This website uses cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue we assume that you consent to receive all cookies on all websites.
For further information, please click here >>.

PE/259/S - AĠENT TEMPORANJU, ASSISTENT(A) AMMINISTRATTIV(A) U TEKNIKU/A (AST 3)

Post tax-xogħol : Lussemburgu
Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 22/11/2021 12:00
Servizz : 08-Direction Générale des infrastructures et de la logistique
Ref. : PE/259/S - ASSISTANT(E) ADMINISTRATIF(VE) ET TECHNIQUE
Gwida għall-kandidati :

Informazzjoni ġenerali

Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma' dan l-avviż ta' reklutaġġ.

Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta' reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.

 

 

WERREJ

A. FUNZJONIJIET U ELEĠIBILITÀ

B. PROĊEDURA

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA' SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

 

 

A. FUNZJONIJIET U ELEĠIBILITÀ

1. Kummenti ġenerali

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għall-pożizzjoni ta' aġent temporanju (AST 3) fid-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika, id-Direttorat għal-Loġistika, l-Unità tal-Allokazzjoni tal-Uffiċċji u l-Ġarr.

Il-profil imfittex huwa dak ta' assistent(a) amministrattiv(a) u tekniku/a inkarigat(a) mill-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet kollha marbuta mal-allokazzjoni tal-uffiċċji u l-ġarr għall-utenti kollha tal-Parlament Ewropew fil-Lussemburgu.

Il-kuntratt se jiġi konkluż għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AST 3, l-ewwel skala, b'salarju bażiku ta' EUR 3,841.17 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea. Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se jiġu reklutati l-persuni li jintgħażlu madankollu tista' tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta' dawn il-persuni. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f'ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b'xi allowances.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

2. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Id-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika (DĠ INLO) jikkontribwixxi għall-ġestjoni tajba tal-infrastruttura u l-loġistika tal-postijiet tax-xogħol differenti tal-Parlament Ewropew.
Id-dmirijiet tad-DĠ INLO huma dawn li ġejjin:

  • il-ġestjoni tal-binjiet kollha okkupati mill-Parlament Ewropew fi Brussell, fil-Lussemburgu u fi Strasburgu, kif ukoll l-uffiċċji ta' kollegament fl-Istati Membri fil-livell tekniku u amministrattiv;
  • il-ġestjoni tas-servizzi tat-tagħmir u tas-servizzi inerenti għall-funzjonament ta' dawn il-binjiet;
  • il-ġestjoni tat-tagħmir (xiri, trasport, ġarr, servizz ta' kunsinja, catering, ħwienet għall-persunal, eċċ.) kif ukoll l-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat.

Ibbażata l-Lussemburgu, il-persuna reklutata se tikkontribwixxi għall-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet kollha marbuta mal-allokazzjoni tal-uffiċċji u l-ġarr relatat għall-utenti kollha tal-Parlament Ewropew. Imwettqa taħt l-awtorità tal-kap tal-unità u fil-qafas tal-programmi u tal-prijoritajiet definiti mill-korpi parlamentari u mill-ġerarkija tagħhom, il-kompiti se jinvolvu, partikolarment:

  • il-ġestjoni tal-ispazji u l-beni materjali: l-ippjanar u l-koordinazzjoni tal-ipproċessar u s-segwitu tat-talbiet għall-allokazzjoni tal-uffiċċji, il-ġarr, is-sistemazzjoni tal-uffiċċji bl-għamara għall-amministrazzjoni fil-Lussemburgu u l-koordinazzjoni mas-servizzi kkonċernati kollha;
  • is-superviżjoni u l-ottimizzazzjoni tal-ispazji ta' ħżin ta' materjal u għamara fit-tliet postijiet;
  • l-għoti ta' informazzjoni lid-diversi servizzi tekniċi (telekomunikazzjonijiet, persunal tal-ġarr) dwar tibdil fl-allokazzjoni tal-uffiċċji;
  • l-ipproċessar u s-segwitu tat-talbiet għall-interventi tekniċi tas-servizz.

