Post tax-xogħol : Brussell
Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 06/11/2024 12:00
Servizz : 08-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika
Ref. : PE/308/2024/S/INLO - ADMINISTRATIVE MANAGER (AD 8)
Gwida għall-kandidati : Download guide for candidates

AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/308/2024/S/INLO

 

MEMBRU TAL-PERSUNAL TEMPORANJU 

Maniġer Amministrattiv (AD 8)

  

 

Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati għall-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew annessa ma’ dan l-avviż ta’ reklutaġġ. 

Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta’ reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.

 

 

WERREJ

 

A.               FUNZJONIJIET U ELEĠIBBILTÀ

B.               PROĊEDURA

C.               TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI GĦALL-PROĊEDURI TA’ SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

 

 

A. FUNZJONIJIET U ELEĠIBBILTÀ

 

1.      Kummenti ġenerali

 

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għal pożizzjoni waħda ta’ membru tal-persunal temporanju, fil-grad AD 8, fid-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika (DĠ INLO). Il-post tax-xogħol ikun Brussell. 

Il-profil imfittex huwa dak ta’ Maniġer Amministrattiv

Il-kuntratt jiġi konkluż għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 8, l-ewwel skala, b’salarju bażiku ta’ EUR 8 216.45 fix-xahar.  Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha tiġi reklutata l-persuna li tintgħażel madankollu tista’ tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta’ din il-persuna. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f’ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

 

2.      Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

 

Id-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika (DĠ INLO) joffri għarfien espert fil-ġestjoni tal-faċilitajiet, il-loġistika u l-proġetti ta’ bini li jkopru madwar 1.1 miljun metru kwadru fi Brussell, il-Lussemburgu u Strażburgu u fl-uffiċċji ta’ kollegament fl-Istati Membri. Jipprovdi wkoll servizzi ta’ catering u trasport u jimmaniġġja l-ispazju għall-uffiċċji tal-Parlament, u huwa responsabbli, pereżempju, mill-għamara u l-provvisti u mill-kunsinna tal-posta.

Filwaqt li jaħdem direttament taħt direttur tad-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika jew f’unità affiljata mad-Direttur Ġenerali, il-maniġer amministrattiv se jwettaq kompiti konsultattivi u analitiċi f’wieħed jew aktar mill-oqsma ta’ responsabbiltà tad-direttorat ġenerali kif deskritti hawn taħt.

Il-maniġer amministrattiv se jkun ibbażat fi Brussell u se jeħtieġlu jivvjaġġa regolarment bejn it-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament Ewropew (Brussell, il-Lussemburgu u Strażburgu) u lejn postijiet oħra. Ir-rwol jinvolvi kollaborazzjoni mill-qrib mad-Direttur (Ġenerali), ma’ dipartimenti oħra fid-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika, ma’ Direttorati Ġenerali oħra fis-Segretarjat u, meta jkun meħtieġ, ma’ Membri tal-Parlament Ewropew. Il-maniġer amministrattiv se jipprovdi lill-maniġment superjuri pariri u informazzjoni f’waqthom u rilevanti dwar kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tar-responsabbiltà proprja.

Il-qadi ta’ dawn id-dmirijiet jirrikjedi approċċ metikoluż, ħiliet ta’ komunikazzjoni, sens qawwi ta’ kunfidenzjalità, ħiliet ta’ analiżi u sinteżi, kapaċità ta’ ppjanar bil-quddiem, diplomazija u ħiliet interpersonali eċċellenti ma’ interlokuturi fi kwalunkwe livell. Il-Parlament Ewropew jinsisti fuq il-ħila tal-kandidati li jittrattaw problemi differenti u li ta’ spiss ikunu kumplessi, jirreaġixxu malajr għall-bidliet fiċ-ċirkostanzi u jikkomunikaw b’mod effettiv. Il-kandidati għandhom ikunu kapaċi juru inizjattiva u motivazzjoni kbira. Għandhom ikunu kapaċi jaħdmu regolarment b’mod intensiv, kemm b’mod awtonomu kif ukoll f’tim, u jadattaw għal ambjent ta’ ħidma multikulturali u multilingwi.

