This website uses cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue we assume that you consent to receive all cookies on all websites.
For further information, please click here >>.

ASSISTENT, UFFIĊJAL TAL-APPLIKAZZJONIJIET TAT-TEKNOLOĠIJI TAL-INFORMAZZJONI U TAL-KOMUNIKAZZJONI (AST9) M/F

Post tax-xogħol : Lussemburgu
Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 17/09/2020 23:59
Servizz : 11-Direction Générale des finances
Ref. : EP/231/S
Gwida għall-kandidati :

Informazzjoni ġenerali

Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma' dan l-avviż ta' reklutaġġ.

Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta' reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri ta' selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew u tispjega kif tapplika.

WERREJ

A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELEĠIBILITÀ

B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA' SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELEĠIBILITÀ

1. Kummenti ġenerali

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għall-pożizzjoni ta' aġent temporanju (AST 9), assistent fi ħdan id-Direttorat għall-Baġit u s-Servizzi Finanzjarji tad-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi.

Il-kuntratt se jiġi konkluż għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AST 9, l-ewwel skala, b'salarju bażiku ta' EUR 8 002.30 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (1) . Huwa eżentat mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se tiġi reklutata l-persuna li tintgħażel madankollu tista' tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta' din il-persuna. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f'ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b'xi allowances.

Ir-reklutaġġ ta' aġent temporanju huwa dirett biex jiżgura li l-istituzzjoni tuża s-servizzi ta' persuni tal-ogħla standard ta' kapaċità, effiċjenza u integrità, reklutati fuq l-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

Kull referenza, f'dan l-avviż, għal persuna tas-sess maskil għandha tkun ikkunsidrata wkoll li tikkostitwixxi referenza għal persuna tas-sess femminil, u viċeversa.

(1) Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) kif ukoll mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

2. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Filwaqt li taħdem direttament taħt l-awtorità tad-Direttur tal-Proġett tas-Sistema għall-Ġestjoni Finanzjarja (FMS – Financial Management System), se jkollok kompiti ta' sostenn f'qasam ta' kompetenza wieħed jew aktar tal-entità. L-ambitu tal-proġett FMS ikopri primarjament (a) proċessi ta' kontabilità baġitarja, ġenerali u tal-ispejjeż u (b) proċeduri ta' ġestjoni ta' kuntratti, inventarji u assi u r-rappurtar assoċjat. Ħafna minn dawn il-proċessi huma bbażati fuq ir-regoli stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u r-regoli ta' applikazzjoni tiegħu.
Il-proġett FMS jinteraġixxi wkoll ma' għadd kbir ta' applikazzjonijiet tal-Parlament Ewropew żviluppati internament u abbażi ta' teknoloġiji differenti. Il-biċċa l-kbira ta' dawn l-applikazzjonijiet jintużaw għat-tħejjija ta' pagamenti lill-Membri tal-Parlament Ewropew, lill-persunal tal-Parlament u lil fornituri esterni.

Filwaqt li se tkun ibbażat(a) fil-Lussemburgu (1) , se jkun jeħtieġlek tivvjaġġa regolarment bejn it-tliet postijiet tax-xogħol normali tal-Parlament Ewropew (Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu), kif ukoll fi bnadi oħra.
Inti se taħdem b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-membri l-oħra taċ-Ċentru ta' Kompetenza FMS u, jekk ikun meħtieġ, ma' utenti finali.

Inti se tipprovdi liċ-Ċentru ta' Kompetenza FMS b'appoġġ u informazzjoni fil-waqt u rilevanti dwar kwistjonijiet tekniċi differenti li tkun inkarigat minnhom, li se jkopru l-modulu tal-Ġestjoni tal-Fondi SAP.

