AĠĠ PE/306/2024/S/IPOL
MEMBRU TAL-PERSUNAL TEMPORANJU
Amministratur fil-qasam tal-kontroll tal-baġit (AD 9)
Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-kompetizzjonijiet miftuħa/fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew annessa ma’ dan l-avviż ta’ reklutaġġ.
Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta’ reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.
WERREJ
A. FUNZJONIJIET U ELEĠIBBILTÀ
B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-KOMPETIZZJONIJIET/FIL-PROĊEDURI TA’ SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW
A. FUNZJONIJIET U ELEĠIBBILTÀ
1. Kummenti ġenerali
Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għall-pożizzjoni ta’ membru tal-persunal temporanju fil-grad AD 9 fid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni (DG IPOL).
Il-profil imfittex huwa dak ta’ amministratur fil-qasam tal-kontroll tal-baġit. Il-post tax-xogħol ikun Brussell.
Il-kuntratt jiġi konkluż għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ isir fil-grad AD 9, l-ewwel skala, b’salarju bażiku ta’ EUR 9 025.62 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS). Huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha tiġi reklutata l-persuna li tintgħażel madankollu tista’ tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta’ din il-persuna. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f’ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.
Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.
2. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet
Id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni huwa responsabbli għall-organizzazzjoni tal-ħidma tal-kumitati tal-Parlament fil-qasam tal-politiki interni u biex jikkontribwixxi għall-eżerċizzju u l-iżvilupp tas-setgħat leġiżlattivi u ta’ kontroll tal-Parlament Ewropew.
Bħala parti mid-Direttorat għall-Affarijiet Baġitarji, is-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit huwa responsabbli biex:
– jgħin lill-membri tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u b’mod partikolari lill-President u lir-rapporteurs fit-twettiq ta’ dmirijiethom;
– jiżgura t-twettiq bla problemi tal-attivitajiet relatati mal-kontroll tal-baġit, speċjalment il-proċedura ta’ kwittanza, kif ukoll tal-attivitajiet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, billi jagħti segwitu għall-attivitajiet kollha tal-kumitat, jikkollabora regolarment mal-Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs), mal-konsulenti tal-gruppi politiċi, mal-kontropartijiet fis-Segretarjat tal-Parlament u f’istituzzjonijiet jew f’aġenziji oħra tal-UE;
– jassisti lill-MEPs fit-twettiq ta’ dmirijiethom matul iċ-ċiklu ta’ kwittanza kollu (tħejjija tas-segwitu għall-eżerċizzju ta’ kwittanza l-aktar reċenti, abbozzar ta’ rapporti, tħejjija ta’ emendi ta’ kompromess, tħejjija ta’ listi tal-votazzjoni) u matul iċ-ċiklu leġiżlattiv kollu (konsultazzjonijiet preleġiżlattivi, adozzjoni ta’ testi leġiżlattivi ġodda, modifika ta’ testi eżistenti u kontroll tal-implimentazzjoni tagħhom);
– jappoġġja lill-MEPs fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, mal-Qorti tal-Awdituri u ma’ istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħra tal-Unjoni Ewropea f’attivitajiet relatati mal-kontroll tal-baġit, kif ukoll mal-parlamenti u l-awtoritajiet nazzjonali, speċjalment għat-tħejjija ta’ missjonijiet u eventi relatati mal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit;
– jipprovdi lill-MEPs għarfien speċjalizzat bl-għajnuna ta’ noti ta’ informazzjoni, analiżi u pariri fil-fond rigward fajls leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi dwar il-kontroll tal-baġit.
It-twettiq ta’ dawn il-kompiti jirrikjedi għarfien fil-fond tal-baġit tal-UE u tal-implimentazzjoni tiegħu fl-Istati Membri tal-UE.
Esperjenza professjonali bil-provi f’amministrazzjoni nazzjonali jew internazzjonali fl-oqsma baġitarji jew finanzjarji tal-UE, fl-eżekuzzjoni tal-baġit nazzjonali u fil-ġestjoni kondiviża tal-fondi tal-UE hija meħtieġa. Esperjenza professjonali u fir-riċerka b’rabta mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), mal-baġit annwali tal-UE u mal-proċedura ta’ kwittanza tkun siewja.
Għarfien fil-fond tal-qasam tal-ekonomija u esperjenza parlamentari diġà miksuba fil-livell nazzjonali jew f’dak Ewropew huma essenzjali. Barra minn hekk, esperjenza estensiva f’negozjati fl-ogħla livell politiku, inkluż dak interistituzzjonali, hija meħtieġa sabiex l-MEPs jiġu appoġġjati fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom ta’ kontroll tal-baġit.
Analiżi u għarfien eċċellenti tal-proċeduri parlamentari, ħsieb kritiku u l-ħiliet ta’ abbozzar meħtieġa fit-tħejjija ta’ dokumenti leġiżlattivi bħal rapporti u opinjonijiet, listi tal-votazzjoni, noti ta’ informazzjoni u diskorsi għall-MEPs huma meħtieġa għal din il-pożizzjoni.
