Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma' dan l-avviż ta' reklutaġġ.
Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta' reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.
WERREJ
A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELEĠIBILITÀ
B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA' SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW
A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELEĠIBILITÀ
1. Kummenti ġenerali
Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għall-pożizzjoni ta' aġent temporanju (AD 5), amministratur, maniġer amministrattiv, fl-Unità tal-Komunikazzjoni, fi ħdan id-Direttorat għar-Riżorsi tad-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika.
Il-kuntratt se jiġi konkluż għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 5, l-ewwel skala, b'salarju bażiku ta' EUR 4.917,29 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea. Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se tiġi reklutata l-persuna li tintgħażel madankollu tista' tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta' din il-persuna. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f'ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b'xi allowances.
Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.
Kull referenza, f'dan l-avviż, għal persuna tas-sess maskil għandha tkun ikkunsidrata wkoll li tikkostitwixxi referenza għal persuna tas-sess femminil, u viċeversa.
Id-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika (DĠ INLO) huwa espert fil-qasam tal-ġestjoni tal-infrastruttura, tal-loġistika u tal-proġetti immobiljari, li jirrappreżentaw superfiċje ta' madwar 1.1 miljun m2 fi Brussell, fil-Lussemburgu u fi Strasburgu u jinkludu wkoll l-uffiċċji ta' kollegament fl-Istati Membri. Jiżgura wkoll is-servizzi ta' catering u ta' trasport u jamministra l-ispazji tal-uffiċċji tal-Parlament, u b'mod partikolari huwa inkarigat mill-għamara, mill-provvisti u mis-servizzi ta' tqassim tal-posta.
Ibbażat Brussell, l-amministratur maniġer amministrattiv (minn hawn 'il quddiem "l-amministratur") se jieħu ħsieb – taħt l-awtorità tal-kap tal-unità u fil-qafas tal-programmi u tal-prijoritajiet definiti mill-korpi parlamentari u mill-ġerarkija tagħhom – il-kompiti ewlenin li ġejjin:
– ixerred il-komunikazzjoni kollha meħtieġa biex l-utenti tas-servizzi tad-DĠ ikunu informati tajjeb, fosthom il-Membri u l-persunal;
– jagħti parir lill-ġerarkija dwar il-politika ta' komunikazzjoni fir-rigward tal-awtoritajiet politiċi (jiġifieri l-Kwesturi u l-Viċi President(i) inkarigati mill-bini);
– jiżgura l-implimentazzjoni bir-reqqa tal-istrateġija ta' komunikazzjoni approvata mid-Direttur Ġenerali;
– jamministra forum kif ukoll il-produzzjoni ta' filmati u ta' azzjonijiet ta' komunikazzjoni;
– jirrappreżenta d-Direttorat Ġenerali waqt l-organizzazzjoni ta' avvenimenti interni.
It-twettiq ta' dawn il-funzjonijiet jirrikjedi kapaċitajiet ta' analiżi, ta' raġunament u ta' kitba. L-amministratur se jkollu wkoll juri inizjattiva, kapaċità ta' adattament, orjentazzjoni qawwija favur il-klijenti u sens ta' antiċipazzjoni. Se titqiegħed ukoll enfasi fuq il-ħila tal-amministratur li jifhem problemi ta' natura differenti u ħafna drabi kumplessi, li jirreaġixxi malajr għal tibdil fiċ-ċirkustanzi, li jikkomunika b'effiċjenza, li jaħdem regolarment b'mod intensiv, kemm waħdu u kemm f'tim, li jadatta għal ambjent tax-xogħol multikulturali u multilingwi u li jittratta ma' interlokuturi ta' kwalunkwe livell.
Dawn il-funzjonijiet jesiġu missjonijiet lejn il-postijiet tax-xogħol normali l-oħra tal-Parlament Ewropew (il-Lussemburgu u Strasburgu) u barra minnhom.
Din il-pożizzjoni tirrikjedi l-għarfien li ġej:
- Għarfien tal-istruttura tas-Segretarjat Ġenerali, tal-organizzazzjoni u l-ambjent tiegħu u tal-varji partijiet ikkonċernati;
- Għarfien tal-proċeduri amministrattivi, baġitarji u maniġerjali applikati għall-qasam ta' attività;
- Ħila fil-kitba;
- Għarfien tal-applikazzjonijiet informatiċi użati fl-ambjent tal-PE u dawk speċifiċi għad-DĠ u/jew għall-oqsma ta' attività;
- Għarfien fil-fond ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien tajjeb ħafna ta' mill-anqas lingwa waħda oħra minnhom.
Huma mitluba l-kompetenzi li ġejjin:
- Kapaċità ta' analiżi u ta' fehim
- Kapaċità ta' organizzazzjoni u ta' ppjanar
- Kapaċità ta' adattament
- Kapaċità ta' komunikazzjoni
- Kunfidenzjalità / diskrezzjoni.
