AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/307/2024/S/INLO
AĠENTI TEMPORANJI
Amministratur Legali (AD 5 & AD 7)
Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew annessa ma’ dan l-avviż ta’ reklutaġġ.
Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta’ reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri ta’ selezzjoni u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.
WERREJ
A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA’ ELEĠIBBILTÀ
B. ŻVOLĠIMENT TAL-KOMPETIZZJONI
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA’ SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW
A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA’ ELEĠIBBILTÀ
1. Kummenti ġenerali
Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għal żewġ pożizzjonijiet ta’ aġent temporanju fil-grad AD 5 u fil-grad AD 7 fid-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika (DĠ INLO). Il-post tax-xogħol huwa Brussell għall-pożizzjoni ta’ AD 5 u l-Lussemburgu għall-pożizzjoni ta’ AD 7.
Il-profil imfittex huwa dak ta’ Amministratur Legali.
Il-kuntratt se jiġi konkluż għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 5, l-ewwel skala, b’salarju bażiku ta’ EUR 5 672.78 fix-xahar u fil-grad AD 7, l-ewwel skala, b’salarju bażiku ta’ EUR 7 261.98 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa tal-Unjoni u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se tiġi reklutata l-persuna li tintgħażel madankollu tista’ tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta’ din il-persuna. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f’ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.
Dan l-avviż jirrigwarda żewġ gradi (AD 5 u AD 7). Il-kandidati jistgħu japplikaw għal grad wieħed biss. Għalhekk, kif imsemmi fit-Taqsima C. tal-avviż ta’ reklutaġġ, jeħtieġ li tagħżel grad meta tkun qed tapplika online, u ma tistax tibdel l-għażla tiegħek ladarba tkun ivvalidajt l-applikazzjoni online tiegħek.
Madankollu, soġġett għal ċerti kondizzjonijiet, il-kumitat ta’ selezzjoni jista’ jassenja mill-ġdid applikazzjonijiet għall-grad AD 7 bħala applikazzjoni għall-grad AD 5. Il-kondizzjonijiet għall-assenjazzjoni mill-ġdid huma stabbiliti fit-Taqsima B.1(b) tal-avviż ta’ reklutaġġ.
Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.
2. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet
Id-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika (DĠ INLO) joffri għarfien espert fil-ġestjoni tal-faċilitajiet, il-loġistika u l-proġetti ta’ bini li jkopru madwar 1.1 miljun metru kwadru fi Brussell, il-Lussemburgu u Strażburgu u fl-uffiċċji ta’ kollegament fl-Istati Membri. Jipprovdi wkoll servizzi ta’ catering u trasport u jiġġestixxi l-ispazju għall-uffiċċji tal-Parlament, u huwa responsabbli, pereżempju, mill-għamara u l-provvisti u mill-kunsinna tal-posta.
Filwaqt li tkun qed taħdem direttament taħt direttur tad-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika jew f’unità affiljata mad-Direttur Ġenerali, il-persuna reklutata bħala Amministratur Legali se twettaq kompiti konsultattivi u analitiċi f’wieħed jew aktar mill-oqsma ta’ responsabbiltà tad-direttorat ġenerali kif deskritt hawn taħt.
Filwaqt li se jkunu bbażati fi Brussell u l-Lussemburgu (skont il-grad), il-persuni reklutati bħala Amministraturi Legali se jkunu mistennija jivvjaġġaw regolarment bejn it-tliet postijiet tax-xogħol normali tal-Parlament (Brussell, il-Lussemburgu u Strażburgu) u bnadi oħra. Ir-rwol jinvolvi kollaborazzjoni mill-qrib mad-direttur (ġenerali) u mad-dipartimenti l-oħra fid-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika, mad-direttorati ġenerali l-oħra fis-Segretarjat u, meta jkun meħtieġ, ma’ Membri tal-Parlament Ewropew. Il-persuni reklutati bħala Amministraturi Legali se jipprovdu lill-maniġment superjuri konsulenza u informazzjoni f’waqthom u rilevanti dwar kwistjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà proprja.
