This website uses cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue we assume that you consent to receive all cookies on all websites.
For further information, please click here >>.

PE/232/S - AMMINISTRATUR, INĠINIER FIL-QASAM AWDJOVIŻIV (AD 7)

Post tax-xogħol : Brussell
Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 10/09/2021 12:00
Servizz : 00-Parlement Européen
Referenza : PE/232/S - AUDIOVISUAL INGINEER
Gwida għall-kandidati :

Informazzjoni ġenerali

Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma' dan l-avviż ta' reklutaġġ.

Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta' reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.

 

WERREJ

A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELEĠIBILITÀ (PROFIL MITLUB)

B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA' SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

 

A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELEĠIBILITÀ (PROFIL MITLUB)

1. Kummenti ġenerali

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li, fuq il-bażi tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iniedi proċedura għal 6 pożizzjonijiet ta' uffiċjal (AD 7) fid-Direttorat Ġenerali għal-Loġistika u l-Interpretazzjoni għall-Konferenzi u fid-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni. Il-profili mfittxija huma dawk ta' inġinier fil-qasam awdjoviżiv, speċjalizzat(a) fl-integrazzjoni tas-sistemi tax-xandir u tal-multimedia.

Dawn l-impjiegi jirrikjedu kwalifiki speċjali, indikati fil-punt A.3(b) ta' dan l-avviż.

Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 7, l-ewwel skala, b'salarju bażiku ta' EUR 6,294.84 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se jiġu rreklutati l-persuni li jintgħażlu madankollu tista' tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta' dawn il-persuni. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f'ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b'xi allowances.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

2. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Ibbażati Brussell, il-kandidati magħżula jridu, taħt l-awtorità tal-kap tal-unità u fil-qafas tal-programmi u tal-prijoritajiet definiti mill-korpi parlamentari u mill-ġerarkija tagħhom:

- jimmaniġġjaw id-disinn, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-sistemi awdjoviżivi u tal-konferenzi professjonali fil-qafas ta' proġetti mmexxija mid-dipartiment tekniku, l-unità u d-direttorat;
- jikkontribwixxu għall-installazzjoni teknika funzjonali u operattiva u għat-tqegħid fis-servizz tal-infrastrutturi awdjoviżivi u tal-konferenzi b'interpretazzjoni simultanja;
- jipparteċipaw fl-operat u fil-manutenzjoni tal-installazzjonijiet tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni tax-xandir, tal-multimedia u tal-konferenzi;
- jagħtu appoġġ lill-utenti ta' dawn l-installazzjonijiet u jagħtu pariri lill-ġerarkija tagħhom rigward il-linji gwida strateġiċi dwar it-teknoloġiji u l-infrastrutturi tekniċi.

Dan il-qasam ikopri t-teknoloġiji kollha relatati mal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-kontenut tal-media (TV, radju, produzzjoni istituzzjonali, kopertura tal-kmamar tal-laqgħat, streaming fuq l-internet, pubblikazzjonijiet fuq l-internet, u sistemi tal-konferenzi b'interpretazzjoni simultanja) u jeżiġi għarfien fil-fond tal-elettronika, tal-informatika, tal-ipproċessar tas-sinjali analogi u diġitali u tat-teknoloġiji diġitali ġodda.

It-twettiq ta' dawn il-funzjonijiet jeħtieġ, barra minn hekk, kapaċitajiet ta' analiżi, ta' soluzzjoni ta' problemi kumplessi, ta' kitba, ta' koordinazzjoni (persunal intern u estern), ta' ġestjoni amministrattiva (fajls, sejħiet għall-offerti u kuntratti), ta' komunikazzjoni, ta' tagħlim, u ta' għarfien prattiku tajjeb tas-software tal-awtomazzjoni tal-uffiċċju u ta' ġestjoni tal-proġetti assistita mill-kompjuter u ta' tagħmir li jkejjel is-sinjali. Il-kandidati magħżula jrid ikollhom ukoll il-kapaċità li jikkomunikaw bl-Ingliż jew bil-Franċiż ma' diversi interlokuturi tekniċi u amministrattivi sabiex jiffaċilitaw is-soluzzjoni ta' problemi tekniċi jew amministrattivi u t-tiftix ta' kunsens fi gruppi ta' ħidma.

Dawn il-funzjonijiet jirrikjedu missjonijiet frekwenti fil-postijiet tax-xogħol tal-Parlament Ewropew, kif ukoll bosta kuntatti interni u esterni.