Id-dmirijiet prinċipali tiegħek se jinkludu dawn li ġejjin:

– tħejji, torganizza u twettaq il-kompiti differenti relatati mal-manutenzjoni evalwattiva u korrettiva tal-FMS (jiġifieri, il-konfigurazzjoni, l-iżvilupp, l-ittestjar, il-migrazzjoni, eċċ.);

– tanalizza r-rekwiżiti kummerċjali tal-Parlament Ewropew f'termini ta' ġestjoni u eżekuzzjoni baġitarji, kif ukoll f'oqsma oħra tal-integrazzjoni tal-FMS;

– tipprovdi soluzzjonijiet fil-modulu tal-Ġestjoni tal-Fondi SAP sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kummerċjali u tħejji l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali relatati meħtieġa għal kull żvilupp speċifiku ulterjuri;

– tipprovdi gwida u appoġġ lill-utenti finali, filwaqt li tgħin tħejji korsijiet ta' taħriġ speċifiċi.

Dawn id-dmirijiet jirrikjedu l-ħiliet li ġejjin:

– ħiliet analitiċi,
– ħiliet ta' organizzazzjoni u ppjanar,
– il-kapaċità li taħdem bħala parti minn tim,
– ħiliet ta' komunikazzjoni bil-miktub u orali,
– ħiliet ta' soluzzjoni tal-problemi,
– mentalità orjentata lejn il-konsumatur.

(1) Din il-pożizzjoni jaf tiġi trasferita lejn wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew.

Rekwiżiti ta' eleġibilità

3. Rekwiżiti ta' eleġibilità

Fid-data tal-iskadenza stabbilita għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, il-kandidati jeħtiġilhom jissodisfaw dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 12(2) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġlek:
– tkun ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,
– tgawdi d-drittijiet ċivili tiegħek,
– tkun issodisfajt kull obbligu impost fuqek mil-liġijiet dwar is-servizz militari,
– toffri l-garanziji ta' moralità mitluba għall-eżerċizzju
tal-funzjonijiet previsti.

(b) Rekwiżiti speċifiċi

(i) Kwalifiki u ħiliet meħtieġa

Irid ikollok:

– livell ta' edukazzjoni postsekondarja ċċertifikat b'diploma,

jew

– livell ta' edukazzjoni sekondarja ċċertifikat b'diploma li tagħti aċċess għall-edukazzjoni postsekondarja, segwit minn esperjenza professjonali ta' mill-inqas tliet snin rilevanti għall-funzjonijiet. Dawn it-tliet snin ta' esperjenza mhux se jitqiesu għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali meħtieġa hawn taħt –

Il-kumitat ta' selezzjoni se jqis id-differenzi bejn is-sistemi edukattivi tal-Istati Membri. Eżempji tal-kwalifiki minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella inkluża fil-Gwida għall-kandidati tal-proċeduri ta' selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew.

Ċertifikat fil-qasam ta' SAP ikun ta' vantaġġ.

(ii) Esperjenza professjonali meħtieġa

Wara li tkun ksibt il-kwalifiki speċifikati hawn fuq, trid tkun akkwistajt esperjenza professjonali ta' mill-anqas 13-il sena rilevanti għad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet, li 10 minnhom tkun ħdimthom mal-modulu tal-Ġestjoni tal-Fondi SAP.

(iii) Għarfien lingwistiku

Irid ikollok għarfien fil-fond (tal-inqas livell C1 (1)) ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż,

kif ukoll

għarfien tajjeb ħafna (tal-inqas livell B2 (1)) tal-Ingliż jew il-Franċiż (lingwa 2).

Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1.

Il-kandidati huma informati li ż-żewġ għażliet ta' lingwa 2 (l-Ingliż u l-Franċiż) proposti għall-finijiet ta' din il-proċedura ta' selezzjoni ġew definiti skont l-interess tas-servizz. Minħabba l-funzjonijiet involuti, il-post ta' uffiċjal ta' applikazzjonijiet tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jeżiġi kapaċitajiet speċifiċi: ħiliet ta' komunikazzjoni analitiċi, organizzattivi, tal-iżvilupp tal-programmi tal-ICT, u orali u bil-miktub.