Il-kandidat(i) magħżul(a) jeħtieġ li jkollhom ħiliet interpersonali eċċellenti, sens ta’ diplomazija fil-kuntatti interni u esterni tagħhom u l-kapaċità li jibqgħu kalmi meta jkunu taħt pressjoni.
Missjonijiet regolari fil-postijiet tax-xogħol differenti u kuntatt frekwenti ma’ nies fil-Parlament Ewropew u barra l-Parlament Ewropew għandhom ikunu previsti.
3. Eleġibbiltà
Sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, trid tkun issodisfajt ir-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi ta’ eleġibbiltà li ġejjin:
(a) Rekwiżiti ġenerali
Skont l-Artikolu 12(2) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li:
– tkun ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,
– tgawdi d-drittijiet kollha bħala ċittadin,
– tkun issodisfajt kull obbligu impost fuqek mil-liġijiet dwar is-servizz militari,
– tista’ toffri l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.
(b) Rekwiżiti speċifiċi
(i) Kwalifiki meħtieġa
Irid ikollok:
– livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma, meta t-tul ta’ żmien normali tal-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew iżjed,
jew
– livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali rilevanti għad-dmirijiet ta’ mill-inqas sena, meta t-tul ta’ żmien normali tal-istudji universitarji jkun ta’ tliet snin jew iżjed.
Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru jew f’pajjiż mhux tal-UE, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-UE, bħall-ministeru tal-edukazzjoni.
Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE għandhom jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom l-ekwivalenza tad-diplomi tagħhom fl-UE. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba f’pajjiżi mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC, ikkonsulta din il-link: https://www.enic-naric.net.
Il-kumitat ta’ selezzjoni jqis id-differenzi bejn is-sistemi edukattivi tal-Istati Membri. Eżempji tal-kwalifiki minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella inkluża fil-gwida għall-kandidati.
Il-kandidati li ma jehmżux l-ekwivalenza tad-diplomi tagħhom fl-UE u/jew il-kandidati b’diplomi mhux rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-UE ma jkunux ammessi għall-proċedura ta’ selezzjoni.
(ii) Esperjenza professjonali meħtieġa
Wara li jkunu kisbu l-kwalifiki li jagħtuhom aċċess għall-proċedura ta’ selezzjoni (ara l-punt (i) hawn fuq), il-kandidati jeħtieġ li jkunu kisbu mill-inqas 10 snin esperjenza professjonali rilevanti għall-kompiti speċifikati fit-taqsima A.2, inklużi mill-inqas 8 snin f’amministrazzjoni nazzjonali jew f’istituzzjoni jew korp tal-Unjoni Ewropea.
(iii) Għarfien lingwistiku
Il-kandidati għandu jkollhom għarfien fil-fond (mill-inqas livell C1) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan jew l-Ungeriż,
u
għarfien sodisfaċenti (mill-inqas livell B2) tal-Ingliż (lingwa 2). Jekk il-lingwa 1 tiegħek tkun l-Ingliż, irid ikollok għarfien sodisfaċenti (mill-inqas livell B2) ta’ kwalunkwe waħda mit-23 lingwa uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1.
Jekk jogħġbok kun af li l-livelli minimi meħtieġa hawn fuq japplikaw għal kull qasam ta’ kapaċità lingwistika (taħdit, kitba, qari, smigħ) imsemmija fil-formola tal-applikazzjoni. Dawn il-kapaċitajiet jikkorrispondu għal dawk speċifikati fil-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (https://europa.eu/europass/common-european-framework-reference-language-skills).
Tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li livell C2 huwa l-ogħla livell fil-qafas, filwaqt li l-livell A1 huwa l-livell l-aktar baxx.
L-għażliet lingwistiċi għall-finijiet ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni ġew definiti skont l-interess tas-servizz. Fid-dawl tad-dmirijiet involuti, il-pożizzjoni ta’ amministratur fil-qasam tal-kontroll tal-baġit titlob kapaċitajiet speċifiċi kif stabbiliti fit-Taqsima A.2 ta’ dan l-avviż ta’ reklutaġġ. Kważi d-dokumenti kollha prodotti jew abbozzati fis-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit huma bl-Ingliż. Dawn jinkludu n-noti tal-laqgħat tal-kumitat parlamentari mħejjija għall-President tal-Kumitat. Barra minn hekk, il-laqgħat interni jsiru bl-Ingliż. Għaldaqstant, biex iwettqu dmirijiethom u jiżguraw il-funzjonament bla problemi tas-servizz, il-persuni reklutati għandhom ikunu jistgħu jaħdmu u jikkomunikaw b’mod effettiv bl-Ingliż. |
B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA
L-Awtorità tal-Ħatra għandha tfassal lista tal-kandidati li jiddikjaraw li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima A.3(a) tal-avviż, u li ressqu l-fajl tal-applikazzjoni tagħhom skont l-arranġamenti u sad-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet kif stabbilita fit-Taqsima C tal-avviż. Din il-lista tintbagħat lill-President tal-kumitat ta’ selezzjoni.
Il-proċedura hija organizzata abbażi ta’ kwalifiki u testijiet.
