AVVIŻ TA' REKLUTAĠĠ PE/255/S
Professjonist tal-lingwaġġ ċar tal-lingwa Ingliża (AD 7)
(ta’ sess femminil jew maskil)
Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma’ dan l-avviż ta’ reklutaġġ. Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta’ reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.
WERREJ
A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA’ ELEĠIBILITÀ
B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA' SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW
A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELEĠIBILITÀ
1. Informazzjoni ġenerali
Il-Parlament Ewropew iddeċieda li, fuq il-bażi tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iniedi proċedura għal ħames pożizzjonijiet ta' uffiċjal (AD 7) fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni. Il-profil imfittex huwa dak ta' professjonist tal-lingwaġġ ċar tal-lingwa Ingliża.
Dawn l-impjiegi jirrikjedu kwalifiki speċjali, indikati fil-punt A.3(b) ta' dan l-avviż.
Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 7, l-ewwel skala, b'salarju bażiku ta' EUR 6,294.84 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se jiġu rreklutati l-persuni li jintgħażlu madankollu tista' tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta' dawn il-persuni. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f'ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b'xi allowances.
Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.
2. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet
Id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni (DĠ TRAD) jipprovdi servizzi ta' traduzzjoni lill-Parlament Ewropew biex jikkomunika fil-formati kollha, kemm stampati kif ukoll elettroniċi, bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea.
Id-dmirijiet tad-DĠ TRAD huma dawn li ġejjin:
Id-DĠ TRAD għandu l-missjoni li jibni pontijiet bejn il-lingwi u l-kulturi differenti u li jippromwovi l-multilingwiżmu sostenibbli, li huwa komponent essenzjali tal-ideal demokratiku Ewropew.
Ibbażati l-Lussemburgu u Brussell, il-professjonisti tal-lingwaġġ ċar għandhom ir-responsabilità li jiffaċilitaw il-komunikazzjoni maċ-ċittadini, li jwettqu editjar, adattamenti, sommarji u reviżjonijiet ta' kull tip ta' kontenut fil-limiti ta' żmien stabbiliti u li jagħtu pariri lingwistiċi bil-fomm u bil-miktub, pereżempju bit-telefon jew waqt laqgħat.
Il-kompitu prinċipali tal-kandidati magħżula jkun li jeditjaw firxa wiesgħa ta' testi mhux leġiżlattivi abbozzati bl-Ingliż u li jirrevedu x-xogħol ta' professjonisti oħra tal-lingwaġġ ċar u tat-trainees. Huma jipprovdu għajnuna fl-abbozzar bl-Ingliż u servizzi tal-lingwaġġ ċar lil awturi tal-Parlament Ewropew kollu. Bħala parti mit-tim ta' assistenza telefonika għal-lingwa Ingliża tas-servizz tagħhom, huma jipprovdu wkoll pariri dwar mistoqsijiet li jikkonċernaw il-lingwa Ingliża. Barra minn hekk, ikollhom il-possibilità li jikkontribwixxu għall-organizzazzjoni u t-tmexxija ta' workshops għall-kollegi tal-Parlament dwar l-użu korrett tal-Ingliż u żbalji li għandhom jiġu evitati, kif ukoll li jadattaw il-kontenut u jipproduċu sommarji bl-Ingliż għal finijiet ta' awdjo u oħrajn.
Is-suġġetti indirizzati huma fost oħrajn ta' natura politika, ġuridika, ekonomika, finanzjarja, xjentifika u teknika, li jkopru s-setturi ta' attività kollha tal-Unjoni Ewropea. It-twettiq ta' dawn il-kompiti jirrikjedi l-użu intensiv ta' għodod speċifiċi tal-IT u għodod relatati. Dan ix-xogħol jinvolvi wkoll il-medjazzjoni lingwistika u interkulturali b'rabta mal-produzzjoni u s-sottotitolar tal-kontenut awdjoviżiv bl-Ingliż.