L-għarfien tal-Ingliż jew il-Franċiż huwa essenzjali jekk l-aġent ikun jixtieq jissodisfa r-responsabilitajiet tiegħu fil-kuntest tal-funzjonijiet. L-aġent ikun meħtieġ jiżviluppa r-relazzjonijiet ta' ħidma mal-partijiet ikkonċernati li jitkellmu prinċipalment bl-Ingliż jew bil-Franċiż sabiex jikseb l-objettivi u jwettaq il-proġetti speċifiċi għall-Parlament Ewropew.

L-aġent temporanju se jkun meħtieġ juża u jiżviluppa programmi tal-ICT l-aktar bl-Ingliż, li huwa l-lingwa użata fil-Parlament Ewropew, u universalment, għall-komunikazzjoni u l-iżvilupp fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni. L-Ingliż huwa wkoll il-lingwa ewlenija ta' ħidma fiċ-Ċentru ta' Kompetenza tas-Sistema għall-Ġestjoni Finanzjarja u, b'mod aktar ġenerali, fid-direttorati tad-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi.

Il-Franċiż jintuża ħafna fil-komunikazzjoni bil-miktub u orali mal-awtoritajiet politiċi u amministrattivi tal-Parlament u direttorati ġenerali oħra. Barra minn dan, il-post, li huwa bbażat fil-Lussemburgu, jinvolvi wkoll l-interazzjoni ma' fornituri tas-servizz tal-ICT u partijiet ikkonċernati lokali esterni, li l-lingwa ewlenija tagħhom ta' komunikazzjoni hija l-Franċiż.

B'hekk, jekk il-persuna reklutata tkun tixtieq tifhem u twettaq il-funzjonijiet tagħha u tikkontribwixxi għall-funzjonament bla xkiel tad-dipartiment, jeħtiġilha tkun tista' tikkomunika b'mod effikaċi mal-maniġment, il-kollegi u l-interlokuturi barranin f'mill-inqas waħda minn dawn iż-żewġ lingwi.

Barra minn hekk, fl-interess ta' trattament ugwali, il-kandidati kollha, anke jekk ikollhom waħda minn dawn iż-żewġ lingwi bħala l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom, huma mitlubin ikollhom għarfien sodisfaċenti tat-tieni lingwa, li trid tkun il-lingwa l-oħra minn dawn iż-żewġ lingwi. 

(1) Ara l-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi (QKERL) — https://europass.cedefop.europa.eu/sites/default/files/cefr-en.pdf

Eleġibilità għall-proċedura ta’ selezzjoni

B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA

1. Eleġibilità għall-proċedura ta' selezzjoni

Il-proċedura hija organizzata abbażi ta' kwalifiki u testijiet.

Jekk inti

– tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali ta' eleġibilità u
– ressaqt l-applikazzjoni tiegħek bi qbil mal-arranġamenti speċifikati u mhux aktar tard mid-data tal-iskadenza,

il-kumitat ta' selezzjoni se jivvaluta l-applikazzjoni tiegħek fid-dawl tar-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità.

Jekk tissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità, inti tkun eleġibbli għall-
proċedura ta' selezzjoni.

Il-kumitat ta' selezzjoni se jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni u li tkun appoġġata minn dokumenti ġustifikattivi (għal aktar dettalji, ara l-Gwida għall-kandidati tal-proċeduri ta' selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew).

Evalwazzjoni tal-kwalifiki

2. Evalwazzjoni tal-kwalifiki

Il-kumitat ta' selezzjoni, abbażi ta' tabella tal-marki li jkun stabbilixxa minn qabel, iwettaq evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati eleġibbli għall-proċedura ta' selezzjoni u jistabbilixxi lista tal-aħjar 12-il kandidat li jiġu mistiedna għat-testijiet bil-miktub.

