This website uses cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue we assume that you consent to receive all cookies on all websites.
For further information, please click here >>.

AMMINISTRATUR - MANIĠER AMMINISTRATTIV - PE/257/S (AD 5) M/F

Post tax-xogħol : Brussell
Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 28/06/2021 12:30
Servizz : 08-Direction Générale des infrastructures et de la logistique
Referenza : PE/257/S
Gwida għall-kandidati :

Informazzjoni ġenerali

Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma' dan l-avviż ta' reklutaġġ.

Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta' reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.

 

WERREJ

A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELEĠIBILITÀ

B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA' SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELEĠIBILITÀ

1. Kummenti ġenerali

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għall-pożizzjoni ta' aġent temporanju (AD 5), amministratur, maniġer amministrattiv, fl-Unità tal-Komunikazzjoni, fi ħdan id-Direttorat għar-Riżorsi tad-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika.

Il-kuntratt se jiġi konkluż għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 5, l-ewwel skala, b'salarju bażiku ta' EUR 4.917,29 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea. Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se tiġi reklutata l-persuna li tintgħażel madankollu tista' tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta' din il-persuna. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f'ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b'xi allowances.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

Kull referenza, f'dan l-avviż, għal persuna tas-sess maskil għandha tkun ikkunsidrata wkoll li tikkostitwixxi referenza għal persuna tas-sess femminil, u viċeversa.

Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Id-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika (DĠ INLO) huwa espert fil-qasam tal-ġestjoni tal-infrastruttura, tal-loġistika u tal-proġetti immobiljari, li jirrappreżentaw superfiċje ta' madwar 1.1 miljun m2 fi Brussell, fil-Lussemburgu u fi Strasburgu u jinkludu wkoll l-uffiċċji ta' kollegament fl-Istati Membri. Jiżgura wkoll is-servizzi ta' catering u ta' trasport u jamministra l-ispazji tal-uffiċċji tal-Parlament, u b'mod partikolari huwa inkarigat mill-għamara, mill-provvisti u mis-servizzi ta' tqassim tal-posta.

Ibbażat Brussell, l-amministratur maniġer amministrattiv (minn hawn 'il quddiem "l-amministratur") se jieħu ħsieb – taħt l-awtorità tal-kap tal-unità u fil-qafas tal-programmi u tal-prijoritajiet definiti mill-korpi parlamentari u mill-ġerarkija tagħhom – il-kompiti ewlenin li ġejjin:

– ixerred il-komunikazzjoni kollha meħtieġa biex l-utenti tas-servizzi tad-DĠ ikunu informati tajjeb, fosthom il-Membri u l-persunal;

– jagħti parir lill-ġerarkija dwar il-politika ta' komunikazzjoni fir-rigward tal-awtoritajiet politiċi (jiġifieri l-Kwesturi u l-Viċi President(i) inkarigati mill-bini);

– jiżgura l-implimentazzjoni bir-reqqa tal-istrateġija ta' komunikazzjoni approvata mid-Direttur Ġenerali;

– jamministra forum kif ukoll il-produzzjoni ta' filmati u ta' azzjonijiet ta' komunikazzjoni;

– jirrappreżenta d-Direttorat Ġenerali waqt l-organizzazzjoni ta' avvenimenti interni.

It-twettiq ta' dawn il-funzjonijiet jirrikjedi kapaċitajiet ta' analiżi, ta' raġunament u ta' kitba. L-amministratur se jkollu wkoll juri inizjattiva, kapaċità ta' adattament, orjentazzjoni qawwija favur il-klijenti u sens ta' antiċipazzjoni. Se titqiegħed ukoll enfasi fuq il-ħila tal-amministratur li jifhem problemi ta' natura differenti u ħafna drabi kumplessi, li jirreaġixxi malajr għal tibdil fiċ-ċirkustanzi, li jikkomunika b'effiċjenza, li jaħdem regolarment b'mod intensiv, kemm waħdu u kemm f'tim, li jadatta għal ambjent tax-xogħol multikulturali u multilingwi u li jittratta ma' interlokuturi ta' kwalunkwe livell.