Dawn id-dmirijiet jeżiġu rigorożità, ħiliet ta’ komunikazzjoni, sens qawwi ta’ kunfidenzjalità, ħila ta’ analiżi u sinteżi, kapaċità ta’ antiċipazzjoni, diplomazija u ħiliet interpersonali eċċellenti ma’ interlokuturi fi kwalunkwe livell. Il-Parlament Ewropew jinsisti fuq il-ħila tal-kandidati li jittrattaw firxa wiesgħa ta’ problemi ta’ spiss kumplessi, li jirreaġixxu malajr għall-bidliet fiċ-ċirkostanzi u li jikkomunikaw b’mod effettiv. Il-Kandidat jeħtieġ li jkun kapaċi juri inizjattiva u motivazzjoni qawwija. Jeħtieġ li jkun kapaċi jaħdem b’mod intensiv fuq bażi regolari, kemm b’mod awtonomu kif ukoll f’tim, u jadatta għal ambjent tax-xogħol multikulturali u multilingwi.
Il-persuna reklutata bħala Amministratur Legali fil-grad AD 5 se twettaq, taħt l-awtorità tas-superviżur dirett u fil-kuntest ta’ programmi u prijoritajiet imfassla mill-korpi governattivi tal-Parlament u l-ġestjoni tagħhom, id-dmirijiet prinċipali li ġejjin:
– tagħti konsulenza lill-maniġment fl-aspetti legali u amministrattivi kollha tal-entità, b’mod partikolari billi tanalizza l-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza applikabbli;
– tiġġestixxi l-kuntratti tal-entità skont proċeduri ta’ akkwist iddedikati;
– tittratta l-ilmenti u t-talbiet għal informazzjoni eventwali b’rabta mal-akkwist u l-eżekuzzjoni tal-kuntratti;
– takkumpanja jew tirrappreżenta lill-maniġment superjuri f’laqgħat u fi gruppi ta’ ħidma interni u esterni;
– tħejji l-aspetti kollha u l-monitoraġġ tal-proċeduri tas-sejħiet għall-offerti li jwasslu għall-konklużjoni ta’ kuntratti taħt il-mandat tal-entità, mill-abbozzar tad-dokumenti proċedurali sal-iffirmar tal-kuntratti, u l-parteċipazzjoni fil-kumitati tal-ftuħ u tal-evalwazzjoni tal-offerti, fost affarijiet oħra.
Il-persuna reklutata bħala Amministratur Legali fil-grad AD 7 se twettaq, taħt l-awtorità tas-superviżur dirett u fil-kuntest tal-programmi u l-prijoritajiet imfassla mill-korpi governattivi tal-Parlament u l-ġestjoni tagħhom, id-dmirijiet prinċipali li ġejjin:
– tagħti konsulenza lill-maniġment fl-aspetti legali u amministrattivi kumplessi kollha tal-entità, filwaqt li tipprovdi analiżi u interpretazzjoni dettaljati ta’ leġiżlazzjoni u ġurisprudenza kumplessi;
– tissorvelja u tiġġestixxi b’mod strateġiku l-kuntratti ta’ valur għoli u kumplessi tal-entità, filwaqt li tiżgura konformità stretta ma’ proċeduri ta’ akkwist avvanzati;
– tindirizza u ssolvi lmenti b’livell ta’ riskju għoli u talbiet għal informazzjoni b’rabta mal-akkwist u l-eżekuzzjoni tal-kuntratti, inter alia t-trattament tal-tilwim u l-medjazzjonijiet;
– takkumpanja/tirrappreżenta lill-maniġment superjuri f’laqgħat ta’ livell għoli u fi gruppi ta’ ħidma interni kif ukoll esterni, filwaqt li tiżgura komunikazzjoni u promozzjoni effettivi fl-interess tal-entità;
– tmexxi t-tħejjija, l-eżekuzzjoni u l-monitoraġġ komprensivi tal-proċeduri kumplessi tas-sejħiet għall-offerti, mill-abbozzar tad-dokumenti proċedurali kumplessi sas-sorveljanza tal-iffirmar tal-kuntratti, u l-parteċipazzjoni attiva fil-kumitati tal-ftuħ u tal-evalwazzjoni tal-offerti, filwaqt li tiżgura l-aderenza ma’ standards stretti ta’ konformità.