Rekwiżiti ta' eleġibilità

3. Rekwiżiti ta' eleġibilità

Sal-limitu ta' żmien stabbilit għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, jeħtieġlek tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

a) Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġlek:

- tkun ċittadin(a) ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,
- tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek;
- tkun issodisfajt kull obbligu impost mil-liġijiet dwar is-servizz militari;
- toffri l-garanziji ta' moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

b) Rekwiżiti speċifiċi

i) Kwalifiki u diplomi meħtieġa

Irid ikollok livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji universitarji kompluti ta' mill-inqas erba' snin, iċċertifikati b'diploma f'wieħed mill-oqsma li ġejjin: teknoloġiji awdjoviżivi tax-xandir u tal-multimedia, elettronika, informatika, produzzjoni awdjoviżiva tax-xandir u tal-multimedia jew produzzjoni tal-awdjo u tal-konferenzi

jew

livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji universitarji kompluti ta' mill-inqas tliet snin, f'wieħed mill-oqsma li ġejjin: teknoloġiji awdjoviżivi tax-xandir u tal-multimedia, elettronika, informatika, produzzjoni awdjoviżiva tax-xandir u tal-multimedia jew produzzjoni tal-awdjo u tal-konferenzi, segwiti minn esperjenza professjonali rilevanti ta' mill-inqas sena.

ii) Esperjenza professjonali meħtieġa

Wara li tkun ġibt il-kwalifiki meħtieġa fil-punt A.3(b)(i), trid tkun ksibt esperjenza professjonali ta' mhux inqas minn sitt snin:

  • fl-integrazzjoni tas-sistemi tax-xandir, tal-konferenzi u tal-IT għall-applikazzjonijiet awdjoviżivi, b'mod partikolari f'dawn it-teknoloġiji li ġejjin: kameras, mixers tal-awdjo u tal-vidjo, matrix switchers, servers tal-vidjo, sistemi ta' routing SDI u IP, networks (TCP/IP u UDP/IP), kodifikaturi u dekodifikaturi, pjattaformi tal-produzzjoni u pjattaformi tat-trażmissjoni għall-akkwiżizzjoni, l-editjar, it-transkowdjar, id-distribuzzjoni (satellita, streaming fuq l-internet, pubblikazzjonijiet fuq l-internet), l-arkivjar;
  • fit-teknoloġiji tax-xandir u tal-multimedia, tal-IT u tal-arkitettura IP f'ambjent ta' produzzjoni tax-xandir (teorija u integrazzjoni) u l-ipproċessar tas-sinjali (analogi u diġitali);
  • fl-ambjent tekniku awdjoviżiv għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-programmi awdjoviżivi tax-xandir u tal-multimedia għat-televiżjoni u/jew il-produzzjoni istituzzjonali;
  • fit-tmexxija u l-koordinazzjoni tal-proġetti awdjoviżivi professjonali;
  • fil-koordinazzjoni ta' tim.

iii) Għarfien lingwistiku

Irid ikollok għarfien fil-fond (minimu ta' livell C1) ta' lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż,

u

għarfien tajjeb ħafna (minimu ta' livell B2) tal-Franċiż jew tal-Ingliż (lingwa 2).

Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1.

 

Il-kandidati huma informati li l-lingwi 2 (il-Franċiż jew l-Ingliż) magħżulin għall-finijiet ta' din il-proċedura ta' selezzjoni ġew definiti skont l-interess tas-servizz. Fil-fatt, il-pożizzjoni ta' inġinier fil-qasam awdjoviżiv teżiġi għarfien lingwistiku speċjali minħabba n-natura tal-funzjonijiet, kif imsemmija fil-punt A.3(b) ta' dan l-avviż ta' reklutaġġ. L-għarfien ta' waħda minn dawn iż-żewġ lingwi hija essenzjali biex l-uffiċjal ikun jista' jerfa' r-responsabbiltajiet tiegħu, iwettaq il-kompiti involuti u jissodisfa r-rekwiżit ta' kapaċità eċċellenti ta' komunikazzjoni fir-relazzjonijiet tax-xogħol ma' diversi interlokuturi interni u esterni li jesprimu ruħhom prinċipalment bil-Franċiż jew bl-Ingliż.