Taħt l-awtorità tas-superviżur dirett u fil-kuntest tal-programmi u l-prijoritajiet stabbiliti mill-korpi governattivi tal-Parlament u l-maniġment tagħhom, il-persuna reklutata bħala maniġer amministrattiv se twettaq id-dmirijiet ewlenin li ġejjin:

        tagħti pariri lill-maniġment fl-aspetti legali u amministrattivi kollha tal-entità, b’mod partikolari billi tanalizza l-ġurisprudenza u l-leġiżlazzjoni applikabbli;

        tottimizza l-użu tar-riżorsi tad-dipartiment biex tipprovdi servizz ta’ kwalità fl-oqsma ta’ attivitajiet tagħha;

        toħloq, tfassal, tifformalizza, tipproponi, timplimenta u ssegwi aspetti legali u amministrattivi tar-responsabbiltajiet tal-entità;

        tikkoordina l-ippjanar u l-preparazzjoni ta’ noti mressqa lil korpijiet governattivi speċifiċi tal-Parlament (eż. il-Kulleġġ tal-Kwesturi, il-Gruppi ta’ Ħidma tal-Bureau, eċċ.);

        tipprovdi għarfien espert legali lill-unità li tittratta l-istħarriġ dwar is-suq immobiljari;

        takkumpanja lill-maniġment superjuri f’laqgħat jew tirrappreżenta lill-maniġment fi gruppi ta’ ħidma interni u esterni;

        tabbozza studji, rapporti, noti, ittri, statistika u kwalunkwe dokument ieħor relatat mar-responsabbiltà ambjentali u soċjali (kwistjonijiet relatati mal-aċċessibbiltà u l-ambjent) tal-Parlament Ewropew, inklużi abbozzi ta’ regoli;

        tikkoordina mad-dipartimenti u/jew mal-kontropartijiet involuti f’livell interistituzzjonali;

        tmexxi u tikkoordina proġetti speċjali biex tiżgura li jiġu kkompletati b’suċċess. 

 

3.      Eleġibbiltà

 

Sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, trid tkun issodisfajt ir-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi ta’ eleġibbiltà li ġejjin:

 

(a)     Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 12(2) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li:

        tkun ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

        tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek,

        tkun issodisfajt kull obbligu impost fuqek mil-liġijiet dwar is-servizz militari,

        toffri l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

 

(b)     Rekwiżiti speċifiċi

 

(i)      Kwalifiki meħtieġa

        livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma, meta t-tul ta’ żmien normali tal-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew iżjed, 

jew

_         livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali rilevanti għad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet (taqsima A.2.) ta’ mill-inqas sena meta l-perjodu normali tal-istudji universitarji jkun ta’ mill-inqas tliet snin. Din is-sena ta’ esperjenza professjonali mhux se titqies meta jiġi kkalkulat it-tul ta’ żmien meħtieġ ta’ esperjenza professjonali speċifikat fil-punt 3.(b)(ii).

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru tal-Unjoni jew f’pajjiż ieħor, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-Unjoni, bħall-ministeru għall-edukazzjoni ta’ Stat Membru.

Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE għandhom jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom l-ekwivalenza tad-diplomi tagħhom fl-UE. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba f’pajjiżi mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC, ikkonsulta din il-link: https://www.enic-naric.net. Il-kumitat ta’ selezzjoni se jqis id-differenzi bejn is-sistemi edukattivi tal-Istati Membri. Eżempji tal-kwalifiki minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella inkluża fil-gwida għall-kandidati. Il-kandidati li ma jehmżux l-ekwivalenza tad-diplomi tagħhom fl-UE u/jew il-kandidati b’diplomi mhux rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-UE ma jkunux ammessi għall-proċedura ta’ selezzjoni.

 

(ii)        Esperjenza professjonali meħtieġa

Wara li tkun ksibt il-kwalifiki li jagħtu aċċess għall-proċedura ta’ selezzjoni (ara l-punt (i) hawn fuq), jeħtieġ li tkun ksibt l-esperjenza professjonali li ġejja:

        il-kandidati għandhom ikunu kisbu mill-inqas 6 snin esperjenza professjonali rilevanti għad-dmirijiet speċifikati fit-taqsima A.2. li 3 minnhom ikunu f’amministrazzjoni nazzjonali jew f’istituzzjonijiet jew korp tal-Unjoni Ewropea. 

 

(iii)    Għarfien lingwistiku

Jeħtieġ li l-kandidati jkollhom għarfien komplut (mill-inqas livell C1) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan jew l-Ungeriż;

u

għarfien sodisfaċenti (mill-inqas livell B2) tal-Ingliż jew tal-Franċiż (lingwa 2).

Jekk il-lingwa 1 tiegħek hija l-Ingliż jew il-Franċiż, jeħtieġ li jkollok għarfien sodisfaċenti (mill-inqas livell B2) ta’ kwalunkwe waħda mit-23 lingwa uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1. 

Il-kandidati huma informati li l-għażliet lingwistiċi għal din il-proċedura ta’ selezzjoni, jiġifieri l-Ingliż u l-Franċiż, ġew stabbiliti fl-interess tas-servizz. Fid-dawl tad-dmirijiet involuti, il-pożizzjoni ta’ Maniġer Amministrattiv tirrikjedi kapaċitajiet speċifiċi: ħiliet analitiċi, ta’ abbozzar, ta’ superviżjoni teknika u ta’ ġestjoni amministrattiva. Għalhekk jeħtieġ li l-membru tal-persunal reklutat il-ġdid ikun kapaċi jifhem il-kompiti li għandhom jitwettqu, jindirizza l-problemi u jikkomunika b’mod effettiv ma’ interlokuturi esterni u mal-maniġment u l-kollegi. 