Dawn il-funzjonijiet jesiġu missjonijiet lejn il-postijiet tax-xogħol normali l-oħra tal-Parlament Ewropew (il-Lussemburgu u Strasburgu) u barra minnhom.

Din il-pożizzjoni tirrikjedi l-għarfien li ġej:

- Għarfien tal-istruttura tas-Segretarjat Ġenerali, tal-organizzazzjoni u l-ambjent tiegħu u tal-varji partijiet ikkonċernati;

- Għarfien tal-proċeduri amministrattivi, baġitarji u maniġerjali applikati għall-qasam ta' attività;

- Ħila fil-kitba;

- Għarfien tal-applikazzjonijiet informatiċi użati fl-ambjent tal-PE u dawk speċifiċi għad-DĠ u/jew għall-oqsma ta' attività;

- Għarfien fil-fond ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien tajjeb ħafna ta' mill-anqas lingwa waħda oħra minnhom.

Huma mitluba l-kompetenzi li ġejjin:

- Kapaċità ta' analiżi u ta' fehim

- Kapaċità ta' organizzazzjoni u ta' ppjanar

- Kapaċità ta' adattament

- Kapaċità ta' komunikazzjoni

- Kunfidenzjalità / diskrezzjoni.

Rekwiżiti ta' eleġibilità

Sad-data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, il-kandidati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) Rekwiżiti ġenerali

 Skont l-Artikolu 12.2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-kandidati għandhom:

– ikunu ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

–  igawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom;

–  ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet dwar is-servizz militari;

– joffru l-garanziji ta' moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

(b) Rekwiżiti speċifiċi

(i) Kwalifiki, diplomi u għarfien meħtieġa

Il-kandidati għandu jkollhom livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ta' tliet snin jew aktar, iċċertifikat b'diploma uffiċjalment rikonoxxuta, f'qasam rilevanti għall-funzjonijiet deskritti. Il-kumitat ta' selezzjoni se jqis, f'dan ir-rigward, id-differenzi fis-sistemi edukattivi. Eżempji ta' diplomi minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella fil-gwida għall-kandidati.

(ii) Esperjenza professjonali meħtieġa

Mhi meħtieġa ebda esperjenza professjonali. Madankollu, kull esperjenza professjonali b'rabta mal-funzjonijiet deskritti tikkostitwixxi vantaġġ.

(iii) Għarfien lingwistiku

Il-kandidati għandu jkollhom għarfien fil-fond ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż,

u

għarfien tajjeb ħafna tal-Franċiż jew tal-Ingliż (lingwa 2). Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1.

Ta' min ifakkar li l-livelli minimi meħtieġa hawn fuq japplikaw għal kull ħila lingwistika (taħdit, kitba, qari, smigħ) imsemmija fil-formola tal-applikazzjoni. Dawn il-ħiliet jirriflettu dawk tal-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi (https://europass.cedefop.europa.eu/mt/resources/european-language-levels-cefr).

Il-kandidati mitluba jinnotaw li, għal din il-proċedura ta' selezzjoni, l-għażliet tal-lingwa 2 ġew definiti skont l-interess tas-servizz, u b'mod speċjali biex jiġu żgurati l-ħtiġijiet reali tas-servizz tad-DĠ INLO. Bil-gġan li jkun jista' jwettaq il-funzjonijiet tiegħu, kif imsemmijin fit-Taqsima 2 ta' dan l-avviż ta' reklutaġġ, u meta wieħed iqis il-livell ta' responsabilità li se jkollu l-aġent, dan tal-aħħar se jkollu juri ħila qawwija ta' komunikazzjoni, kemm bil-kitba kif ukoll bil-fomm, sabiex ikun jista' jinteraġixxi mal-partijiet ikkonċernati interni u esterni fil-Parlament, li jkollhom livelli differenti ta' responsabilità.