It-twettiq ta' dawn il-funzjonijiet jeħtieġ, barra minn hekk, kapaċitajiet eċċellenti ta' organizzazzjoni, ta' koordinazzjoni u ta' inizjattiva biex jinstabu soluzzjonijiet vijabbli u kreattivi għat-talbiet ta' ġestjoni tal-ispazji. Għarfien prattiku komplut tal-loġistika kif ukoll tas-servizz għall-klijenti huwa essenzjali, kif ukoll għarfien tas-software użat fl-uffiċċji. Din il-funzjoni teżiġi kwalitajiet tajbin ħafna ta' komunikazzjoni u kapaċitajiet ta' ħidma f'tim.

Għandhom ikunu previsti missjonijiet frekwenti fil-postijiet tax-xogħol tal-Parlament Ewropew, kif ukoll bosta kuntatti interni u esterni.

Rekwiżiti ta' eleġibilità

3. Rekwiżiti ta' eleġibilità

Sal-limitu ta' żmien stabbilit għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, jeħtieġlek tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a) Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 12.2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġlek:

  • tkun ċittadin(a) ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,
  • tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek;
  • tkun issodisfajt kull obbligu impost mil-liġijiet dwar is-servizz militari;
  • toffri l-garanziji ta' moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

(b) Rekwiżiti speċifiċi

(i) Kwalifiki u diplomi meħtieġa

Irid ikollok:

  • livell ta' edukazzjoni postsekondarja muri b'diploma

jew

  • livell ta' edukazzjoni sekondarja muri b'diploma li tagħti aċċess għall-edukazzjoni postsekondarja u esperjenza professjonali ta' mill-inqas tliet snin relatata direttament man-natura tal-funzjonijiet

jew

  • taħriġ professjonali jew esperjenza professjonali ta' livell ekwivalenti għal erba' snin. Il-ġestjoni tal-binjiet okkupati mill-Parlament Ewropew tirrikjedi għarfien tad-direttorati, tas-servizzi u tal-klijenti. Barra minn hekk, il-ħafna tagħmir differenti jrid jiġi ċċekkjat, organizzat u assigurat. Din l-esperjenza professjonali, miksuba fil-prattika, hija wkoll utli, neċessarja u importanti biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz.

L-esperjenza professjonali mitluba fit-tieni u t-tielet inċiżi mhux se titqies għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali meħtieġa fil-punt A.3.b.(b)(ii).

(ii) Esperjenza professjonali meħtieġa

Wara l-kwalifiki jew l-esperjenza professjonali meħtieġa fil-punt A.3.(b)(i), trid tkun ksibt, esperjenza professjonali adatta ta' tul ta' żmien minimu ta' tliet snin fil-ġestjoni amministrattiva (allokazzjonijiet) u teknika (ġarr, sistemazzjoni u manutenzjoni) tal-ispazji.

(iii) Għarfien lingwistiku

Irid ikollok għarfien komplut (livell C1) ta' lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż,

u

għarfien sodisfaċenti (livell B2) tal-Ingliż jew tal-Franċiż (lingwa 2).
Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1.

Ta' min ifakkar li l-livelli minimi indikati hawn fuq japplikaw għal kull qasam ta' ħila lingwistika (taħdit, kitba, komprensjoni orali, komprensjoni tal-kitba) imsemmija fil-formola tal-applikazzjoni. Dawn il-ħiliet huma dawk inklużi fil-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi (https://europa.eu/europass/mt/common-european-framework-reference).

Il-kandidati huma informati li l-lingwi 2 (l-Ingliż u l-Franċiż) magħżulin għall-finijiet ta' din il-proċedura ta' selezzjoni ġew definiti skont l-interess tas-servizz, li jeżiġi l-kwalifiki meħtieġa skont in-natura tal-funzjonijiet. Il-persuna reklutata trid tkun kapaċi tifhem il-kompiti li jkollha tiżvolġi, tipproċessa l-fajls u tikkomunika b'mod effikaċi ma' persuni ġewwa u barra l-Parlament kif ukoll mal-ġerarkija u mal-kollegi. Dawn il-kompiti kollha jsiru fiż-żewġ lingwi.