3. Eleġibbiltà
Sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, jeħtieġ li tkun issodisfajt ir-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi ta’ eleġibbiltà li ġejjin:
(a) Rekwiżiti ġenerali
Skont l-Artikolu 12(2) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li:
– tkun ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;
– tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek;
– tkun issodisfajt kull obbligu impost fuqek mil-liġijiet dwar is-servizz militari;
– tista’ toffri l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.
(b) Rekwiżiti speċifiċi
(i) Kwalifiki meħtieġa
Għall-grad AD 5
· livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma ta’ mill-inqas tliet snin attestati b’diploma fil-qasam tal-Liġi.
Għall-grad AD 7
· livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma attestati b’diploma fil-qasam tal-Liġi meta t-tul ta’ żmien normali tal-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew iżjed;
jew
livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma attestati b’diploma fil-qasam tal-Liġi u esperjenza professjonali rilevanti skont id-deskrizzjoni tal-funzjonijiet (taqsima A.2.) ta’ mill-inqas sena meta t-tul ta’ żmien normali tal-istudji universitarji jkun ta’ mill-inqas tliet snin. Din is-sena ta’ esperjenza professjonali mhux se titqies meta jiġi kkalkulat it-tul ta’ żmien meħtieġ ta’ esperjenza professjonali speċifikat fil-punt 3.(b)(iii).
Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru tal-Unjoni jew f’pajjiż ieħor, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-Unjoni, bħall-ministeru għall-edukazzjoni ta’ Stat Membru.
(ii) Esperjenza professjonali meħtieġa
Għall-grad AD 5
· Mhija meħtieġa l-ebda esperjenza professjonali.
Għall-grad AD 7
Wara li tkun ksibt il-kwalifiki li jagħtu aċċess għall-proċedura ta’ selezzjoni (ara l-punt (i) hawn fuq), jeħtieġ li tkun ksibt l-esperjenza professjonali li ġejja:
· mill-inqas 4 snin esperjenza professjonali rilevanti għad-dmirijiet speċifikati fit-taqsima A.2. li sentejn minnhom ikunu f’amministrazzjoni nazzjonali jew f’istituzzjoni jew korp tal-Unjoni Ewropea.
(iii) Għarfien lingwistiku
Jeħtieġ li l-kandidati jkollhom għarfien komplut (mill-inqas livell C1) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan jew l-Ungeriż;
u
għarfien sodisfaċenti (mill-inqas livell B2) tal-Ingliż jew tal-Franċiż (lingwa 2).
Jekk il-lingwa 1 tiegħek hija l-Ingliż jew il-Franċiż, jeħtieġ li jkollok għarfien sodisfaċenti (mill-inqas livell B2) ta’ kwalunkwe waħda mit-23 lingwa uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1.
Il-kandidati huma informati li l-għażliet lingwistiċi għal din il-proċedura ta’ selezzjoni, jiġifieri l-Ingliż u l-Franċiż, ġew stabbiliti fl-interess tas-servizz. Fid-dawl tad-dmirijiet involuti, il-pożizzjoni ta’ Amministratur Legali teżiġi kapaċitajiet speċifiċi: ħiliet analitiċi, ta’ abbozzar, ta’ superviżjoni teknika u ta’ ġestjoni amministrattiva. Għalhekk jeħtieġ li l-aġent reklutat il-ġdid ikun kapaċi jifhem il-kompiti li għandhom jitwettqu, jindirizza l-problemi u jikkomunika b’mod effettiv ma’ interlokuturi esterni u mal-maniġment u l-kollegi.