Il-Franċiż u l-Ingliż huma l-aktar lingwi li jintużaw fit-tħejjija tal-konferenzi u l-avvenimenti, kemm jekk laqgħat, dokumenti ta' ħidma jew kwalunkwe forma oħra ta' komunikazzjoni, bil-kitba jew bil-fomm. Barra minn hekk, huma l-lingwi li jintużaw normalment għall-finijiet ta' komunikazzjoni kemm fi ħdan id-direttorat ġenerali kkonċernat kif ukoll mad-direttorati ġenerali l-oħra u mal-awtoritajiet politiċi u amministrattivi tal-istituzzjoni (70% bil-Franċiż u 30% bl-Ingliż). Fl-aħħar nett, jintużaw fl-iskambji kważi kollha li jsiru mal-interlokuturi esterni (40% bil-Franċiż u 60% bl-Ingliż). B'konsegwenza ta' dan, bil-għan li jwettaq il-funzjonijiet tagħhom u jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-servizz, l-amministratur irreklutat għandu jkun kapaċi jaħdem u jikkomunika b'effiċjenza b'tal-anqas waħda minn dawn iż-żewġ lingwi.

Barra minn hekk, fl-interess ta' trattament indaqs, kull kandidat, anke jekk ikollu waħda minn dawn iż-żewġ lingwi bħala l-ewwel lingwa uffiċjali, huwa mistenni li jkollu biżżejjed għarfien ta' lingwa oħra, li trid tkun l-oħra minn fost dawn iż-żewġ lingwi.

Eleġibilità għall-proċedura ta’ selezzjoni

Il-proċedura hija organizzata abbażi ta' kwalifiki u testijiet.

1. Eleġibilità għall-proċedura ta' selezzjoni

Jekk

  • tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali ta' eleġibilità,
  • ippreżentajt il-fajl tiegħek skont il-modalitajiet u qabel l-iskadenza stabbiliti,

il-kumitat ta' selezzjoni jeżamina l-fajl tiegħek fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità.

Jekk tissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità, il-kumitat ta' selezzjoni jqisek eleġibbli għall-proċedura ta' selezzjoni.

Il-kumitat jibbaża l-għażla tiegħu esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun appoġġata minn dokumenti ġustifikattivi (għal aktar dettalji, ara l-gwida għall-kandidati).

Evalwazzjoni tal-kwalifiki

Abbażi ta' tabella ta' evalwazzjoni li tkun ġiet stabbilita minn qabel, il-kumitat ta' selezzjoni jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati eleġibbli għall-proċedura ta' selezzjoni u jistabbilixxi lista tal-aħjar 12-il kandidat, li jiġu mistiedna għat-test bil-miktub.

Waqt l-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati, il-kumitat ta' selezzjoni jqis b'mod partikolari:

  • il-kwalifiki u d-diplomi rilevanti għall-funzjonijiet deskritti;
  • l-esperjenza miksuba fil-qasam speċifikat fi ħdan amministrazzjoni inkarigata mill-bini u mil-loġistika;
  • l-esperjenza miksuba fl-organizzazzjoni ta' avvenimenti;
  • l-esperjenza miksuba fir-relazzjonijiet mal-midja;
  • l-esperjenza miksuba fit-tfassil ta' stqarrijiet għall-istampa;
  • l-esperjenza miksuba fl-organizzazzjoni ta' konferenzi stampa;
  • l-esperjenza miksuba fil-ħidma ma' rappreżentanti eletti u/jew oħrajn;
  • l-esperjenza miksuba fi ħdan u/jew ma' entitajiet politiċi;
  • l-esperjenza miksuba f'ambjent multikulturali u multinazzjonali.

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.

Testijiet

Test bil-miktub

a) Test tal-kitba bil-lingwa 2 (il-Franċiż jew l-Ingliż), abbażi ta' fajl, maħsub biex jevalwa l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, kif ukoll il-kapaċità tiegħek ta' kitba u ta' sinteżi.

Tul tat-test: 3 sigħat.

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).

Dan it-test se jiġi organizzat online fuq il-kompjuter.