Il-funzjoni ta' professjonist tal-lingwaġġ ċar titlob mill-kandidati sens qawwi ta' adattament, kif ukoll il-ħila li jittrattaw problemi differenti u li ta' spiss ikunu kumplessi, li jirreaġixxu malajr għall-bidliet fiċ-ċirkostanzi u li jikkomunikaw b'mod effiċjenti. Il-kandidati jeħtiġilhom ikunu kapaċi jaħdmu regolarment b'mod intensiv, kemm waħedhom kif ukoll f'tim, f'ambjent ta' xogħol multikulturali. Fl-aħħar, irid ikollhom l-interess li jkomplu t-taħriġ professjonali tagħhom matul il-karriera tagħhom.
3. Rekwiżiti ta' eleġibilità
Sal-limitu ta' żmien stabbilit għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, jeħtieġlek tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:
(a) Rekwiżiti ġenerali
Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, inti jeħtieġlek:
– tkun ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,
– tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek;
– tkun issodisfajt kull obbligu impost mil-liġijiet dwar is-servizz militari;
– toffri l-garanziji ta' moralità mitluba għat-twettiq tal-funzjonijiet previsti.
(b) Rekwiżiti speċifiċi
i) Kwalifiki, diplomi u għarfien meħtieġa
(a) livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ċċertifikati b'diploma, meta l-perjodu normali ta' dawn l-istudji universitarji jkun ta' erba' snin jew aktar,
jew
(b) livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ċċertifikati b'diploma flimkien ma' esperjenza professjonali xierqa ta' mill-anqas sena meta l-perjodu normali tal-istudji universitarji jkun għall-anqas ta' tliet snin.
Din l-esperjenza professjonali mhux se titqies waqt il-fażi ta' evalwazzjoni tal-kwalifiki meħtieġa taħt il-punt B.2.
Tista' tirreferi b'mod speċjali għall-Anness I tal-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta' selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew.
(ii) Għarfien lingwistiku
Irid ikollok ħakma tajba ta' mill-anqas tliet lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. F'dan l-avviż ta' reklutaġġ, nirreferu għal-lingwi b'dan il-mod:
(iii) Esperjenza professjonali meħtieġa
Jeħtieġlek tkun ksibt, wara l-kwalifiki meħtieġa fil-punt A.3.(b)(i), esperjenza professjonali ta' tul minimu ta' 5 snin, fit-traduzzjoni tat-testi u tal-kontenut awdjoviżiv u/jew is-sottotitolar, l-adattament tat-testi, l-editjar, ir-reviżjoni u/jew il-posteditjar.
Għal din il-proċedura ta' selezzjoni, l-għażla tal-lingwa 1 u r-rekwiżit tal-għarfien tat-tielet lingwa ġew definiti skont l-interess tas-servizz. Fil-fatt, il-pożizzjoni ta' professjonist tal-lingwaġġ ċar tal-lingwa Ingliża teżiġi kwalifiki speċjali minħabba n-natura tal-funzjonijiet, kif imsemmija fil-punt A.2 ta' dan l-avviż ta' reklutaġġ.
B'konsegwenza ta' dan, bil-għan li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom u jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-servizz tad-DĠ TRAD, il-persuni rreklutati jeħtiġilhom ikunu kapaċi jaħdmu u jikkomunikaw b'effiċjenza bi tliet lingwi.
B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA
1. Eleġibilità għall-proċedura ta' selezzjoni
Il-proċedura hija organizzata abbażi ta' kwalifiki u testijiet.
Jekk
l-applikazzjoni tiegħek tintbagħat mill-Awtorità tal-Ħatra lill-kumitat ta' selezzjoni, li jeżamina l-fajl tiegħek.
Jekk tissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità, il-kumitat ta' selezzjoni jqisek eleġibbli għall-proċedura ta' selezzjoni.
Il-kumitat jibbaża l-għażla tiegħu esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun appoġġjata mid-dokumenti ġustifikattivi rilevanti mehmuża mal-formola tal-applikazzjoni (għal aktar dettalji, ara l-gwida għall-kandidati).