L-għarfien ta’ mill-inqas waħda minn dawn iż-żewġ lingwi huwa essenzjali biex il-membru tal-persunal ikun jista’ jissodisfa r-responsabbiltajiet tiegħu u l-ħtiġijiet tas-servizz fil-kuntest tad-dmirijiet li se jkun meħtieġ iwettaq, b’mod partikolari l-ħtieġa li jiżviluppa relazzjonijiet tax-xogħol mal-partijiet ikkonċernati li prinċipalment jitkellmu bl-Ingliż jew bil-Franċiż u li jara li jintlaħqu l-objettivi u jitwettqu l-proġetti speċifiċi tad-Direttorat Ġenerali li fih jiġi reklutat il-kandidat li jirnexxi, li fih l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi ta’ ħidma. 

Il-Franċiż huwa l-lingwa użata l-aktar għall-komunikazzjoni fi ħdan u fost l-unitajiet fid-Direttorat Ġenerali li l-kandidat magħżul se jiġi reklutat fih. L-Ingliż huwa l-lingwa użata l-aktar għall-kuntatti mad-direttorati l-oħra fid-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika, mad-Direttorati Ġenerali l-oħra u mal-awtoritajiet politiċi u amministrattivi tal-Parlament, b’mod partikolari fir-rigward tal-abbozzar tad-dokumenti. 

L-għarfien ta’ mill-inqas lingwa waħda, l-Ingliż jew il-Franċiż, se jkun ta’ neċessità assoluta fir-rigward tad-dmirijiet speċifiċi li se jkunu qed iwettqu l-membri tal-persunal reklutati ġodda. Dawn id-dmirijiet huma relatati ma’ proċeduri ta’ akkwist li għalihom l-għodod tal-IT huma bl-Ingliż u bil-Franċiż. Iż-żewġ lingwi jintużaw ukoll matul il-laqgħat tal-Forum tal-Akkwisti Pubbliċi, li fihom il-persuna reklutata se tkun qed tipparteċipa b’mod attiv. Għarfien tajjeb tal-Franċiż huwa essenzjali wkoll għal fehim xieraq tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fi Franza, fil-Belġju u fil-Lussemburgu. Il-Franċiż huwa wkoll il-lingwa standard ta’ komunikazzjoni ma’ interlokuturi esterni (fornituri ta’ servizzi, amministrazzjonijiet u awtoritajiet lokali b’rabta mar-regoli fis-seħħ).

Id-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika jagħti importanza kbira lill-komunikazzjoni effettiva bejn il-membri tal-persunal tiegħu. L-avviżi ta’ pożizzjonijiet vakanti ppubblikati fil-Parlament Ewropew u barra minnu jistipulaw il-ħtieġa ta’ mill-inqas għarfien tajjeb ħafna ta’ lingwa waħda u għarfien sodisfaċenti tal-oħra, speċifikament l-Ingliż u l-Franċiż. Din il-proċedura ta’ selezzjoni għandha tikkonforma mal-prattika li ilha fis-seħħ applikata mid-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika.

 

B. PROĊEDURA

 

Il-proċedura hija organizzata abbażi ta’ kwalifiki u testijiet.

 

1.         Ammissjoni u evalwazzjoni tal-kwalifiki (l-ewwel fażi)

(a)     L-awtorità tal-ħatra se tfassal lista ta’ applikanti li jkunu ppreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom fil-forma meħtieġa sad-data tal-għeluq u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fit-Taqsima A.3.(a). Din se tintbagħat lill-kumitat ta’ selezzjoni flimkien mal-fajls ta’ applikazzjoni.

(b)     Il-kumitat ta’ selezzjoni se jivverifika l-fajls ta’ applikazzjoni tal-kandidati biex jara li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fit-Taqsima A.3(b).

(c)     Abbażi ta’ tabella tal-marki stabbilita minn qabel, il-kumitat ta’ selezzjoni se jevalwa l-kwalifiki tal-kandidati eleġibbli kollha u jfassal lista tal-aħjar 6 kandidati eleġibbli, li se jiġu mistiedna għat-testijiet. Il-kumitat ta’ selezzjoni jistieden lill-kandidati ex aequo kollha għall-aħħar post disponibbli.

Il-kumitat ta’ selezzjoni se jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni, li trid tkun issostanzjata b’dokumenti ġustifikattivi, ippreżentati flimkien mal-formola tal-applikazzjoni u fl-istess ħin magħha (għal aktar dettalji, ara l-gwida għall-kandidati għall-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew, il-punt 3.3).

