This website uses cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue we assume that you consent to receive all cookies on all websites.
For further information, please click here >>.

PE/AD/272/TRAD - PROFESSJONIST(A) TAL-LINGWI U L-INTERKULTURALITÀ (AD 5)

Post tax-xogħol : Lussemburgu
Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 25/07/2022 17:00
Servizz : 09-Direction générale de la traduction
Ref. : AD/272/TRAD: INTERCULTURAL & LANGUAGE PROFESSIONAL AD 5
Gwida għall-kandidati :
Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet :

Qabel tapplika, aqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma' dan l-avviż. Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż tal-kompetizzjoni, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.

WERREJ

A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELIĠIBBILTÀ

B. ŻVOLĠIMENT TAL-KOMPETIZZJONI

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

ANNESSI:        GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-KOMPETIZZJONIJIET ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

                       EVALWAZZJONI TAL-KAPAĊITAJIET

 

A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELIĠIBBILTÀ

  1. Kummenti ġenerali

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li, abbażi tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iniedi kompetizzjoni miftuħa (AD 5) għar-reklutaġġ ta' uffiċjali fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni (DĠ TRAD).

Il-profil imfittex huwa dak ta' professjonist(a) tal-lingwi u l-interkulturalità għal-lingwi li ġejjin:

  1. Bulgaru (12-il kandidat li jirnexxu)
  2. Franċiż (12-il kandidat li jirnexxu)
  3. Malti (12-il kandidat li jirnexxu)
  4. Slovakk (12-il kandidat li jirnexxu)
  5. Żvediż (12-il kandidat li jirnexxu)

Għaldaqstant, dan l-avviż ikopri ħames lingwi. Tista' tirreġistra għal waħda minnhom biss. Trid tagħmel l-għażla tiegħek fil-mument tar-reġistrazzjoni online. Wara li tkun ivvalidajt il-formola tal-applikazzjoni elettronika, ma tkunx tista' tibdel din l-għażla.

Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 5, l-ewwel skala, b'salarju bażiku ta' EUR 5 130,98 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u għal tnaqqis ieħor previst mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha jiġu rreklutati l-persuni li jintgħażlu, madankollu, tista' tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali tagħhom. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f'ċerti kundizzjonijiet, jiżdied b'xi allowances.

Il-Parlament Ewropew iħaddan politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni familjari.

  1. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni (DĠ TRAD) jipprovdi servizzi ta' traduzzjoni lill-Parlament Ewropew biex jikkomunika fil-formati kollha, kemm stampati kif ukoll elettroniċi, bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea.

Id-dmirijiet tad-DĠ TRAD huma dawn li ġejjin:

  • jiżgura d-disponibbiltà, bil-lingwi uffiċjali jew operattivi kollha, tal-ġabra sħiħa ta' dokumenti li huma relatati mar-rwol tal-Parlament bħala koleġiżlatur u bħala waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, sabiex jiggarantixxi l-leġittimità u t-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv u baġitarju tal-Unjoni;
  • jippermetti lill-Parlament jirrispetta l-impenji li timponilu l-politika tal-multilingwiżmu, li hi maħsuba biex tiggarantixxi t-trattament indaqs tal-lingwi u li permezz tagħha ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jkunu jistgħu jikkomunikaw mal-istituzzjonijiet u jkollhom id-dokumenti maħruġa minn dawn l-istituzzjonijiet bil-lingwa tagħhom;
  • jagħmel it-testi aktar sempliċi u faċli aktar biex jinqraw permezz ta' lingwaġġ ċar sabiex il-Parlament isir aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini, inkluż bl-użu ta' formati ġodda, li jikkorrispondu għal kif se jkun il-qari fil-futur;
  • jassigura li s-servizzi kollha jingħataw bl-akbar effikaċja.

Id-DĠ TRAD għandu l-missjoni li jibni pontijiet bejn il-lingwi u l-kulturi differenti u li jippromwovi multilingwiżmu sostenibbli, li huwa komponent essenzjali tal-ideal demokratiku Ewropew.