Il-kumitat ta' selezzjoni, huwa u jwettaq evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati, iqis b'mod partikolari l-aspetti li ġejjin (li għandhom ikunu appoġġati minn dokumenti ġustifikattivi mehmuża mal-fajl tal-applikazzjoni):

- kwalifiki u diplomi addizzjonali u r-rabta tagħhom mal-funzjonijiet;
- esperjenza fit-tekniki tal-analiżi tal-attivitajiet;
- esperjenza fl-implimentazzjoni SAP fil-Ġestjoni tal-Fondi fis-settur pubbliku;
- esperjenza professjonali miksuba f'ambjent multikulturali u multinazzjonali.

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.

Testijiet

3. Testijiet

Test bil-miktub

(a) Test tal-kitba bil-lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż), abbażi ta' sett ta' dokumenti, maħsub biex jivvaluta l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2 u li tifhem ir-rekwiżiti kummerċjali, tipprovdi soluzzjonijiet u appoġġ lill-utenti finali.

Tul tat-test: 3 sigħat
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt)

Is-sitt kandidati li jkunu kisbu l-ogħla marki fit-test bil-miktub jiġu mistiedna għat-testijiet orali, bil-kondizzjoni li jkunu kisbu l-marka minima meħtieġa.

Testijiet orali

(b) Intervista mal-kumitat ta' selezzjoni bil-lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż) sabiex, b'kunsiderazzjoni tal-informazzjoni kollha mniżżla fil-fajl tal-applikazzjoni tiegħek, tkun tista' tiġi vvalutata l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2. Il-kumitat ta' selezzjoni jista' jiddeċiedi li jittestja l-għarfien tal-lingwa tiegħek kif speċifikat fil-formola tal-applikazzjoni.

Tul tat-test: 45 minuta
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt)

(c) Diskussjoni fi grupp bil-lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż) sabiex il-kumitat ta' selezzjoni jkun jista' jivvaluta l-ħila tiegħek ta' adattament u ta' negozjar u l-ħila tiegħek li taħdem bħala parti minn tim.

It-tul ta' dan it-test jiġi stabbilit mill-kumitat ta' selezzjoni skont il-kompożizzjoni definittiva tal-gruppi.

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (minimu meħtieġ: 10 punti)

Lista ta' riżerva

4. Inklużjoni fil-lista ta' riżerva

Il-lista ta' riżerva se tinkludi, skont l-ordni ta' mertu, l-ismijiet tat-tliet kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fil-proċedura kollha (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet) u li jkunu laħqu l-livell minimu meħtieġ f'kull wieħed minn dawn it-testijiet.

Inti tiġi informat(a) individwalment bir-riżultati tiegħek.

Il-lista ta' riżerva titwaħħal fuq in-noticeboards uffiċjali fil-binjiet tal-Parlament Ewropew.

Il-persuni mniżżlin fil-lista ta' riżerva li jiġu offruti impjieg ikun jeħtiġilhom, għal finijiet ta' ċertifikazzjoni, jippreżentaw il-kopji oriġinali jew il-kopji ċċertifikati tad-dokumenti kollha meħtieġa jew ta' parti minnhom.

Il-lista ta' riżerva tibqa' valida sal-31 ta' Diċembru 2023; madankollu, tista' tiġi estiża. F'dan il-każ, il-kandidati mniżżlin fil-lista ta' riżerva jiġu informati fi żmien debitu.

Tressiq tal-applikazzjonijiet

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Qabel ma timla l-formola tal-applikazzjoni, jekk jogħġbok aqra sew il-Gwida għall-kandidati tal-proċeduri ta' selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew annessa.

Trid tapplika fuq il-pjattaforma online APPLY4EP.

Id-data ta' skadenza għall-applikazzjoni hija s-17 ta' Settembru 2020 fil-23.5900 (ħin ta' Brussell)

Jekk jogħġbok IĊĊEMPILX rigward il-kalendarju tal-proċedura.