2. Evalwazzjoni tal-kwalifiki
Abbażi ta' tabella ta' evalwazzjoni li tkun ġiet stabbilita minn qabel, il-kumitat ta' selezzjoni jivvaluta l-kwalifiki tal-kandidati eleġibbli għall-proċedura ta' selezzjoni u jistabbilixxi lista tal-aħjar 50 kandidat, li jiġu mistiedna għat-testijiet bil-miktub.
Waqt l-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati, il-kumitat ta' selezzjoni jqis, b'mod partikolari, dawn l-elementi li ġejjin, li jridu jkunu appoġġjati mid-dokumenti ġustifikattivi rilevanti mehmuża mal-formola tal-applikazzjoni:
- il-kwalifiki u d-diplomi addizzjonali b'rabta mal-funzjonijiet;
- l-għarfien ta' lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea;
- l-esperjenza professjonali fil-qasam tal-abbozzar ta' testi maħsuba għall-pubblikazzjoni;
- l-esperjenza professjonali fil-qasam tal-editjar tat-testi jew fl-abbozzar ta' sommarji;
- l-esperjenza professjonali f'qasam lingwistiku (pereżempju t-traduzzjoni, l-interpretazzjoni, is-sottotitolar, eċċ.);
- l-esperjenza professjonali fil-qasam tal-komunikazzjoni f'lingwaġġ ċar;
- l-esperjenza professjonali f'ambjent multikulturali u multilingwi.
Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.
3. Testijiet
Testijiet bil-miktub
(a) Test ta' editjar bl-Ingliż: editjar ta' test dwar l-attivitajiet leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew. L-objettiv ta' dan it-test huwa li jevalwa l-ħiliet ta' editjar tiegħek biex twettaq id-dmirijiet involuti, b'mod partikolari l-ħakma perfetta tiegħek tal-konvenzjonijiet stilistiċi tal-lingwa Ingliża u l-attenzjoni għad-dettall.
Tul massimu tat-test: 60 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt - Minimu meħtieġ: 20/40
(b) Test tal-abbozzar bl-Ingliż: abbozzar bl-Ingliż ta' sommarju maħsub għaċ-ċittadini, ta' stqarrija għall-istampa jew minn silta ta' studju fil-lingwa 2. L-objettiv ta' dan it-test huwa li jevalwa l-għarfien tiegħek tal-lingwa 2, u l-kapaċità tiegħek li tidentifika l-punti prinċipali ta' test u li tiktibhom fil-qosor f'lingwaġġ ċar.
Tul massimu tat-test: 30 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt - Minimu meħtieġ: 20/40
(c) Test tal-abbozzar bl-Ingliż: abbozzar bl-Ingliż ta' sommarju maħsub għaċ-ċittadini, ta' stqarrija għall-istampa jew silta ta' studju fil-lingwa 3. L-objettiv ta' dan it-test huwa li jevalwa l-għarfien tiegħek tal-lingwa 3, u l-kapaċità tiegħek li tidentifika l-punti prinċipali ta' test u li tiktibhom fil-qosor f'lingwaġġ ċar.
Tul massimu tat-test: 30 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt - Minimu meħtieġ: 20/40
(d) Test tar-riformulazzjoni bl-Ingliż: riformulazzjoni ta' test kumpless bl-Ingliż b'lingwaġġ ċar għaċ-ċittadini. L-objettiv ta' dan it-test huwa li jevalwa l-kapaċità tiegħek li tfassal test li jinftiehem u aċċessibbli għaċ-ċittadini.
Tul massimu tat-test: 60 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt - Minimu meħtieġ: 20/40
Dawn it-testijiet fuq il-kompjuter jistgħu jsiru mill-bogħod.
L-20 kandidat li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fit-testijiet bil-miktub jiġu mistiedna għat-testijiet orali, bil-kondizzjoni li jkunu kisbu l-marka minima meħtieġa għal kull test.