Ibbażati l-Lussemburgu, il-professjonisti tal-lingwi u l-interkulturalità jiffaċilitaw il-komunikazzjoni, bil-lingwa materna tagħhom, bejn il-Parlament Ewropew u l-pubbliku ġenerali. Iridu jużaw lingwaġġ ċar fl-aspetti kollha ta' xogħolhom, filwaqt li jqisu l-kuntest kulturali tal-pajjiż(i) ikkonċernat(i). Huma jittraduċu u jillokalizzaw il-kontenut maħsub biex jinqara, jinstema' u jintwera, jirrevedu x-xogħol tal-kollegi tagħhom u jgħinu lill-awturi ta' dokumenti mhux leġiżlattivi fl-abbozzar u fl-editjar. Barra minn hekk, jadattaw il-kontenut għal-lingwa materna tagħhom. Huwa essenzjali li l-professjonisti tal-lingwi u l-interkulturalità jkunu jafu jaħdmu tajjeb fi grupp u jkollhom ħiliet interpersonali b'saħħithom għaliex huma jikkollaboraw mill-qrib ma' kollegi ta' unitajiet oħra tad-DĠ TRAD u, xi drabi, ikollhom kuntatt mas-servizzi li jressqu talbiet għax-xogħol.

Il-kompiti tal-professjonisti tal-lingwi u l-interkulturalità huma dawn li ġejjin:

  • jiffaċilitaw il-komunikazzjoni maċ-ċittadini b'lingwaġġ ċar, bil-lingwa materna tagħhom;
  • jittraduċu, jadattaw, jittranskreaw u jirrevedu t-tipi kollha ta' kontenut bil-lingwa materna tagħhom;
  • jaħdmu b'mill-anqas żewġ lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni fil-medjazzjoni lingwistika u interkulturali (pereżempju sottotitolar, adattament lingwistiku ta' kontenut awdjoviżiv, podcasts jew siti web);
  • jgħinu fl-abbozzar ta' dokumenti mhux leġiżlattivi;
  • jikkontribwixxu għat-taħriġ, għax-xogħol ta' terminoloġija u għall-iżvilupp ta' għodod tal-IT u tal-komunikazzjoni;
  • iżommu kuntatt regolari mas-servizzi li jressqu talbiet għax-xogħol;
  • jikkontribwixxu għall-proċess ta' assigurazzjoni u ta' kontroll tal-kwalità u jiżguraw ir-rispett ta' prattiki tajbin, b'mod li jassiguraw il-kwalità eċċellenti tal-kontenut prodott mid-DĠ TRAD.

Is-suġġetti kkonċernati, li ta' spiss ikunu kumplessi, ġeneralment jittrattaw kwistjonijiet politiċi, ġuridiċi, ekonomiċi, finanzjarji, xjentifiċi jew tekniċi u jkopru l-oqsma kollha tal-attività tal-Unjoni Ewropea.

It-twettiq ta' dawn il-kompiti jirrikjedi l-użu intensiv ta' għodod speċifiċi tal-IT u għodod relatati. Dan ix-xogħol jinvolvi wkoll il-medjazzjoni lingwistika u interkulturali permezz tat-traduzzjoni ta' kontenut awdjoviżiv u s-sottotitolar.

Il-funzjoni ta' professjonist(a) tal-lingwi u l-interkulturalità titlob mill-kandidati sens qawwi ta' adattament, kif ukoll il-ħila li jittrattaw problemi differenti u li ta' spiss ikunu kumplessi, li jirreaġixxu malajr għall-bidliet fiċ-ċirkostanzi u li jikkomunikaw b'mod effiċjenti. Il-kandidati jridu jkunu kapaċi jaħdmu regolarment b'mod intensiv, kemm waħedhom kif ukoll f'tim, f'ambjent ta' xogħol multikulturali. Fl-aħħar, irid ikollhom l-interess li jkomplu t-taħriġ professjonali tagħhom matul il-karriera tagħhom.

  1. Rekwiżiti ta' eliġibbiltà

Sad-data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, tkun trid tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)     Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, trid:

–          tkun ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

–          tkun tgawdi d-drittijiet ċivili tiegħek;

–          tkun issodisfajt kull obbligu impost mil-liġi f'dak li għandu x'jaqsam mas-servizz militari;

–          toffri l-garanziji morali mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

(b)     Rekwiżiti speċifiċi

(i)      Kwalifiki u diplomi meħtieġa

Irid ikollok livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ċertifikati b'diploma rikonoxxuta uffiċjalment f'wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni meta l-perjodu normali tal-istudji universitarji jkun, mill-inqas, ta' tliet snin.

