This website uses cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue we assume that you consent to receive all cookies on all websites.
For further information, please click here >>.

KOMUNIKAZZJONI IL-ĦOLQIEN TA' BAŻI TAD-DATA PERSUNAL BIL-KUNTRATT (GRUPP TA' FUNZJONI IV) FIL-QASAM TAL-INNOVAZZJONI U L-ĠESTJONI TAT-TIBDIL M/F

Post tax-xogħol : Brussell ; Lussemburgu ; Strasburgu
Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 15/09/2020 23:59
Servizz : 08-Direction Générale des infrastructures et de la logistique
Ref. : DG INLO COM/01/2020
Gwida għall-kandidati :

Informazzjoni ġenerali

Is-segretarjat ġenerali tal-Parlament Ewropew beħsiebu joħloq fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika (DĠ INLO), bażi tad-data ta' kandidati (persunal bil-kuntratt fil-grupp ta' funzjoni IV) fil-qasam tal-innovazzjoni u l-ġestjoni tat-tibdil.

Din il-bażi tad-data għandha l-għan li sservi ta' riżerva ta' kandidati biex dawn jiġu reklutati fi Brussell, fil-Lussemburgu u fi Strasburgu.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali.

Il-persuni interessati li jkunu inklużi f'din il-bażi tad-data jistgħu jtellgħu s-CV tagħhom u jimlew il-formola tal-applikazzjoni permezz tal-pjattaforma APPLY4EP u jibdew billi joħolqu kont. Biex jagħmlu dan, iridu jaqraw b'attenzjoni din il-komunikazzjoni, jew billi jikklikkjaw fuq it-tab "L-account tiegħi" jew inkella fuq it-tab "Applika online" u jsegwu l-istruzzjonijiet.
Il-ħolqien ta' kont f'APPLY4EP isir f'darba. Id-data personali rreġistrata fil-kont tiġi pproċessata fir-rispett sħiħ tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tibqa' modifikabbli, sabiex tkun tista' tiġi aġġornata.

Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Id-DĠ INLO jikkontribwixxi għall-ġestjoni tajba tal-infrastrutturi (il-bini u t-tagħmir tiegħu) u tal-loġistika (il-catering, il-posta, il-ġarr, l-għamara, it-trasport, eċċ.) fil-postijiet tax-xogħol tal-Parlament Ewropew u bejn dawn il-postijiet.

In-nisa u l-irġiel li jaħdmu fid-DĠ INLO jappoġġaw direttament l-attività politika tal-Parlament Ewropew.

Fi ħdan programm ta' rotazzjoni ta' bejn 12 u 18-il xahar, il-persuna magħżula tiġi assenjata lil servizzi differenti tad-DĠ INLO għal perjodi ta' 6 xhur. Dan il-programm ta' rotazzjoni jippermetti lill-persuni magħżula jwettqu kompiti ta' responsabilità f'oqsma operattivi u amministrattivi differenti tad-Direttorat Ġenerali u b'hekk jikkontribwixxu b'mod attiv għall-iżvilupp organizzattiv tiegħu.

Dan il-programm jipprevedi taħriġ intern u estern adattat għal kull persuna skont it-taħriġ u l-iżvilupp professjonali tagħha. Il-kontenut tat-taħriġ jista' jiġi diskuss ma' mentor li jsegwi mill-qrib il-karriera professjonali ta' kull persuna filwaqt li jagħti feedback dwar il-kompiti li għandhom jitwettqu.

Il-persuna inkarigata mill-innovazzjoni u l-ġestjoni tat-tibdil hija mistennija:

 -Twettaq studju intern dwar il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll tal-entità
 -Tiżviluppa għarfien espert multidixxiplinari fl-oqsma ta' attività tad-DĠ
 -Tistudja, titratta u tmexxi l-fajls speċifiċi u b'hekk tiffaċilita t-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livell tal-ġerarkija
 -Tipproponi l-ottimizzazzjoni tal-proċessi u l-allokazzjoni tar-riżorsi fil-qasam tal-kompetenza operattiva tad-DĠ
 -Tirrakkomanda l-iżviluppi fil-qasam amministrattiv (tipproponi objettivi, mezzi, metodi u segwitu)
 -Tikkoopera mas-servizzi operattivi l-oħra tas-Segretarjat Ġenerali fil-kuntest tal-Qafas ta' Eżekuzzjoni Strateġiku u proġetti oħra
 -Tiżviluppa, telabora, timplimenta u ssegwi l-objettivi u l-programmi ta' azzjoni stabbiliti mill-ġerarkija fir-rigward tar-riżorsi umani u baġitarji
 -Tipparteċipa fl-iżvilupp ta' network tal-innovazzjoni b'approċċ proattiv u multidixxiplinari
 -Tevalwa l-impatt tat-tibdil

