Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma' dan l-avviż ta' kompetizzjoni. Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta' kompetizzjoni, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.
WERREJ
ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-KOMPETIZZJONIJIET ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW
A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELEĠIBILITÀ
Il-Parlament Ewropew iddeċieda li, fuq il-bażi tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iniedi kompetizzjoni miftuħa (AD 5) fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni.
Il-profil imfittex huwa dak ta' professjonist tal-lingwi u l-interkulturalità tal-lingwa Ingliża. Il-lista ta' riżerva se jkun fiha 10 kandidati li jirnexxu.
Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 5, l-ewwel skala, b'salarju bażiku ta' EUR 4,917.29 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huwa eżentat mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se jiġu rreklutati l-persuni li jintgħażlu madankollu tista' tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta' dawn il-persuni. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f'ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b'xi allowances.
Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.
Id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni (DĠ TRAD) jipprovdi servizzi ta' traduzzjoni lill-Parlament Ewropew biex jikkomunika fil-formati kollha, kemm stampati kif ukoll elettroniċi, bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea.
Id-dmirijiet tad-DĠ TRAD huma dawn li ġejjin:
d-DĠ TRAD għandu l-missjoni li jibni pontijiet bejn il-lingwi u l-kulturi differenti u li jippromwovi l-multilingwiżmu sostenibbli, li huwa komponent essenzjali tal-ideal demokratiku Ewropew.
Ibbażati l-Lussemburgu, il-professjonisti tal-lingwi u l-interkulturalità jiffaċilitaw il-komunikazzjoni, bil-lingwa materna tagħhom, bejn il-Parlament Ewropew u l-pubbliku ġenerali. Jeħtiġilhom jużaw lingwaġġ ċar fl-aspetti kollha ta' xogħolhom, filwaqt li jqisu l-kuntest kulturali tal-pajjiż(i) ikkonċernat(i). Huma jittraduċu u jillokalizzaw il-kontenut maħsub biex jinqara, jinstema' u jintwera, jirrevedu x-xogħol tal-kollegi tagħhom u jgħinu lill-awturi ta' dokumenti mhux leġiżlattivi fl-abbozzar u fis-servizzi ta' verifika. Barra minn hekk, jadattaw il-kontenut għal-lingwa materna tagħhom. Huwa essenzjali li l-professjonisti tal-lingwi u l-interkulturalità jkunu jafu jaħdmu tajjeb fi grupp u jkollhom ħiliet interpersonali b'saħħithom għaliex huma jikkollaboraw mill-qrib ma' kollegi ta' unitajiet oħra tad-DĠ TRAD u, xi drabi, ikollhom kuntatt mas-servizzi li jressqu talbiet għax-xogħol.
Il-kompiti tal-professjonist tal-lingwi u l-interkulturalità huma dawn li ġejjin:
Is-suġġetti kkonċernati, li ta' spiss ikunu kumplessi, ġeneralment jittrattaw kwistjonijiet politiċi, ġuridiċi, ekonomiċi, finanzjarji, xjentifiċi jew tekniċi u jkopru l-oqsma kollha ta' attività tal-Unjoni Ewropea.
It-twettiq ta' dawn il-kompiti jirrikjedi l-użu intensiv ta' għodod speċifiċi tal-IT u għodod relatati. Dan ix-xogħol jinvolvi wkoll il-medjazzjoni lingwistika u interkulturali permezz tat-traduzzjoni ta' kontenut awdjoviżiv u s-sottotitolar.
Il-funzjoni ta' professjonist tal-lingwi u l-interkulturalità titlob mill-kandidati sens qawwi ta' adattament, kif ukoll il-ħila li jittrattaw problemi differenti u li ta' spiss ikunu kumplessi, li jirreaġixxu malajr għall-bidliet fiċ-ċirkostanzi u li jikkomunikaw b'mod effiċjenti. Il-kandidati jeħtiġilhom ikunu kapaċi jaħdmu regolarment b'mod intensiv, kemm waħedhom kif ukoll f'tim, f'ambjent ta' xogħol multikulturali. Fl-aħħar, irid ikollhom l-interess li jkomplu t-taħriġ professjonali tagħhom matul il-karriera tagħhom.
Sal-limitu ta' żmien stabbilit għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, jeħtieġlek tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:
(a) Rekwiżiti ġenerali
Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, inti jeħtieġlek:
– tkun ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,
– tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek;
– tkun issodisfajt kull obbligu impost mil-liġijiet dwar is-servizz militari;
– toffri l-garanziji ta' moralità mitluba għat-twettiq tal-funzjonijiet previsti.
(b) Rekwiżiti speċifiċi
(i) Kwalifiki u diplomi meħtieġa
Livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ċċertifikati b'diploma, meta l-perjodu normali ta' dawn l-istudji universitarji jkun ta' mill-anqas tliet snin.