Is-6 kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fit-test bil-miktub jiġu mistiedna għat-testijiet orali, bil-kondizzjoni li jkunu kisbu l-marka minima meħtieġa.

Testijiet orali

(b) Intervista mal-kumitat ta' selezzjoni bil-lingwa 2 (il-Franċiż jew l-Ingliż), li permezz tagħha tkun tista' tiġi vvalutata l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, b'kunsiderazzjoni tal-elementi kollha mniżżlin fil-fajl tal-applikazzjoni. Il-kumitat ta' selezzjoni jista' jiddeċiedi li jeżamina l-għarfien lingwistiku tiegħek kif speċifikat fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek.

Tul massimu tat-test: 45 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).

(c) Test ta' diskussjoni fi grupp jew logħba ta' simulazzjoni tar-rwoli bil-lingwa 2 (il-Franċiż jew l-Ingliż), sabiex il-kumitat ta' selezzjoni jkun jista' jivvaluta l-kapaċità ta' adattament, il-kapaċità ta' negozjar u ta' teħid ta' deċiżjonijiet, kif ukoll l-imġiba tiegħek fi grupp jew f'sitwazzjoni partikolari.

It-tul tat-test ta' diskussjoni fi grupp se jiġi stabbilit mill-kumitat ta' selezzjoni skont il-kompożizzjoni definittiva tal-gruppi.

It-tul massimu tat-test tal-logħba ta' simulazzjoni tar-rwoli huwa 25 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (minimu meħtieġ: 10 punti).

Dawn it-testijiet jistgħu jiġu organizzati mill-bogħod.

Se tirċievi fi żmien debitu l-istruzzjonijiet dwar it-test bil-miktub u t-testijiet orali. It-testijiet huma skedati f'data u f'ħin preċiżi. Jekk ma tirrispondix għall-istedina, jekk ma tkunx tista' tiġi kkuntattjat permezz tal-email jew jekk ma tippreżentax ruħek għal test, tiġi skwalifikat. Jekk jogħġbok segwi kelma b'kelma l-istruzzjonijiet mogħtija. Jekk ma ssegwix l-istruzzjonijiet jew jekk l-imġiba tiegħek ma tkunx konformi mal-istruzzjonijiet, tiġi skwalifikat minnufih.

Lista ta' riżerva

Il-lista ta' riżerva tinkludi, skont l-ordni ta' mertu, l-ismijiet tat-3 kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fil-proċedura kollha (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet) u li jkunu laħqu l-livell minimu meħtieġ f'kull wieħed minn dawn it-testijiet.

Inti ssir taf personalment bir-riżultati tiegħek permezz ta' komunikazzjoni bil-miktub.

Il-lista ta' riżerva tiġi ppubblikata fuq l-intranet tal-Parlament Ewropew. Il-lista ta' riżerva tibqa' valida sal-31 ta' Diċembru 2024; il-validità tagħha tista' tiġi prorogata. F'dan il-każ, il-kandidati mniżżlin fil-lista ta' riżerva jiġu informati fi żmien debitu.

Jekk tirċievi offerta ta' impjieg, inti tkun mitlub tippreżenta l-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha meħtieġa, b'mod partikolari d-diplomi u ċ-ċertifikati tal-impjieg tiegħek, sabiex tkun tista' ssir verifika.

Il-fatt li ismek jitniżżel fil-lista ta' riżerva ma jikkostitwix dritt jew garanzija ta' reklutaġġ.

Tressiq tal-applikazzjonijiet

L-applikazzjoni trid issir permezz tal-pjattaforma Apply4EP.

Jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta' selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel timla l-formola tal-applikazzjoni tiegħek u pprovdi d-dokumenti ġustifikattivi rilevanti.

Data ta' skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

28/06/2021 f'12.00 (nofsinhar), ħin ta' Brussell.

 Tintbagħatlek konferma ta' riċevuta awtomatikament malli tivvalida l-formola tal-applikazzjoni tiegħek.

Jekk jogħġbok IĊĊEMPILX rigward il-kalendarju tal-proċedura.