Sad-data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, il-kandidati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:
(a) Rekwiżiti ġenerali
Skont l-Artikolu 12.2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-kandidati għandhom:
– ikunu ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,
– igawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom;
– ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet dwar is-servizz militari;
– joffru l-garanziji ta' moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.
(b) Rekwiżiti speċifiċi
(i) Kwalifiki, diplomi u għarfien meħtieġa
Il-kandidati għandu jkollhom livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ta' tliet snin jew aktar, iċċertifikat b'diploma uffiċjalment rikonoxxuta, f'qasam rilevanti għall-funzjonijiet deskritti. Il-kumitat ta' selezzjoni se jqis, f'dan ir-rigward, id-differenzi fis-sistemi edukattivi. Eżempji ta' diplomi minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella fil-gwida għall-kandidati.
(ii) Esperjenza professjonali meħtieġa
Mhi meħtieġa ebda esperjenza professjonali. Madankollu, kull esperjenza professjonali b'rabta mal-funzjonijiet deskritti tikkostitwixxi vantaġġ.
(iii) Għarfien lingwistiku
Il-kandidati għandu jkollhom għarfien fil-fond ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż,
u
għarfien tajjeb ħafna tal-Franċiż jew tal-Ingliż (lingwa 2). Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1.
Ta' min ifakkar li l-livelli minimi meħtieġa hawn fuq japplikaw għal kull ħila lingwistika (taħdit, kitba, qari, smigħ) imsemmija fil-formola tal-applikazzjoni. Dawn il-ħiliet jirriflettu dawk tal-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi (https://europass.cedefop.europa.eu/mt/resources/european-language-levels-cefr).
Il-kandidati mitluba jinnotaw li, għal din il-proċedura ta' selezzjoni, l-għażliet tal-lingwa 2 ġew definiti skont l-interess tas-servizz, u b'mod speċjali biex jiġu żgurati l-ħtiġijiet reali tas-servizz tad-DĠ INLO. Bil-gġan li jkun jista' jwettaq il-funzjonijiet tiegħu, kif imsemmijin fit-Taqsima 2 ta' dan l-avviż ta' reklutaġġ, u meta wieħed iqis il-livell ta' responsabilità li se jkollu l-aġent, dan tal-aħħar se jkollu juri ħila qawwija ta' komunikazzjoni, kemm bil-kitba kif ukoll bil-fomm, sabiex ikun jista' jinteraġixxi mal-partijiet ikkonċernati interni u esterni fil-Parlament, li jkollhom livelli differenti ta' responsabilità.
Il-Franċiż u l-Ingliż huma l-aktar lingwi li jintużaw fit-tħejjija tal-konferenzi u l-avvenimenti, kemm jekk laqgħat, dokumenti ta' ħidma jew kwalunkwe forma oħra ta' komunikazzjoni, bil-kitba jew bil-fomm. Barra minn hekk, huma l-lingwi li jintużaw normalment għall-finijiet ta' komunikazzjoni kemm fi ħdan id-direttorat ġenerali kkonċernat kif ukoll mad-direttorati ġenerali l-oħra u mal-awtoritajiet politiċi u amministrattivi tal-istituzzjoni (70% bil-Franċiż u 30% bl-Ingliż). Fl-aħħar nett, jintużaw fl-iskambji kważi kollha li jsiru mal-interlokuturi esterni (40% bil-Franċiż u 60% bl-Ingliż). B'konsegwenza ta' dan, bil-għan li jwettaq il-funzjonijiet tagħhom u jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-servizz, l-amministratur irreklutat għandu jkun kapaċi jaħdem u jikkomunika b'effiċjenza b'tal-anqas waħda minn dawn iż-żewġ lingwi.
Barra minn hekk, fl-interess ta' trattament indaqs, kull kandidat, anke jekk ikollu waħda minn dawn iż-żewġ lingwi bħala l-ewwel lingwa uffiċjali, huwa mistenni li jkollu biżżejjed għarfien ta' lingwa oħra, li trid tkun l-oħra minn fost dawn iż-żewġ lingwi.
Il-proċedura hija organizzata abbażi ta' kwalifiki u testijiet.
1. Eleġibilità għall-proċedura ta' selezzjoni
Jekk
il-kumitat ta' selezzjoni jeżamina l-fajl tiegħek fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità.
Jekk tissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità, il-kumitat ta' selezzjoni jqisek eleġibbli għall-proċedura ta' selezzjoni.
Il-kumitat jibbaża l-għażla tiegħu esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun appoġġata minn dokumenti ġustifikattivi (għal aktar dettalji, ara l-gwida għall-kandidati).