Id-diplomi, sew jekk maħruġa fi Stat Membru tal-UE jew f'pajjiż terz, iridu jkunu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta' Stat Membru tal-Unjoni, bħall-Ministeru tal-Edukazzjoni ta' Stat Membru tal-UE. F'dan ir-rigward, il-bord iqis id-differenzi fis-sistemi edukattivi.

Tista' tirreferi b'mod speċjali għall-Anness I tal-gwida għall-kandidati fil-kompetizzjonijiet organizzati mill-Parlament Ewropew.

(ii)     Għarfien lingwistiku

Irid ikollok ħakma tajba ta', mill-inqas, tliet lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. F'dan l-avviż nirreferu għal-lingwi b'dan il-mod:

  • lingwa 1: lingwa prinċipali magħżula minn fost il-ħames lingwi ta' din il-kompetizzjoni (il-Bulgaru, il-Franċiż, il-Malti, is-Slovakk jew l-Iżvediż), għarfien perfett fil-livell ta' lingwa materna;
  • lingwa 2: l-Ingliż jew il-Franċiż, għarfien tajjeb ħafna (livell minimu C1). Jekk il-lingwa 1 tiegħek hija l-Franċiż, il-lingwa 2 trid tkun l-Ingliż;
  • lingwa 3: waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għarfien tajjeb ħafna (livell minimu C1). Il-lingwa 3 trid tkun differenti mil-lingwi 1 u 2.

Għal din il-kompetizzjoni, il-lingwi magħżula ġew definiti skont l-interess tas-servizz. Fil-fatt, il-pożizzjoni ta' professjonist(a) tal-lingwi u l-interkulturalità teżiġi kwalifiki speċjali minħabba n-natura tal-funzjonijiet, kif deskritti fil-punt A.2 ta' dan l-avviż ta' kompetizzjoni.

Konsegwentement, bil-għan li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom u jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-servizz tad-DĠ TRAD, il-persuni rreklutati jridu jkunu kapaċi jaħdmu u jikkomunikaw b'effiċjenza bi tliet lingwi.

B'mod aktar preċiż, il-Franċiż u l-Ingliż huma l-aktar żewġ lingwi li jintużaw fil-komunikazzjoni interna tad-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni, kif ukoll mad-direttorati ġenerali l-oħra u mal-korpi politiċi tal-Parlament Ewropew. Konsegwentement, biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom u jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-servizz, il-persuni rreklutati jridu jkunu kapaċi jaħdmu u jikkomunikaw b'effiċjenza b'waħda minn dawn iż-żewġ lingwi.

Barra minn hekk, l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi sors ewlenin tad-dokumenti li jkunu jridu jiġu tradotti: l-Ingliż jirrappreżenta madwar 80 % tad-dokumenti oriġinali, il-Franċiż 10 % u l-lingwi l-oħra kollha flimkien 10 %.

(iii)   Esperjenza professjonali meħtieġa

Mhi meħtieġa ebda esperjenza professjonali. Madankollu, kwalunkwe esperjenza professjonali li tkun ksibt esklużivament bil-lingwa 1, fil-qasam kopert minn din il-kompetizzjoni (ara l-lista ta' kompiti tal-professjonisti tal-lingwa u l-interkulturalità deskritti fil-punt "Deskrizzjoni tal-funzjonijiet"), tkun ta' vantaġġ.

 

B. ŻVOLĠIMENT TAL-KOMPETIZZJONI

Il-kompetizzjoni fiha żewġ fażijiet:

1. Fażi ta' preselezzjoni:

a. mistoqsijiet b'għażla multipla,

b. evalwazzjoni tal-kapaċitajiet.

2. Fażi ta' testijiet

  1. Fażi ta' preselezzjoni

(a) Mistoqsijiet b'għażla multipla (MCQ)

Tirċievi stedina għal test ta' preselezzjoni (MCQ) jekk tkun ippreżentajt il-fajl tal-applikazzjoni tiegħek:

- skont il-modalitajiet mitluba fil-punt C, u

- qabel l-iskadenza msemmija fil-punt C.

It-test MCQ isir bil-lingwa 2 (Ingliż jew Franċiż). Jekk il-lingwa 1 tiegħek hija l-Franċiż, it-test ikun bl-Ingliż.

It-test MCQ jkun fih massimu ta' 40 mistoqsija maħsuba biex jevalwaw il-ħila tiegħek li tidentifika informazzjoni relatata mal-valuri tal-Unjoni Ewropea u r-rwol tal-Parlament Ewropew. Il-kandidati jirċievu eżempji tal-mistoqsijiet fi żmien xieraq qabel id-data tat-test.