Rekwiżiti ta' eleġibilità

a. Rekwiżiti ġenerali

 Tkun ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
 Tkun tissodisfa kull obbligu impost mil-liġijiet tal-pajjiż dwar is-servizz militari.
 Tipprovdi referenzi tal-kwalitajiet meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet.

b. Rekwiżiti speċifiċi

i. Kwalifiki, diplomi u għarfien meħtieġa

Livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ta' tliet snin jew aktar, iċċertifikat b'diploma.

Jiġu aċċettati biss iċ-ċertifikati maħruġa, jew rikonoxxuti bħala ekwivalenti, mill-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE (pereżempju, mill-Ministeru tal-Edukazzjoni). Barra minn hekk, qabel kull reklutaġġ eventwali, il-kandidati mniżżla fil-bażi tad-data jiġu mistiedna jipprovdu d-dokumenti li jattestaw l-informazzjoni fil-formola tal-applikazzjoni (diplomi, ċertifikati u dokumenti ġustifikattivi oħra).

ii. Għarfien lingwistiku

Il-kandidati għandu jkollhom għarfien fil-fond (minimu ta' livell C1) ta' lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż,

u

għarfien tajjeb ħafna(minimu ta' livell B2) tal-Franċiż jew tal-Ingliż (lingwa 2).

Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1.

Il-kandidati huma informati li l-lingwi 2 (il-Franċiż u l-Ingliż) magħżulin għall-finijiet tal-ħolqien ta' din il-bażi tad-data ġew stabbiliti fl-interess tas-servizz tad-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika. Il-persuni jridu jkunu kapaċi jifhmu l-kompiti li jkollhom jiżvolġu, jipproċessaw il-fajls u jikkomunikaw b'mod effikaċi mal-interlokuturi esterni, mal-ġerarkija u mal-kollegi.
Il-Franċiż huwa l-lingwa li tintuża l-aktar fid-Direttorat Ġenerali u bejn l-unitajiet tiegħu. Il-Franċiż huwa wkoll il-lingwa li normalment tintuża għall-komunikazzjoni mal-interlokuturi esterni. L-Ingliż jintuża aktar ta' spiss fl-iskambji mad-direttorati l-oħra tad-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika, mad-direttorati ġenerali l-oħra u mal-awtoritajiet politiċi u amministrattivi tal-istituzzjoni, partikolarment fit-tfassil tad-dokumenti.
Barra minn hekk, l-istruzzjonijiet u r-regoli applikabbli huma miktubin bil-Franċiż u bl-Ingliż u jridu jkunu disponibbli u kkomunikati lill-pubbliku b'dawn iż-żewġ lingwi.
B'konsegwenza ta' dan, bil-għan li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom u jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-servizzi, il-persuni rreklutati jridu jkunu kapaċi, f'limitu ta' żmien raġonevoli, jaħdmu u jikkomunikaw b'mod effikaċi b'tal-anqas waħda minn dawn iż-żewġ lingwi.
Barra minn hekk, fl-interess ta' trattament indaqs, kull kandidat, anke jekk ikollu waħda minn dawn iż-żewġ lingwi bħala l-ewwel lingwa uffiċjali, huwa mistenni li jkollu biżżejjed għarfien ta' lingwa oħra, li trid tkun l-oħra minn fost dawn iż-żewġ lingwi.

Il-bażi tad-data

Jekk
– tissodisfa r-rekwiżiti kollha ta' eliġibilità,
– imlejt il-formola tal-applikazzjoni permezz tal-pjattaforma APPLY4EP u niżżilt tajjeb il-kodiċi (ara "Applikazzjonijiet" hawn taħt) skont il-modalitajiet u l-iskadenza stabbiliti,

ismek jiġi inkluż fil-bażi tad-data.