L-għarfien ta’ mill-inqas waħda minn dawn iż-żewġ lingwi huwa essenzjali biex il-persuna li tintgħażel bħala aġent tkun tista’ tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha u l-ħtiġijiet tas-servizz fil-kuntest tad-dmirijiet li se tkun meħtieġa twettaq, b’mod partikolari l-ħtieġa li tiżviluppa relazzjonijiet tax-xogħol mal-partijiet ikkonċernati li prinċipalment jitkellmu bl-Ingliż jew bil-Franċiż u li tara li jintlaħqu l-objettivi u jitwettqu l-proġetti speċifiċi tad-Direttorat Ġenerali fejn hi tiġi reklutata u fejn l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi ta’ ħidma.
Il-Franċiż huwa l-lingwa użata l-aktar għall-komunikazzjoni fi ħdan u fost l-unitajiet fid-Direttorat Ġenerali fejn il-persuna li tintgħażel se tiġi reklutata. L-Ingliż huwa l-lingwa użata l-aktar għall-kuntatti mad-direttorati l-oħra fid-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika, mad-Direttorati Ġenerali l-oħra u mal-awtoritajiet politiċi u amministrattivi tal-Parlament, b’mod partikolari fir-rigward tal-abbozzar tad-dokumenti.
L-għarfien ta’ mill-inqas lingwa waħda, l-Ingliż jew il-Franċiż, se jkun ta’ neċessità assoluta fir-rigward tad-dmirijiet speċifiċi li se jkunu qed iwettqu l-aġenti reklutati l-ġodda. Dawn id-dmirijiet huma relatati ma’ proċeduri ta’ akkwist li għalihom jintużaw għodod tal-IT bl-Ingliż u bil-Franċiż. Iż-żewġ lingwi jintużaw ukoll matul il-laqgħat tal-Forum tal-Akkwisti Pubbliċi, li fih se tkun qed tipparteċipa b’mod attiv il-persuna reklutata. Għarfien tajjeb tal-Franċiż huwa essenzjali wkoll għal fehim xieraq tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fi Franza, fil-Belġju u fil-Lussemburgu. Il-Franċiż huwa wkoll il-lingwa standard ta’ komunikazzjoni ma’ interlokuturi esterni (fornituri ta’ servizzi, amministrazzjonijiet u awtoritajiet lokali b’rabta mar-regoli fis-seħħ).
Id-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika jagħti importanza kbira lill-komunikazzjoni effettiva bejn l-aġenti tiegħu. L-avviżi ta’ pożizzjonijiet vakanti tad-DĠ ippubblikati ġewwa u barra l-Parlament Ewropew jistipulaw il-ħtieġa ta’ mill-inqas għarfien tajjeb ħafna ta’ lingwa waħda u għarfien sodisfaċenti tal-oħra, speċifikament l-Ingliż u l-Franċiż. |
B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA
Il-proċedura hija organizzata abbażi ta’ kwalifiki u testijiet.
1. Ammissjoni u evalwazzjoni tal-kwalifiki (l-ewwel fażi)
(a) L-awtorità tal-ħatra se tistabbilixxi lista ta’ applikanti li jkunu ppreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom fil-forma meħtieġa sad-data tal-għeluq u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fit-Taqsima A.3.(a). Din se tintbagħat lill-kumitat ta’ selezzjoni flimkien mal-fajls ta’ applikazzjoni.
(b) Il-kumitat ta’ selezzjoni se jivverifika l-fajls ta’ applikazzjoni tal-kandidati biex jara jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fit-Taqsima A.3(b).
Għall-applikazzjonijiet għall-grad AD 7: Meta jkun qed jivverifika l-eleġibbiltà, il-kumitat ta’ selezzjoni jista’ jassenja mill-ġdid applikazzjoni għall-grad AD 7 bħala applikazzjoni għall-grad AD 5 jekk:
– id-dettalji mogħtija fl-applikazzjoni jindikaw b’mod ċar li l-kandidat ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ eleġibbiltà għall-grad AD 7, iżda jissodisfahom għall-grad AD 5;
u
– il-kandidat, fid-dikjarazzjoni, ikun ta l-kunsens tiegħu għall-assenjazzjoni mill-ġdid bħala applikazzjoni għall-grad AD 5.