It-test idum massimu ta' 80 minuta u jsir online, fuq il-kompjuter.

(b) Evalwazzjoni tal-kapaċitajiet

Imla l-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet annessa mal-avviż tal-kompetizzjoni u daħħalha fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek. L-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet trid tkun ippreżentata bħala parti mill-applikazzjoni tiegħek sa mhux aktar tard mid-data u l-ħin tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjoni (punt C).

Jekk tiġi fost l-ewwel kandidati fit-test MCQ (għal dan l-iskop, il-bord iqis il-150 kandidat li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti f'dan it-test għal kull lingwa tal-kompetizzjoni; jekk ikun il-każ, il-bord iżomm għall-aħħar post disponibbli lill-kandidati ex aequo kollha mingħajr limitazzjoni), il-bord jevalwa t-tweġibiet tiegħek fl-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet u jistieden lill-aħjar 60 kandidat għal kull lingwa tal-kompetizzjoni għat-testijiet bil-miktub. Il-bord jista' japplika ponderazzjoni għal kull kriterju ta' evalwazzjoni. Il-punti miksuba għall-kriterji kollha jingħaddu sabiex jiġu identifikati l-kandidati li l-profil tagħhom jikkorrispondi l-aħjar għall-funzjonijiet li jridu jitwettqu.

Il-bord jibbaża l-evalwazzjoni tiegħu esklużivament fuq it-tweġibiet mogħtija fl-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet biex jidentifika l-aħjar 60 kandidat għal kull lingwa eliġibbli għat-testijiet bil-miktub. Wara din l-evalwazzjoni, il-bord jivverifika li l-kandidati jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi (punt A.3).

Jekk in-numru ta' kandidati reġistrati għal kull lingwa tal-kompetizzjoni ma jaqbiżx il-massimu ta' kandidati li għandhom jiġu mistiedna għat-testijiet bil-miktub, il-bord jista' jiddeċiedi li, għal-lingwa tal-kompetizzjoni kkonċernata, ma jorganizzax il-fażi ta' preselezzjoni u jistieden direttament lill-kandidati kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi (punt A.3) għat-testijiet bil-miktub.

  1. Testijiet

Testijiet tat-traduzzjoni u ta' kitba b'lingwaġġ ċar

(a) Traduzzjoni ta' test relatat mal-attivitajiet leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew mil-lingwa 2 għal-lingwa 1.

Tul massimu tat-test: 90 minuta, għal test ta' madwar 450 sa 500 kelma

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt – minimu meħtieġ: 20/40

It-testijiet (b) u (c) tal-kandidati li ma jkunux kisbu l-għadd minimu ta' punti f'dan it-test ma jiġux ikkoreġuti.

(b) Traduzzjoni ta' diskors jew komunikazzjoni għaċ-ċittadini mil-lingwa 3 għal-lingwa 1.

Tul massimu tat-test: 90 minuta, għal test ta' madwar 450 sa 500 kelma

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt – minimu meħtieġ: 20/40

It-test (c) tal-kandidati li ma jkunux kisbu l-għadd minimu ta' punti f'dan it-test ma jiġix ikkoreġut.

(c) Test tal-kitba: kitba b'lingwaġġ ċar, bil-lingwa 1, ta' test maħsub għaċ-ċittadini, minn dokument kumpless bil-lingwa 2. L-objettiv ta' dan it-test hu li jevalwa l-għarfien li għandek tal-lingwa 2 u l-ħila li tidentifika l-ideat essenzjali u tesprimihom b'lingwaġġ ċar bil-lingwa 1.

Tul massimu tat-test: 60 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt – minimu meħtieġ: 20/40

Dawn it-testijiet isiru online, fuq il-kompjuter.

L-24 kandidat, għal kull lingwa tal-kompetizzjoni, li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fit-testijiet bil-miktub jiġu mistiedna għat-testijiet orali, bil-kundizzjoni li jkunu kisbu l-għadd minimu ta' punti meħtieġa għal kull test. Jekk ikun il-każ, il-bord iżomm il-kandidati kollha ex aequo għall-aħħar post disponibbli għal kull lingwa.