Il-Franċiż u l-Ingliż huma wkoll il-lingwi użati bl-aktar mod frekwenti fir-relazzjonijiet fl-unitajiet taż-żewġ direttorati ġenerali li qegħdin jirreklutaw u bejniethom, kif ukoll fl-iskambji mad-direttorati ġenerali l-oħra u mal-awtoritajiet politiċi u amministrattivi tal-istituzzjoni, partikolarment fit-tfassil tad-dokumenti. Huma wkoll il-lingwi li normalment jintużaw għall-komunikazzjoni mal-interlokuturi esterni (fornituri ta' servizzi, amministrazzjonijiet u awtoritajiet). B'konsegwenza ta' dan, sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom u jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-servizz, il-persuni rreklutati jeħtiġilhom ikunu kapaċi jaħdmu u jikkomunikaw faċilment b'mill-anqas waħda minn dawn iż-żewġ lingwi.

Barra minn hekk, fl-interess ta' trattament indaqs, kull kandidat, anke jekk ikollu waħda minn dawn iż-żewġ lingwi bħala l-ewwel lingwa uffiċjali, huwa mistenni li jkollu biżżejjed għarfien ta' lingwa oħra, li trid tkun l-oħra minn fost dawn iż-żewġ lingwi.

Eleġibilità għall-proċedura ta’ selezzjoni

B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA

Il-proċedura hija organizzata abbażi ta' kwalifiki u eżamijiet.

1. Eleġibilità għall-proċedura ta' selezzjoni

Jekk

– tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali ta' eleġibilità,
– ippreżentajt il-fajl tiegħek skont il-modalitajiet u qabel l-iskadenza stabbiliti,

il-kumitat ta' selezzjoni jeżamina l-fajl tiegħek fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità (il-punt A.3.b).

Jekk tissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità, il-kumitat ta' selezzjoni jqisek eleġibbli għall-proċedura ta' selezzjoni.

Biex jagħmel dan, il-kumitat jibbaża esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun appoġġjata minn dokumenti ġustifikattivi.

Evalwazzjoni tal-kwalifiki

2. Evalwazzjoni tal-kwalifiki

Abbażi ta' tabella ta' evalwazzjoni li tkun ġiet stabbilita minn qabel, il-kumitat ta' selezzjoni jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati eleġibbli għall-proċedura ta' selezzjoni u jistabbilixxi lista tal-aħjar 30 kandidat, li jiġu mistiedna għat-testijiet bil-miktub.

Huwa u jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati, il-kumitat ta' selezzjoni se jqis, b'mod partikolari, dawn l-elementi li ġejjin li għandhom ikunu ġġustifikati fil-formola tal-applikazzjoni:

1. Għarfien u esperjenza

- fid-disinn u fl-implimentazzjoni tas-sistemi tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni tax-xandir, tal-multimedia u tal-webstreaming fissi (infrastruttura) jew temporanji (avvenimenti) ibbażati fuq l-istandards tas-suq u l-istandards stabbiliti mill-korpi ta' standardizzazzjoni (EBU, SMPTE, ITU, eċċ.);
- fit-teknoloġiji tax-xandir u tal-multimedia u fl-arkitetturi IP f'ambjent ta' produzzjoni tax-xandir (teorija u integrazzjoni) u fl-ipproċessar tas-sinjali (analogi u diġitali);
- fl-operat u fil-manutenzjoni ta' infrastrutturi awdjoviżivi professjonali fissi u mobbli;
- fid-disinn u fl-implimentazzjoni tas-sistemi tal-konferenzi u tal-interpretazzjoni (sistemi fissi u mobbli, wiċċ imb wiċċ u b'parteċipazzjoni mill-bogħod);
- fiċ-ċertifikazzjoni fl-informatika (Cisco u/jew Arista) jew għarfien ekwivalenti fl-implimentazzjoni u fil-konfigurazzjoni tan-networks għal applikazzjoni tal-multimedia.

2. Kompetenzi u kapaċitajiet

- il-ġestjoni u l-koordinazzjoni tal-proġetti awdjoviżivi professjonali;
- il-ġestjoni u l-koordinazzjoni ta' tim, il-maniġment ġenerali (tiftix ta' kunsens, ġestjoni tal-kunflitti, skedar), il-komunikazzjoni bil-miktub u orali u l-ħidma f'tim (laqgħat, gruppi ta' ħidma, eċċ.);
- il-ġestjoni amministrattiva tal-fajls u tal-hardware u tas-software;
- it-tagħlim (awtotagħlim u taħriġ kontinwu) ta' teknoloġiji ġodda.

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.

Testijiet

3. Testijiet

Test bil-miktub

a) Test tal-kitba bil-lingwa 2 (il-Franċiż jew l-Ingliż), abbażi ta' fajl, maħsub biex jevalwa l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, kif ukoll il-kapaċità tiegħek ta' kitba.