Abbażi ta' tabella ta' evalwazzjoni li tkun ġiet stabbilita minn qabel, il-kumitat ta' selezzjoni jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati eleġibbli għall-proċedura ta' selezzjoni u jistabbilixxi lista tal-aħjar 12-il kandidat, li jiġu mistiedna għat-test bil-miktub.
Waqt l-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati, il-kumitat ta' selezzjoni jqis b'mod partikolari:
Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.
Test bil-miktub
a) Test tal-kitba bil-lingwa 2 (il-Franċiż jew l-Ingliż), abbażi ta' fajl, maħsub biex jevalwa l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, kif ukoll il-kapaċità tiegħek ta' kitba u ta' sinteżi.
Tul tat-test: 3 sigħat.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).
Dan it-test se jiġi organizzat online fuq il-kompjuter.
Is-6 kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fit-test bil-miktub jiġu mistiedna għat-testijiet orali, bil-kondizzjoni li jkunu kisbu l-marka minima meħtieġa.
Testijiet orali
(b) Intervista mal-kumitat ta' selezzjoni bil-lingwa 2 (il-Franċiż jew l-Ingliż), li permezz tagħha tkun tista' tiġi vvalutata l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, b'kunsiderazzjoni tal-elementi kollha mniżżlin fil-fajl tal-applikazzjoni. Il-kumitat ta' selezzjoni jista' jiddeċiedi li jeżamina l-għarfien lingwistiku tiegħek kif speċifikat fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek.
Tul massimu tat-test: 45 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).
(c) Test ta' diskussjoni fi grupp jew logħba ta' simulazzjoni tar-rwoli bil-lingwa 2 (il-Franċiż jew l-Ingliż), sabiex il-kumitat ta' selezzjoni jkun jista' jivvaluta l-kapaċità ta' adattament, il-kapaċità ta' negozjar u ta' teħid ta' deċiżjonijiet, kif ukoll l-imġiba tiegħek fi grupp jew f'sitwazzjoni partikolari.
It-tul tat-test ta' diskussjoni fi grupp se jiġi stabbilit mill-kumitat ta' selezzjoni skont il-kompożizzjoni definittiva tal-gruppi.
It-tul massimu tat-test tal-logħba ta' simulazzjoni tar-rwoli huwa 25 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (minimu meħtieġ: 10 punti).
Dawn it-testijiet jistgħu jiġu organizzati mill-bogħod.
Se tirċievi fi żmien debitu l-istruzzjonijiet dwar it-test bil-miktub u t-testijiet orali. It-testijiet huma skedati f'data u f'ħin preċiżi. Jekk ma tirrispondix għall-istedina, jekk ma tkunx tista' tiġi kkuntattjat permezz tal-email jew jekk ma tippreżentax ruħek għal test, tiġi skwalifikat. Jekk jogħġbok segwi kelma b'kelma l-istruzzjonijiet mogħtija. Jekk ma ssegwix l-istruzzjonijiet jew jekk l-imġiba tiegħek ma tkunx konformi mal-istruzzjonijiet, tiġi skwalifikat minnufih.
Il-lista ta' riżerva tinkludi, skont l-ordni ta' mertu, l-ismijiet tat-3 kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fil-proċedura kollha (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet) u li jkunu laħqu l-livell minimu meħtieġ f'kull wieħed minn dawn it-testijiet.
Inti ssir taf personalment bir-riżultati tiegħek permezz ta' komunikazzjoni bil-miktub.
Il-lista ta' riżerva tiġi ppubblikata fuq l-intranet tal-Parlament Ewropew. Il-lista ta' riżerva tibqa' valida sal-31 ta' Diċembru 2024; il-validità tagħha tista' tiġi prorogata. F'dan il-każ, il-kandidati mniżżlin fil-lista ta' riżerva jiġu informati fi żmien debitu.
Jekk tirċievi offerta ta' impjieg, inti tkun mitlub tippreżenta l-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha meħtieġa, b'mod partikolari d-diplomi u ċ-ċertifikati tal-impjieg tiegħek, sabiex tkun tista' ssir verifika.
Il-fatt li ismek jitniżżel fil-lista ta' riżerva ma jikkostitwix dritt jew garanzija ta' reklutaġġ.
L-applikazzjoni trid issir permezz tal-pjattaforma Apply4EP.
Jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta' selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel timla l-formola tal-applikazzjoni tiegħek u pprovdi d-dokumenti ġustifikattivi rilevanti.
Data ta' skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet
Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:
28/06/2021 f'12.00 (nofsinhar), ħin ta' Brussell.
Tintbagħatlek konferma ta' riċevuta awtomatikament malli tivvalida l-formola tal-applikazzjoni tiegħek.
Jekk jogħġbok IĊĊEMPILX rigward il-kalendarju tal-proċedura.