Testijiet orali

(d) Intervista mal-bord bil-lingwi 1 u 2, li permezz tagħha l-bord ikun jista' jivvaluta l-ħila li għandek biex twettaq il-kompiti deskritti fil-punt "Deskrizzjoni tal-funzjonijiet" f'istituzzjoni Ewropea, b'kunsiderazzjoni tal-elementi kollha mniżżlin fil-fajl tal-applikazzjoni. Il-bord jista' jiddeċiedi li jeżamina l-għarfien ta' lingwi uffiċjali oħra ddikjarati fl-applikazzjoni tiegħek.

Tul massimu tat-test: 45 minuta

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt – minimu meħtieġ: 20/40

It-test (e) tal-kandidati li ma jkunux kisbu l-għadd minimu ta' punti fit-test (d) ma jiġix ikkoreġut.

(e) Test ta' diskussjoni fi grupp jew logħba ta' simulazzjoni tar-rwoli bil-lingwa 2, sabiex il-bord ikun jista' jivvaluta l-ħila ta' adattament, il-ħila ta' negozjar u ta' teħid ta' deċiżjonijiet, kif ukoll l-imġiba tiegħek fi grupp.

It-tul tat-test ta' diskussjoni fi grupp jiġi stabbilit mill-bord skont il-kompożizzjoni definittiva tal-gruppi.

It-tul massimu tat-test tal-logħba ta' simulazzjoni tar-rwoli huwa ta' 25 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt – minimu meħtieġ: 10/20

Dawn it-testijiet jistgħu jiġu organizzati mill-bogħod.

Tirċievi fi żmien xieraq l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet bil-miktub u orali. It-testijiet huma skedati f'data u ħin preċiżi. Jekk ma tirrispondix għall-istedina, ma tkunx tista' tiġi kkuntattjat(a) b'email jew ma tersaqx għal xi wieħed mit-testijiet, tiġi skwalifikat(a). Jekk jogħġbok segwi kelma b'kelma l-istruzzjonijiet mogħtija. Jekk ma ssegwix l-istruzzjonijiet jew l-imġiba tiegħek ma tkunx konformi mal-istruzzjonijiet, tiġi skwalifikat(a) minnufih.

  1. Inklużjoni fil-lista tal-kandidati idonei

Il-bord jistabbilixxi, għal kull lingwa tal-kompetizzjoni, lista tal-kandidati idonei li globalment ikunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fit-testijiet, kif indikat fil-punt A.1 "Kummenti ġenerali". Dawn il-marki jikkontribwixxu globalment għan-numru ta' punti miksuba għat-testijiet kollha bil-miktub u orali, dment li l-kandidati jkunu kisbu l-minimu meħtieġ f'kull wieħed minn dawn it-testijiet. Il-lista tista' tinkludi l-kandidati kollha ex aequo għall-aħħar post fil-lista għal kull lingwa. L-ismijiet tal-kandidati li jirnexxu jidhru f'ordni alfabetiku.

Il-lista tal-kandidati idonei tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2025. Tista' tiġi estiża b'deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. F'dan il-każ, il-kandidati mniżżlin fil-lista tal-kandidati idonei jiġu infurmati fi żmien debitu.

Il-kandidati jiġu infurmati individwalment bir-riżultati tagħhom u l-lista tal-kandidati idonei tiġi ppubblikata fuq is-sit web uffiċjali tal-Parlament Ewropew.

Jekk tirċievi offerta ta' impjieg, tintalab tippreżenta d-dokumenti oriġinali kollha meħtieġa, b'mod partikolari d-diplomi u ċ-ċertifikati tal-impjieg tiegħek, għal finijiet ta' verifika.

Il-fatt li ismek jitniżżel fil-lista tal-kandidati idonei ma jikkostitwix dritt jew garanzija ta' reklutaġġ.

 

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Kif tapplika:

L-applikazzjoni trid issir permezz tal-pjattaforma Apply4EP. https://apply4ep.gestmax.eu/search/index/lang/mt_MT

Aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-kompetizzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel timla l-formola tal-applikazzjoni u tipprovdi d-dokumenti ġustifikattivi rilevanti.

Data ta' skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

 

il-25 ta' Lulju 2022 fil-17.00, ħin tal-Lussemburgu

 

Malli tivvalida l-formola tal-applikazzjoni tiegħek, tintbagħatlek konferma awtomatikament.

Il-kandidati huma mitluba MA JAGĦMLUX KUNTATT BIT-TELEFON mas-servizzi tal-Parlament Ewropew biex jistaqsu dwar din il-kompetizzjoni.