Tista' tirreferi b'mod speċjali għall-Anness I tal-gwida għall-kandidati fil-kompetizzjonijiet organizzati mill-Parlament Ewropew.
(ii) Għarfien lingwistiku
Irid ikollok ħakma tajba ta' mill-anqas tliet lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. F'dan l-avviż ta' kompetizzjoni, nirreferu għal-lingwi b'dan il-mod:
Għal din il-kompetizzjoni, l-għażla tal-lingwi ġew definiti skont l-interess tas-servizz. Fil-fatt, il-pożizzjoni ta' professjonist tal-lingwi u l-interkulturalità tal-lingwa Ingliża teżiġi kwalifiki speċjali minħabba n-natura tal-funzjonijiet, kif imsemmija fil-punt A.2 ta' dan l-avviż ta' kompetizzjoni.
B'konsegwenza ta' dan, bil-għan li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom u jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-servizz tad-DĠ TRAD, il-persuni rreklutati jeħtiġilhom ikunu kapaċi jaħdmu u jikkomunikaw b'effiċjenza bi tliet lingwi, fosthom l-Ingliż bħala lingwa prinċipali.
(iii) Esperjenza professjonali meħtieġa
Mhi meħtieġa ebda esperjenza professjonali. Madankollu, kwalunkwe esperjenza professjonali miksuba fil-qasam ta' din il-kompetizzjoni tkun ta' vantaġġ.
B. ŻVOLĠIMENT TAL-KOMPETIZZJONI
Il-kompetizzjoni fiha żewġ fażijiet:
c) mistoqsijiet b'għażla multipla
b) evalwazzjoni tal-kapaċitajiet
(a) Mistoqsijiet b'għażla multipla (MCQ)
Se tirċievi stedina biex tagħmel test ta' preselezzjoni bil-lingwa 1 (l-Ingliż).
Dan it-test ta' preselezzjoni MCQ se jkun fih massimu ta' 40 mistoqsija maħsuba biex jevalwaw il-ħila tiegħek li tidentifika l-valuri tal-Unjoni Ewropea u r-rwol tal-Parlament Ewropew. Il-kandidati se jirċievu eżempji tat-tipi ta' mistoqsijiet MCQ fi żmien xieraq qabel id-data tat-test.
It-test se jdum massimu ta' 80 minuta u se jkun organizzat online fuq il-kompjuter.
(b) Evalwazzjoni tal-kapaċitajiet
Jeħtieġlek timla l-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet li tinsab annessa mal-gwida għall-kandidati (Anness III) u ddaħħalha fil-formola tal-applikazzjoni elettronika tiegħek.
Jekk inti:
- tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi ta' eleġibilità (punt A.3),
- tkun ippreżentajt il-fajl tiegħek skont il-modalitajiet u qabel l-iskadenza stabbiliti (punt C),
- tiġi fost l-ewwel kandidati fit-test ta' mistoqsijiet b'għażla multipla (MCQ) (għal dan l-iskop, il-bord ta' selezzjoni jqis il-150 kandidat li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti f'dan it-test; jekk ikun il-każ, il-bord ta' selezzjoni jżomm il-kandidati kollha ex aequo mingħajr limitu fl-għadd ta' kandidati),
il-bord ta' selezzjoni jevalwa t-tweġibiet tiegħek fl-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet u jidentifika l-aħjar 50 kandidat eleġibbli għat-testijiet bil-miktub. Il-bord ta' selezzjoni jista' jiddeċiedi li jassenja ponderazzjoni għall-kriterji differenti ta' evalwazzjoni u jimmulitiplika l-punti mogħtija għal kull kriterju b'dan il-fattur ta' ponderazzjoni. Il-punti jingħaddu sabiex jiġu identifikati l-kandidati li l-profil tagħhom jikkorrispondi l-aħjar għall-funzjonijiet li jridu jitwettqu.
Il-bord ta' selezzjoni jibbaża l-evalwazzjoni tiegħu esklużivament fuq it-tweġibiet mogħtija fl-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet biex jidentifika l-aħjar 50 kandidat eleġibbli għat-testijiet bil-miktub.
2 Testijiet
Testijiet ta' traduzzjoni u ta' adattament
(a) Traduzzjoni ta' test relatat mal-attivitajiet leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew mil-lingwa 2 għal-lingwa 1.
Tul massimu tat-test: 90 minuta, għal test ta' mhux aktar minn 450 kelma
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt - minimu meħtieġ: 20/40
It-testijiet (b) u (c) tal-kandidati li ma jkunux kisbu l-għadd minimu ta' punti f'dan it-test ma jiġux ikkoreġuti.
(b) Traduzzjoni ta' diskors jew komunikazzjoni għaċ-ċittadini mil-lingwa 3 għal-lingwa 1.