Ir-reġistrazzjoni hija bbażata esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni u d-dokumenti li tkun inkludejt. Din l-informazzjoni u dawn id-dokumenti jiġu vverifikati wara li jsir ir-reklutaġġ eventwali.

Tressiq tal-applikazzjonijiet

Il-persuni interessati jridu jimlew il-formola tal-applikazzjoni tagħhom permezz tal-pjattaforma online APPLY4EP. Il-kandidaturi jistgħu jiġu ppreżentati biss permezz ta' din il-pjattaforma.
Jekk jogħġbok aqra bir-reqqa l-gwida għall-kandidati sabiex tgħinek timla l-formola tal-applikazzjoni tiegħek.

Wara li toħloq il-kont tiegħek, trid tagħmel upload tal-curricilum vitæ dettaljat.

Trid tuża l-format Europass li tista' ssib fil-link hawn taħt:

https://europass.cedefop.europa.eu/mt/documents/curriculum-vitae

Imbagħad, trid timla l-formola tal-applikazzjoni.
Fit-taqsimiet :

Esperjenza professjonali: trid tniżżel l-esperjenza professjonali kollha miksuba, inklużi l-perjodi ta' traineeship. Għal kull esperjenza professjonali fil-livell internazzjonali, jiġifieri barra minn pajjiżek jew f’organizzazzjoni internazzjonali, niżżel il-kodiċi "INText" fil-bidu tal-kaxxa "kontenut tal-funzjoni" segwit minn deskrizzjoni dettaljata tal-funzjonijiet li tkun wettaqt.

Eżempju : INText Internship Nazzjonijiet Uniti, New York, NY, USA (jekk jogħġbok aqra l-Gwida għal aktar informazzjoni)

. Kwalifiki: jekk jogħġbok niżżel ir-referenza u l-marka finali tal-kwalifika tiegħek. Ir-referenzi huma limitati għal :
- Summa cum laude
- Magna cum laude
- Cum laude
- Cum fructu
Jekk ir-referenza hija f'lingwa oħra, trid taqlibha biex tkun konformi mal-klassifikazzjoni t'hawn fuq.

Eżempji: " cum fructu - 12/20 " ; " cum laude - 79/100 " (jekk jogħġbok aqra l-Gwida għal aktar informazzjoni)

Din l-informazzjoni trid tkun sostnuta b'dokumenti ġustifikattivi.

Id-data ta' skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet hija t-15 ta' Settembru 2020.

Ir-reġistrazzjoni fil-bażi tad-data ma tikkostitwixxix garanzija ta' reklutaġġ. Jekk tiġi ppreżentata l-possibilità ta' kuntratt, is-servizzi ta' reklutaġġ se jikkonsultaw il-bażi tad-data u jikkonvokaw lill-kandidati li l-profil tagħhom jikkorrispondi l-aħjar għall-eżiġenzi tal-impjieg inkwistjoni. Jekk jiġi stabbilit li l-informazzjoni mogħtija tkun ħażina, il-kandidatura tal-persuna tiġi eskluża u isimha jitneħħa mill-bażi tad-data.

Il-Parlament Ewropew japplika strettament politika ta' opportunitajiet indaqs fil-proċeduri ta' selezzjoni tiegħu sabiex jiggarantixxi t-trattament indaqs tal-kandidati kollha.

Il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-istituzzjonijiet Ewropej huma definiti mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Biex tikkonsulta r-reġim tax-xogħol kollu, jekk jogħġbok ikklikkja fuq l-indirizz li ġej:

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20140501&from=DE (titolu IV, paġna 210 " Persunal bil-Kuntratt ")

Ir-remunerazzjoni bażika ta' kull xahar fl-1 ta' Lulju 2019 hija stabbilita bejn EUR 3.531,26 u EUR 6.547,83 (grupp ta' funzjonijiet IV), skont it-taħriġ u l-esperjenza professjonali speċifika tal-kandidat.

Din il-bażi tad-data se tkun disponibbli sal-31 ta Diċembru 2021.