa l-lingwa 1, jintalab għarfien sodisfaċenti (livell minimu B2) ta' waħda mit-23 lingwa uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

L-għarfien tal-Olandiż ikun ta' vantaġġ.

Ta' min ifakkar li l-livelli minimi indikati hawn fuq japplikaw għal kull qasam ta' ħila lingwistika (taħdit, kitba, komprensjoni orali, komprensjoni tal-kitba) imsemmija fil-formola tal-applikazzjoni. Dawn il-ħiliet huma dawk inklużi fil-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi (https://europa.eu/europass/select-language?destination=/node/1375).

Il-kandidati huma infurmati li l-lingwa 2 (il-Franċiż) magħżula għall-finijiet ta' din il-proċedura ġiet definita skont l-interess tas-servizz, li jeżiġi l-kwalifiki meħtieġa skont in-natura tal-funzjonijiet. Il-persuna reklutata trid tkun kapaċi tifhem il-kompiti li jkollha tiżvolġi, tipproċessa l-fajls u tikkomunika b'mod effikaċi ma' persuni ġewwa u barra l-Parlament b'din il-lingwa.

L-għarfien tal-Olandiż ikun ta' vantaġġ peress li l-Olandiż huwa waħda mil-lingwi amministrattivi ewlenin tal-awtoritajiet Belġjani (fil-livell nazzjonali u reġjonali). 

Barra minn hekk, fl-interess ta' trattament indaqs u b'rispett sħiħ tal-Artikolu 12(2)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-kandidati kollha, anki jekk ikollhom il-Franċiż bħala l-ewwel lingwa uffiċjali, huma mistennija jkollhom għarfien sodisfaċenti ta' lingwa oħra, li trid tkun differenti mill-Franċiż.

 

B. PROĊEDURA

Il-proċedura hija organizzata abbażi ta' kwalifiki u testijiet.

  1. Eliġibbiltà għall-proċedura

Jekk

  • tissodisfa r-rekwiżiti kollha ta' eliġibbiltà, u
  • ippreżentajt il-fajl tiegħek skont il-modalitajiet u qabel l-iskadenza stabbiliti,

il-bord tal-għażla jeżamina l-fajl tiegħek fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi ta' eliġibbiltà.

Jekk tissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi ta' eliġibbiltà, il-bord iqisek eliġibbli għall-proċedura tal-għażla.

Il-bord joqgħod esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun sostnuta minn dokumenti ġustifikattivi.

 

  1. Evalwazzjoni tal-kwalifiki

Abbażi ta' tabella ta' evalwazzjoni li tkun ġiet stabbilita minn qabel, il-bord jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati eliġibbli għall-proċedura tal-għażla u jistabbilixxi lista tal-aħjar 12-il kandidat, li jiġu mistiedna għat-test bil-miktub. Il-bord iżomm lill-kandidati ex aequo kollha għall-aħħar post.

Huwa u jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati, il-bord iqis, b'mod partikolari, dawn l-elementi li ġejjin, li għandhom ikunu ġġustifikati fil-formola tal-applikazzjoni:

  • esperjenza professjonali f'kabinett fil-livell politiku jew fil-maniġment superjuri ta' istituzzjoni Ewropea;
  • esperjenza professjonali fil-kooperazzjoni interistituzzjonali;
  • l-esperjenza miksuba f'ambjent Ewropew u/jew internazzjonali.

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.

 

  1. Testijiet

Test bil-miktub

a) Test tal-kitba bil-Franċiż, abbażi ta' fajl, maħsub biex jevalwa l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, kif ukoll il-kapaċità tiegħek ta' kitba u ta' sinteżi.

Tul massimu tat-test: 3 sigħat.

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).

Dan it-test isir fuq kompjuter.

L-aħjar 6 kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fit-test bil-miktub jiġu mistiedna għat-testijiet orali, bil-kundizzjoni li jkunu kisbu l-marka minima meħtieġa.

Eżami orali

b) Intervista mal-bord tal-għażla bil-Franċiż, li permezz tagħha tkun tista' tiġi vvalutata l-kapaċità tal-kandidati li jwettqu l-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, b'kunsiderazzjoni tal-elementi kollha mniżżlin fil-fajl tal-applikazzjoni. Il-bord jeżamina wkoll il-lingwa ddikjarata bħala lingwa 1 / lingwa 2 (jekk il-lingwa 1 tkun il-Franċiż) u jista' jiddeċiedi li jeżamina l-għarfien lingwistiku tal-Olandiż jekk dan ikun iddikjarat fil-formola tal-applikazzjoni.

Tul massimu tat-test: 45 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).

Dan it-test jista' jsir b'mod remot.

Tirċievi fi żmien debitu l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet bil-miktub u orali. It-testijiet isiru f'data u f'ħin preċiżi. Jekk ma tirrispondix għall-istedina, ma tkunx tista' tiġi kkuntattjat(a) permezz tal-email jew ma tippreżentax ruħek għal test, tiġi skwalifikat(a). Jekk jogħġbok segwi kelma b'kelma l-istruzzjonijiet mogħtija. Jekk ma ssegwix l-istruzzjonijiet jew l-imġiba tiegħek ma tkunx konformi mal-istruzzjonijiet, tiġi skwalifikat(a) minnufih.

 

  1. Inklużjoni fil-lista ta' riżerva

Il-lista ta' riżerva tinkludi, skont l-ordni ta' mertu, l-ismijiet tat-tliet kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fil-proċedura kollha (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet) u li jkunu laħqu l-livell minimu meħtieġ f'kull wieħed minn dawn it-testijiet. Il-lista tinkludi l-kandidati ex aequo kollha fl-aħħar post.

Issir taf personalment bir-riżultati tiegħek permezz ta' komunikazzjoni bil-miktub.

Il-lista ta' riżerva tiġi ppubblikata fuq l-intranet tal-Parlament Ewropew.

Il-lista ta' riżerva tibqa' valida sal-31 ta' Diċembru 2026. Din tista' tiġi estiża b'deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. F'dan il-każ, il-kandidati mniżżlin fil-lista ta' riżerva jiġu informati fi żmien debitu.

Jekk tirċievi offerta ta' impjieg, inti tintalab tippreżenta l-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha meħtieġa, b'mod partikolari d-diplomi u ċ-ċertifikati tal-impjieg tiegħek, sabiex tkun tista' ssir verifika.

Il-fatt li ismek jitniżżel fil-lista ta' riżerva ma jikkostitwix dritt jew garanzija ta' reklutaġġ.

 

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Biex tapplika, irid ikollok kont fuq il-pjattaforma Apply4EP: https://apply4ep.gestmax.eu/search/index/lang/mt_MT. Jista' jkollok kont WIEĦED BISS. Biex tagħmel dan, ikklikkja fuq it-tab "Applika online" f'qiegħ il-paġna.

Il-kandidati għandhom jaqraw bir-reqqa l-gwida għall-kandidati QABEL ma jimlew l-applikazzjoni tagħhom.

Skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet

Il-kandidati għandhom japplikaw online fuq il-pjattaforma Apply4EP sa mhux aktar tard minn:

it-2 ta' Settembru 2022 f'12.00 (nofsinhar), ħin ta' Brussell.

 

Il-kandidati huma mitluba MA JAGĦMLUX KUNTATT BIT-TELEFON biex jistaqsu dwar din il-kompetizzjoni.

Tintbagħatlek konferma ta' riċevuta awtomatikament malli tivvalida l-formola tal-applikazzjoni tiegħek.