 

Fl-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati, il-kumitat ta’ selezzjoni se jqis b’mod partikolari l-aspetti li ġejjin:

        il-kwalifiki u d-diplomi,

        l-esperjenza fir-rigward tal-akkumpanjament tal-maniġment superjuri f’laqgħat jew tar-rappreżentazzjoni tiegħu f’laqgħat u fi gruppi ta’ ħidma interni u esterni;

        l-esperjenza fl-ottimizzazzjoni tal-użu tar-riżorsi dipartimentali, inklużi r-riżorsi umani u baġitarji;

        l-esperjenza fil-konsulenza lill-maniġment fl-aspetti legali u amministrattivi kollha tal-entità, b’mod partikolari l-analiżi tal-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza applikabbli;

        l-esperjenza fit-tħejjija u l-faċilitazzjoni tat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’oqsma ta’ responsabbiltà maniġerjali u/jew operattiva u fl-eżami ta’ diversi kwistjonijiet; 

        esperjenza sostanzjali fl-abbozzar ta’ rapporti, noti, ittri, statistika u kwalunkwe tip ta’ dokument ieħor relatat mar-responsabbiltà ambjentali u soċjali, inkluż l-abbozzar ta’ regoli għall-Parlament Ewropew;

        esperjenza ppruvata fl-assistenza bil-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja ta’ dipartiment, u fl-iżgurar tal-konformità mar-regolamenti xierqa;

        l-esperjenza fil-koordinazzjoni mad-dipartimenti u l-kontropartijiet involuti f’livell interistituzzjonali;

        l-esperjenza fit-tmexxija u l-koordinazzjoni ta’ proġetti speċjali biex jiġi żgurat li jiġu kkompletati b’suċċess;

        l-esperjenza tax-xogħol f’ambjent multinazzjonali, li turi l-kapaċità ta’ integrazzjoni f’diversi kulturi. 

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.

Il-kandidati jiġu infurmati individwalment bl-email dwar jekk il-kumitat ta’ selezzjoni iddeċidiex jaċċettahom jew le għat-testijiet.

 

2. Testijiet (it-tieni fażi)

Bl-għan li jevalwa l-għarfien u l-ħiliet tal-kandidati li jwettqu d-dmirijiet deskritti hawn fuq, il-kumitat ta’ selezzjoni se jorganizza t-testijiet li ġejjin:

 

Test bil-miktub

(a) Test tal-abbozzar bl-Ingliż jew bil-Franċiż, abbażi ta’ fajl, biex jiġu evalwati kemm il-kapaċità tiegħek li twettaq id-dmirijiet deskritti fil-punt A.2., kif ukoll il-ħiliet ta’ abbozzar tiegħek. 

Durata tat-test: massimu ta’ 90 minuta

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (minimu meħtieġ: 10 punti).

 

Test orali

(b) Intervista mal-kumitat ta’ selezzjoni bl-Ingliż jew bil-Franċiż, sabiex tiġi evalwata, filwaqt li titqies l-informazzjoni kollha fil-fajl tal-applikazzjoni, l-idoneità tiegħek biex twettaq id-dmirijiet deskritti fit-Taqsima A.2.

Durata massima tat-test: massimu ta’ 45 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).

Se tirċievi l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet fi żmien xieraq. Jeħtieġ li ssegwi l-istruzzjonijiet kelma b’kelma. Kwalunkwe nuqqas ta’ rispett tal-istruzzjonijiet u kwalunkwe mġiba mhux konformi mal-istruzzjonijiet iwasslu għall-iskwalifika immedjata tiegħek.

 

3.         Lista ta’ kandidati idonei

Il-kumitat ta’ selezzjoni se jfassal lista ta’ kandidati idonei, li se tinkludi, f’ordni alfabetiku, l-ismijiet tat-tliet kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta’ punti fil-proċedura kollha (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet), dment li jkunu ġabu l-marka minima biex jgħaddu fiż-żewġ testijiet. Il-lista se tinkludi l-kandidati ex aequo kollha għall-aħħar post disponibbli. 

Se tiġi infurmat bil-miktub dwar ir-riżultati tiegħek.

Il-perjodu ta’ validità tal-lista ta’ kandidati idonei se jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2028. Il-validità tagħhom tista’ tiġi prorogata permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra. F’dan il-każ, il-kandidati mniżżla fil-listi se jiġu infurmati fi żmien xieraq.

 

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

 

L-applikazzjoni ssir permezz tal-pjattaforma Apply4EP: https://apply4ep.gestmax.eu/search

Aqra sew il-gwida għall-kandidati għall-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel ma timla l-formola tal-applikazzjoni.

 

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

                   is-6 ta’ Novembru 2024, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.