B'konsegwenza ta' dan, bil-għan li twettaq il-kompiti u tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-servizz, il-persuna reklutata trid tkun kapaċi taħdem u tikkomunika b'mod effikaċi b'tal-anqas waħda minn dawn iż-żewġ lingwi.
Barra minn hekk, fl-interess ta' trattament indaqs, il-kandidati kollha, anki jekk ikollhom waħda minn dawn iż-żewġ lingwi bħala l-ewwel lingwa uffiċjali, huma mistennija jkollhom għarfien sodisfaċenti ta' lingwa oħra, li trid tkun l-oħra minn fost dawn iż-żewġ lingwi.

Eleġibilità għall-proċedura ta’ selezzjoni

B. PROĊEDURA

Il-proċedura hija organizzata abbażi ta' kwalifiki u testijiet.

1. Eleġibilità għall-proċedura ta' selezzjoni

Jekk

  • tissodisfa r-rekwiżiti kollha ta' eleġibilità, u
  • ippreżentajt il-fajl tiegħek skont il-modalitajiet u qabel l-iskadenza stabbiliti,

il-kumitat ta' selezzjoni jeżamina l-fajl tiegħek fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità.

Jekk tissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità, il-kumitat ta' selezzjoni jqisek eleġibbli għall-proċedura ta' selezzjoni.

Il-kumitat jibbaża esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun appoġġjata minn dokumenti ġustifikattivi.

Evalwazzjoni tal-kwalifiki

2. Evalwazzjoni tal-kwalifiki

Abbażi ta' tabella ta' evalwazzjoni li tkun ġiet stabbilita minn qabel, il-kumitat ta' selezzjoni jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati eleġibbli għall-proċedura ta' selezzjoni u jistabbilixxi lista tal-aħjar 12-il kandidat, li jiġu mistiedna għat-test bil-miktub.

Huwa u jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati, il-kumitat ta' selezzjoni se jqis, b'mod partikolari, dawn l-elementi li ġejjin li għandhom ikunu ġġustifikati fil-formola tal-applikazzjoni:

  • l-esperjenza professjonali fil-monitoraġġ u fl-allokazzjoni tal-ispazji tax-xogħol (uffiċċji) f'binjiet akbar minn 30,000 m2;
  • l-esperjenza professjonali fil-koordinazzjoni ta' attivitajiet ta' sistemazzjoni (inkluż il-ġarr) u b'mod partikolari fil-ġestjoni ta' tim;
  • l-esperjenza professjonali fil-ġestjoni tal-inventarji u tal-istokkijiet;
  • l-esperjenza miksuba ma' entitajiet interni jew esterni, pereżempju fornituri ta' servizz;
  • l-esperjenza miksuba fl-użu ta' applikazzjonijiet informatiċi relatati mal-ġestjoni tal-ispazji, tal-istokkijiet u tal-ġarr;
  • l-esperjenza miksuba f'ambjent internazzjonali u/jew multikulturali

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.

Testijiet

3. Testijiet

Test bil-miktub

a) Test tal-kitba bil-lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż), abbażi ta' fajl, maħsub biex jevalwa l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fil-punt A.2., kif ukoll il-kapaċità tiegħek ta' kitba.

Tul tat-test: 3 sigħat
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt)
Dan it-test se jiġi organizzat mill-bogħod fuq il-kompjuter.

L-aħjar 6 kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fit-test bil-miktub jiġu mistiedna għat-testijiet orali, bil-kondizzjoni li jkunu kisbu l-marka minima meħtieġa.