Tul massimu tat-test: 90 minuta, għal test ta' mhux aktar minn 450 kelma
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt - minimu meħtieġ: 20/40
It-test (c) tal-kandidati li ma jkunux kisbu l-għadd minimu ta' punti f'dan it-test ma jiġux ikkoreġuti.
(c) Adattament ta' test f'lingwaġġ ċar: minn dokument kumpless bil-lingwa 2, tikteb test ġdid, bil-lingwa 1, li jkun jirrifletti l-kontenut oriġinali fi stil u reġistru adattati sabiex l-ideat essenzjali tiegħu jkunu ċari għaċ-ċittadini.
Tul massimu tat-test: 60 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt - minimu meħtieġ: 20/40
Dawn it-testijiet se jiġu organizzati online fuq il-kompjuter.
L-20 kandidat li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fit-testijiet bil-miktub jiġu mistiedna għat-testijiet orali, bil-kondizzjoni li jkunu kisbu l-għadd minimu ta' punti meħtieġa għal kull test.
Testijiet orali
(d) Intervista mal-bord ta' selezzjoni bil-lingwi 1 u 2, li permezz tagħha l-bord ikun jista' jivvaluta l-kapaċità tiegħek li twettaq il-kompiti deskritti fil-punt "Deskrizzjoni tal-funzjonijiet" fi ħdan istituzzjoni Ewropea, b'kunsiderazzjoni tal-elementi kollha mniżżlin fil-fajl tal-applikazzjoni. Il-bord ta' selezzjoni jista' jiddeċiedi li jeżamina l-għarfien tiegħek ta' lingwi uffiċjali oħra ddikjarati fl-applikazzjoni tiegħek.
Tul massimu tat-test: 45 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt - minimu meħtieġ: 20/40
(e) Test ta' diskussjoni fi grupp jew logħba ta' simulazzjoni tar-rwoli bil-lingwa 1, sabiex il-bord ta' selezzjoni jkun jista' jivvaluta l-kapaċità ta' adattament, il-kapaċità ta' negozjar u ta' teħid ta' deċiżjonijiet, kif ukoll l-imġiba tiegħek fi grupp.
It-tul tat-test ta' diskussjoni fi grupp jiġi stabbilit mill-bord ta' selezzjoni skont il-kompożizzjoni definittiva tal-gruppi.
It-tul massimu tat-test tal-logħba ta' simulazzjoni tar-rwoli huwa 25 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 20 punt - minimu meħtieġ: 10/20
Dawn it-testijiet jistgħu jiġu organizzati mill-bogħod.
Se tirċievi fi żmien xieraq l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet bil-miktub u orali. It-testijiet huma skedati li jsiru f'data u f'ħin preċiżi. Jekk ma tirrispondix għall-istedina, jekk ma tkunx tista' tiġi kkuntattjat permezz tal-email jew jekk ma tippreżentax ruħek għal test, tiġi skwalifikat. Jekk jogħġbok segwi kelma b'kelma l-istruzzjonijiet mogħtija. Jekk ma ssegwix l-istruzzjonijiet jew jekk l-imġiba tiegħek ma tkunx konformi mal-istruzzjonijiet, tiġi skwalifikat minnufih.
Wara li jivverifika d-dokumenti ġustifikattivi tal-kandidati, il-bord ta' selezzjoni jistabbilixxi lista ta' riżerva tal-10 kandidati eleġibbli li globalment ikunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fit-testijiet bil-miktub u orali. Fil-lista ta' riżerva l-ismijiet tal-kandidati jidhru f'ordni alfabetiku.
Il-lista ta' riżerva tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2025 u tista' tiġi estiża b'deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra.
Il-kandidati jiġu informati individwalment bir-riżultati tagħhom u l-lista ta' riżerva tiġi ppubblikata fuq is-sit web uffiċjali tal-Parlament Ewropew.
Jekk inti tirċievi offerta ta' impjieg, tkun mitlub tippreżenta l-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha meħtieġa, b'mod partikolari d-diplomi u ċ-ċertifikati tal-impjieg tiegħek, sabiex tkun tista' ssir verifika.
Il-fatt li ismek jitniżżel fil-lista ta' riżerva ma jikkostitwix dritt jew garanzija ta' reklutaġġ.
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
L-applikazzjoni trid issir permezz tal-pjattaforma Apply4EP. https://apply4ep.gestmax.eu/search/index/lang/mt_MT
Jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-kompetizzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel timla l-formola tal-applikazzjoni tiegħek u pprovdi d-dokumenti ġustifikattivi rilevanti.
Data ta' skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet
Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:
l-10 ta' Ġunju 2021 fil-17.30, ħin tal-Lussemburgu.
Tintbagħatlek konferma ta' riċevuta awtomatikament malli tivvalida l-applikazzjoni tiegħek.
Jekk jogħġbok IĊĊEMPILX rigward il-kalendarju tal-proċedura.