Tul ta' żmien tat-test: 3 sigħat.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt.(minimu meħtieġ: 20 punt).
Dan it-test se jiġi organizzat online fuq il-kompjuter.


Testijiet orali

b) Intervista mal-kumitat ta' selezzjoni bil-lingwa 2 (il-Franċiż jew l-Ingliż), li permezz tagħha tkun tista' tiġi vvalutata l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, b'kunsiderazzjoni tal-elementi kollha mniżżlin fil-fajl tal-applikazzjoni. Il-kumitat ta' selezzjoni jista' jiddeċiedi li jeżamina l-għarfien lingwistiku tiegħek kif iddikjarat fil-formola tal-applikazzjoni.

Tul massimu tat-test: 45 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt.(minimu meħtieġ: 20 punt).

c) Test ta' diskussjoni fi grupp jew logħba ta' simulazzjoni tar-rwoli bil-lingwa 2 (il-Franċiż jew l-Ingliż), sabiex il-kumitat ta' selezzjoni jkun jista' jivvaluta l-kapaċità ta' adattament, il-kapaċità ta' negozjar u ta' teħid ta' deċiżjonijiet, kif ukoll l-imġiba tiegħek fi grupp jew f'sitwazzjoni partikolari.

It-tul tat-test ta' diskussjoni fi grupp se jiġi stabbilit mill-kumitat ta' selezzjoni skont il-kompożizzjoni definittiva tal-gruppi.
It-tul massimu tat-test tal-logħba ta' simulazzjoni tar-rwoli huwa 25 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.(minimu meħtieġ: 10 punti).

Dawn it-testijiet jistgħu jiġu organizzati mill-bogħod.

Se tirċievi fi żmien debitu l-istruzzjonijiet dwar it-test bil-miktub u t-testijiet orali. It-testijiet huma skedati f'data u f'ħin preċiżi. Jekk ma tirrispondix għall-istedina, jekk ma tkunx tista' tiġi kkuntattjat permezz tal-email jew jekk ma tippreżentax ruħek għal test, tiġi skwalifikat. Jekk jogħġbok segwi kelma b'kelma l-istruzzjonijiet mogħtija. Jekk ma ssegwix l-istruzzjonijiet jew jekk l-imġiba tiegħek ma tkunx konformi mal-istruzzjonijiet, tiġi skwalifikat minnufih.

Lista ta' riżerva

4. Inklużjoni fil-lista ta' riżerva

Il-lista ta' riżerva se tinkludi l-ismijiet tat-12-il kandidat li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fil-proċedura kollha (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet (a), (b) u (c)) u li jkunu laħqu l-livell minimu meħtieġ f'kull wieħed minn dawn it-testijiet.

Inti ssir taf personalment bir-riżultati tiegħek permezz ta' komunikazzjoni bil-miktub.

Il-lista ta' riżerva tiġi ppubblikata fuq l-intranet tal-Parlament Ewropew.

Il-lista ta' riżerva tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2024. Tista' tiġi estiża b'deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. F'dan il-każ, il-kandidati mniżżlin fil-lista ta' riżerva jiġu informati fi żmien debitu.

Jekk tirċievi offerta ta' impjieg, inti tkun mitlub tippreżenta l-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha meħtieġa, b'mod partikolari d-diplomi u ċ-ċertifikati tal-impjieg tiegħek, sabiex tkun tista' ssir verifika.

Il-fatt li ismek jitniżżel fil-lista ta' riżerva ma jikkostitwix dritt jew garanzija ta' reklutaġġ.

Tressiq tal-applikazzjonijiet

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Biex tapplika jrid ikollok kont fuq il-pjattaforma Apply4EP.: https://apply4ep.gestmax.eu/search/index/lang/mt_MT. Jista' jkollok kont WIEĦED biss. Biex tapplika, ikklikkja fuq it-tab "Applika online" li tinsab fi tmiem il-paġna.

Jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta' selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel timla l-formola tal-applikazzjoni tiegħek u pprovdi d-dokumenti ġustifikattivi rilevanti.


Data ta' skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

l-10 ta' Settembru 2021, f'12.00 (nofsinhar), ħin ta' Brussell.

Tintbagħatlek konferma ta' riċevuta awtomatikament malli tivvalida l-formola tal-applikazzjoni tiegħek.

Jekk jogħġbok IĊĊEMPILX rigward il-kalendarju tal-proċedura.