Testijiet orali

b) Intervista mal-kumitat ta' selezzjoni bil-lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż), li permezz tagħha tkun tista' tiġi vvalutata l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fil-punt A.2, b'kunsiderazzjoni tal-elementi kollha mniżżlin fil-fajl tal-applikazzjoni. Il-kumitat ta' selezzjoni jista' jiddeċiedi li jeżamina l-għarfien lingwistiku tiegħek kif iddikjarat fil-formola tal-applikazzjoni.

Tul massimu tat-test: 45 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).

c) Test ta' diskussjoni fi grupp jew logħba ta' simulazzjoni tar-rwoli bil-lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż), sabiex il-kumitat ta' selezzjoni jkun jista' jivvaluta l-kapaċità ta' adattament, il-kapaċità ta' negozjar, il-kreattività u l-kapaċità ta' teħid ta' deċiżjonijiet, kif ukoll l-imġiba tiegħek fi grupp jew f'sitwazzjoni.

It-tul tat-test ta' diskussjoni fi grupp se jiġi stabbilit mill-kumitat ta' selezzjoni skont il-kompożizzjoni definittiva tal-gruppi.
It-tul massimu tat-test tal-logħba ta' simulazzjoni tar-rwoli huwa 20 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (minimu meħtieġ: 10 punti).

Dawn it-testijiet se jiġu organizzati mill-bogħod.

Se tirċievi fi żmien xieraq l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet bil-miktub u orali. It-testijiet huma skedati f'data u f'ħin preċiżi. Jekk ma tirrispondix għall-istedina, jekk ma tkunx tista' tiġi kkuntattjat(a) permezz tal-email jew jekk ma tippreżentax ruħek għal test, tiġi skwalifikat(a). Jekk jogħġbok segwi kelma b'kelma l-istruzzjonijiet mogħtija. Jekk ma ssegwix l-istruzzjonijiet jew jekk l-imġiba tiegħek ma tkunx konformi mal-istruzzjonijiet, tiġi skwalifikat(a) minnufih.

Lista ta' riżerva

4. Inklużjoni fil-lista ta' riżerva

Il-lista ta' riżerva tinkludi, skont l-ordni ta' mertu, l-ismijiet tat-tliet kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fil-proċedura kollha (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet) u li jkunu laħqu l-livell minimu meħtieġ f'kull wieħed minn dawn it-testijiet.

Inti ssir taf personalment bir-riżultati tiegħek permezz ta' komunikazzjoni bil-miktub.

Il-lista ta' riżerva tiġi ppubblikata fuq l-intranet tal-Parlament Ewropew.

Il-lista ta' riżerva tibqa' valida sal-31 ta' Diċembru 2025. Din tista' tiġi estiża b'deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. F'dan il-każ, il-kandidati mniżżlin fil-lista ta' riżerva jiġu informati fi żmien xieraq.

Jekk tirċievi offerta ta' impjieg, inti tkun mitlub(a) tippreżenta l-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha meħtieġa, b'mod partikolari d-diplomi u ċ-ċertifikati tal-impjieg tiegħek, sabiex tkun tista' ssir verifika.

Il-fatt li ismek jitniżżel fil-lista ta' riżerva ma jikkostitwix dritt jew garanzija ta' reklutaġġ.

Tressiq tal-applikazzjonijiet

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Biex tapplika, irid ikollok kont fuq il-pjattaforma Apply4EP: https://apply4ep.gestmax.eu/search/index/lang/mt_MT. Jista' jkollok kont WIEĦED BISS. Biex tagħmel dan, ikklikkja fuq it-tab "Applika online" li tinsab fi tmiem il-paġna.

Jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta' selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel timla l-formola tal-applikazzjoni tiegħek u pprovdi d-dokumenti ġustifikattivi rilevanti.

Data ta' skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

it-22 ta' Novembru 2021 f'12.00 (nofsinhar), ħin tal-Lussemburgu.

Tintbagħatlek konferma ta' riċevuta awtomatikament malli tivvalida l-formola tal-applikazzjoni tiegħek.


Jekk jogħġbok IĊĊEMPILX rigward il-kalendarju tal-proċedura.