Jekk ma titressaq l-ebda dikjarazzjoni ta’ kunsens jew jekk din ma tkunx kompluta, il-kandidati li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ eleġibbiltà għall-grad AD 7 ma jistgħux jiġu assenjati mill-ġdid għall-grad AD 5 u għalhekk dawn mhux se jiġu ammessi għall-proċedura ta’ selezzjoni.
Jekk kandidat ikun ġie assenjat mill-ġdid għall-grad AD 5, l-applikazzjoni tiegħu tiġi vvalutata mill-ġdid flimkien mal-applikazzjonijiet l-oħra kollha għall-grad AD 5.
(c) Abbażi ta’ tabella tal-marki stabbilita minn qabel, il-kumitat ta’ selezzjoni se jivvaluta l-kwalifiki tal-kandidati eleġibbli kollha u jfassal lista tal-aħjar 6 kandidati għal kull grad, li se jiġu mistiedna għat-testijiet. Il-kumitat ta’ selezzjoni se jistieden lill-kandidati kollha li jkunu ġew ex aequo fl-aħħar post.
Il-kumitat ta’ selezzjoni se jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li trid tkun appoġġata minn dokumenti ġustifikattivi, ippreżentati flimkien mal-formola tal-applikazzjoni u fl-istess ħin magħha (għal aktar dettalji, ara l-Gwida għall-kandidati fil-Proċeduri ta’ Selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew, il-punt 3.3).
Waqt l-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati, għall-grad AD 5, il-kumitat ta’ selezzjoni se jqis b’mod partikolari dawn l-aspetti li ġejjin:
- kwalifiki u diplomi;
- għarfien muri fl-akkumpanjament tal-maniġment superjuri fil-laqgħat;
- ħila ppruvata ta’ rappreżentazzjoni tal-maniġment fi gruppi ta’ ħidma interni kif ukoll esterni;
- ħiliet/għarfien fil-fond fl-għoti ta’ konsulenza lill-maniġment dwar kwistjonijiet legali u amministrattivi;
- profiċjenza fl-analiżi u l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza applikabbli;
- għarfien komprensiv tal-proċess ta’ tħejjija tal-offerti, inter alia l-abbozzar tad-dokumenti proċedurali u l-konformità mal-proċeduri tal-offerti u mal-obbligi kuntrattwali;
- għarfien/ħiliet ppruvati fl-evalwazzjoni tal-proposti mqabbla mal-kriterji u fl-iżgurar tat-trasparenza;
- ħila ppruvata ta’ ħidma f’ambjent Ewropew jew internazzjonali.
Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.
Waqt l-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati, għall-grad AD 7, il-kumitat ta’ selezzjoni se jqis b’mod partikolari dawn l-aspetti li ġejjin:
- kwalifiki u diplomi;
- esperjenza fir-rappreżentazzjoni/fl-akkumpanjament tal-maniġment superjuri fil-laqgħat u fi gruppi ta’ ħidma interni kif ukoll esterni;
- esperjenza fl-għoti ta’ konsulenza lill-maniġment dwar kwistjonijiet legali u amministrattivi kumplessi, b’enfasi fuq analiżi u interpretazzjoni dettaljati ta’ leġiżlazzjoni u ġurisprudenza kumplessi;
- esperjenza fit-tħejjija, l-eżekuzzjoni u l-monitoraġġ komprensivi tal-proċeduri kumplessi tas-sejħiet għall-offerti, mill-abbozzar tad-dokumenti proċedurali kumplessi sas-sorveljanza tal-iffirmar tal-kuntratti;
- esperjenza fit-tmexxija u l-parteċipazzjoni attiva fil-kumitati tal-ftuħ u tal-evalwazzjoni tal-offerti;
- esperjenza ta’ xogħol f’ambjent Ewropew jew internazzjonali, b’mod partikolari f’kuntesti legali u amministrattivi b’livell ta’ riskju għoli.
Kull kriterju se jiġi mmarkat fuq skala (minn 1 sa 5). Il-kandidati se jiġu vvalutati fuq il-punteġġ globali tagħhom biex tiġi ddeterminata l-adegwatezza tagħhom għall-pożizzjoni.
Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.
Se tiġi infurmat b’email dwar jekk il-kumitat ta’ selezzjoni ddeċidiex li jaċċettak għat-testijiet abbażi tal-eleġibbiltà tiegħek u l-punti miksuba fl-evalwazzjoni tal-kwalifiki.
2. Testijiet (it-tieni fażi)
Bl-għan li jevalwa l-għarfien u l-ħiliet tal-kandidati li jwettqu d-dmirijiet deskritti hawn fuq, il-kumitat ta’ selezzjoni se jorganizza t-testijiet li ġejjin:
Test bil-miktub
(a) Test tal-abbozzar bl-Ingliż jew bil-Franċiż, abbażi ta’ fajl, biex jiġu vvalutati kemm il-kapaċità tiegħek li twettaq id-dmirijiet deskritti fil-punt A.2., kif ukoll il-ħiliet ta’ abbozzar tiegħek.
Durata tat-test: massimu ta’ 90 minuta
Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (minimu meħtieġ: 10 punti).
Dan it-test jista’ jsir wiċċ imb wiċċ jew online.
Test orali
(b) Intervista mal-kumitat ta’ selezzjoni bl-Ingliż jew bil-Franċiż, sabiex tiġi vvalutata, filwaqt li titqies l-informazzjoni kollha fil-fajl tal-applikazzjoni, l-idoneità tiegħek biex twettaq id-dmirijiet deskritti fit-Taqsima A.2.
Durata massima tat-test: massimu ta’ 45 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).
Dan it-test jista’ jsir wiċċ imb wiċċ jew online.
Se tirċievi l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet fi żmien xieraq. Jeħtieġ li ssegwi l-istruzzjonijiet kelma b’kelma. Kwalunkwe nuqqas ta’ rispett tal-istruzzjonijiet u kwalunkwe mġiba mhux konformi mal-istruzzjonijiet iwasslu għall-iskwalifika immedjata tal-kandidat.
3. Listi ta’ kandidati idonei
Il-kumitat ta’ selezzjoni se jfassal lista ta’ kandidati idonei, li se tinkludi, f’ordni alfabetiku, l-ismijiet tat-tliet kandidati, għal kull grad, li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta’ punti fil-proċedura kollha (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet), dment li jkunu ġabu l-marka minima biex jgħaddu fiż-żewġ testijiet. Il-listi se jinkludu l-kandidati kollha li jkunu ġew ex aequo fl-aħħar post.
Se tiġi infurmat bil-miktub dwar ir-riżultati tiegħek.
Il-listi ta’ kandidati idonei se jiġu ppubblikati fuq is-sit web uffiċjali tal-Parlament Ewropew.
Il-perjodu ta’ validità tal-listi ta’ kandidati idonei se jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2028. Il-validità tagħhom tista’ tiġi prorogata permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra. F’dan il-każ, il-kandidati mniżżla fil-listi se jiġu infurmati fi żmien xieraq.
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
Jeħtieġ li l-applikazzjoni ssir permezz tal-pjattaforma Apply4EP: https://apply4ep.gestmax.eu/search
Jekk jogħġbok aqra sew il-Gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel ma timla l-formola tal-applikazzjoni.
Fl-applikazzjoni online, jenħtieġ li l-kandidati jispeċifikaw il-grad li għalih ikunu qed japplikaw (AD 5 jew AD 7). Huwa wkoll obbligatorju li l-kandidati kollha jniżżlu, jimlew, jiddataw u jiffirmaw id-“Dikjarazzjoni ta’ Kunsens”, u jtellgħuha fl-applikazzjoni tagħhom biex b’hekk ikunu jistgħu jipproċedu bl-applikazzjoni mill-paġna 2 għall-paġna 3.
Din id-dikjarazzjoni hija importanti għall-kandidati AD 7, peress li tippermetti lill-kumitat ta’ selezzjoni jallokahom mill-ġdid għal grad aktar baxx jekk dan ikun meħtieġ u biss jekk dan ikun mitlub mill-kandidat.
Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:
is-6 ta’ Novembru 2024, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.