Testijiet orali
(a) Intervista mal-kumitat ta' selezzjoni bil-lingwi 1 u 2, li permezz tagħha tkun tista' tiġi vvalutata l-kapaċità tal-kandidati li jwettqu l-funzjonijiet deskritti fil-punt "Deskrizzjoni tal-funzjonijiet" fi ħdan istituzzjoni Ewropea, b'kunsiderazzjoni tal-elementi kollha mniżżlin fil-fajl tal-applikazzjoni.
Tul massimu tat-test: 45 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt - Minimu meħtieġ: 20/40
(b) Test ta' diskussjoni fi grupp jew logħba ta' simulazzjoni tar-rwoli bl-Ingliż sabiex il-kumitat ta' selezzjoni jkun jista' jivvaluta l-kapaċità ta' adattament u ta' diplomazija kif ukoll l-imġiba tiegħek fi grupp jew meta tkun tinsab f'sitwazzjoni partikolari.
It-tul tat-test ta' diskussjoni fi grupp se jiġi stabbilit mill-kumitat ta' selezzjoni skont il-kompożizzjoni definittiva tal-gruppi.
It-tul massimu tat-test tal-logħba ta' simulazzjoni tar-rwoli huwa 25 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 20 punt - Minimu meħtieġ: 10/20
Dawn it-testijiet jistgħu jiġu organizzati mill-bogħod.
Se tirċievi fi żmien xieraq l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet (bil-miktub u orali). It-testijiet huma skedati li jsiru f'data u f'ħin preċiżi. Jekk ma tirrispondix għall-istedina, jekk ma tkunx tista' tiġi kkuntattjat permezz tal-email jew jekk ma tippreżentax ruħek għal test, tiġi skwalifikat. Jekk jogħġbok segwi kelma b'kelma l-istruzzjonijiet mogħtija. Jekk ma ssegwix l-istruzzjonijiet jew jekk l-imġiba tiegħek ma tkunx konformi mal-istruzzjonijiet, tiġi skwalifikat minnufih.
4. Inklużjoni fil-lista ta' riżerva
Abbażi tar-riżultati miksuba, il-kumitat ta' selezzjoni jagħżel l-10 kandidati li hu jqis l-aktar adatti sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet indikati fil-punt "Deskrizzjoni tal-funzjonijiet" ta' dan l-avviż ta' reklutaġġ u jdaħħalhom fil-lista ta' riżerva. Il-lista ta' riżerva se tinkludi, f'ordni alfabetiku, l-ismijiet tal-10 kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fil-proċedura kollha (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet) u li jkunu laħqu l-livell minimu meħtieġ f'kull wieħed minn dawn it-testijiet.
Il-lista ta' riżerva tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2024. Il-lista' ta' riżerva tista' tiġi estiża b'deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. F'dan il-każ, il-kandidati mniżżlin fil-lista ta' riżerva jiġu informati fi żmien debitu.
Il-kandidati jiġu informati individwalment bir-riżultati tagħhom u l-lista ta' riżerva tiġi ppubblikata fuq l-intranet tal-Parlament Ewropew.
Jekk inti tirċievi offerta ta' impjieg, tkun mitlub tippreżenta l-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha meħtieġa, b'mod partikolari d-diplomi u ċ-ċertifikati tal-impjieg tiegħek, sabiex tkun tista' ssir verifika.
Il-fatt li ismek jitniżżel fil-lista ta' riżerva ma jikkostitwix dritt jew garanzija ta' reklutaġġ.
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
L-applikazzjoni trid issir permezz tal-pjattaforma Apply4EP.
Jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta' selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel timla l-applikazzjoni tiegħek u pprovdi d-dokumenti ġustifikattivi rilevanti.
Data ta' skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet
Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija
d-19 ta’ April 2021 fil-17.30, ħin tal-Brussell.
Tintbagħatlek konferma ta' riċevuta awtomatikament malli tivvalida l-applikazzjoni tiegħek.
Inti mitlub MA ĊĊEMPILX rigward il-kalendarju tal-proċedura.