1. Eleġibbiltà għall-proċedura ta’ selezzjoni
Il-kumitat ta’ selezzjoni jivvaluta l-applikazzjonijiet tal-kandidati kollha fil-lista tal-Awtorità tal-Ħatra fid-dawl tar-rekwiżiti speċifiċi ta’ eleġibbiltà.
Jekk tissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi ta’ eleġibbiltà, il-kumitat ta’ selezzjoni jqisek eleġibbli għall-proċedura ta’ selezzjoni.
Jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni u ssostanzjata bid-dokumenti ġustifikattivi mehmuża magħha u sottomessi fl-istess ħin. Curriculum vitae ma jitqiesx bħala dokument ġustifikattiv li jiċċertifika l-esperjenza professjonali, il-kwalifiki jew l-għarfien lingwistiku (Ara l-gwida għall-kandidati għal aktar dettalji.)
2. Evalwazzjoni tal-kwalifiki
Abbażi ta’ tabella ta’ evalwazzjoni li tkun ġiet stabbilita minn qabel, il-kumitat ta’ selezzjoni jivvaluta l-kwalifiki tal-kandidati eleġibbli għall-proċedura ta’ selezzjoni u jistabbilixxi lista tal-aħjar tnax-il kandidat, dment li jkunu ġabu l-marka minima biex jgħaddu, li jiġu mistiedna għall-istadju li jmiss (testijiet bil-miktub u orali). Il-kumitat ta’ selezzjoni jistieden lill-kandidati ex aequo kollha għall-aħħar post disponibbli.
Il-kumitat ta’ selezzjoni, huwa u jwettaq evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati, iqis b’mod partikolari l-aspetti li ġejjin (li għandhom ikunu ssostanzjati b’dokumenti ġustifikattivi mehmuża mal-fajl tal-applikazzjoni):
- diploma fil-qasam tal-ekonomija;
- esperjenza professjonali fil-qasam tal-baġit u l-kontroll tal-baġit;
- esperjenza professjonali fil-qasam tal-awditjar u l-kontroll tal-fondi pubbliċi;
- esperjenza fl-abbozzar ta’ dokumenti leġiżlattivi u noti ta’ informazzjoni indirizzati lill-Membri tal-Parlament Ewropew;
- esperjenza f’negozjati interistituzzjonali;
- esperjenza f’negozjati f’livell politiku għoli bejn il-korpi tal-UE u l-Istati Membri;
- esperjenza bħala konsulent għal membru li jieħu d-deċiżjonijiet ta’ korp Ewropew;
- esperjenza bħala konsulent fi ħdan ministeru jew amministrazzjoni nazzjonali;
- esperjenza f’pożizzjoni maniġerjali fi ħdan ministeru jew amministrazzjoni nazzjonali.
Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (minimu meħtieġ: 10 punti).
Il-kandidati jiġu infurmati individwalment bl-email dwar jekk il-kumitat ta’ selezzjoni iddeċidiex jaċċettahom jew le għat-testijiet.
3. Testijiet
Bl-għan li jevalwa l-għarfien u l-ħiliet tal-kandidati, il-kumitat ta’ selezzjoni jorganizza t-testijiet li ġejjin:
Test bil-miktub
(a) Abbozzar ta’ test bl-Ingliż, abbażi ta’ sett ta’ dokumenti, biex tiġi ttestjata l-kapaċità tal-kandidati li jwettqu l-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, kif ukoll il-kapaċità tagħhom ta’ abbozzar u ta’ sinteżi.
Tul massimu tat-test: siegħa (1).
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20).
Dan it-test ikun ibbażat fuq il-kompjuter u jista’ jsir online.
Test orali
(b) Intervista mal-kumitat ta’ selezzjoni bl-Ingliż biex tiġi vvalutata, filwaqt li titqies l-informazzjoni kollha fil-fajls tal-applikazzjoni tal-kandidati, l-adegwatezza tagħhom biex iwettqu l-funzjonijiet rilevanti stabbiliti fit-Taqsima A.2.
Il-bord ta’ selezzjoni jivvaluta l-lingwa 1 tal-kandidati kollha li ddikjaraw li l-lingwa 2 tagħhom hija l-Ingliż, u jivvaluta wkoll il-lingwa l-oħra ta’ dawk il-kandidati li ddikjaraw li l-lingwa 1 tagħhom hija l-Ingliż.
Tul massimu tat-test: 45 minuta.
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20).
It-test jista’ jsir online jew bil-preżenza fiżika.
Il-kandidati jirċievu fi żmien xieraq l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet bil-miktub u orali. It-testijiet isiru f’data u f’ħin speċifiċi. Iż-żewġ testijiet isiru jew fl-istess ġurnata inkella f’żewġ ġranet konsekuttivi.
Il-kandidati li ma jirrispondux għall-istedina, li ma jkunux jistgħu jiġu kkuntattjati bl-email jew li ma jkunux preżenti għat-test, jistgħu jiġu skwalifikati. L-istruzzjonijiet mogħtija għandhom jiġu segwiti kelma b’kelma. In-nuqqas ta’ rispett tal-istruzzjonijiet jew imġiba mhux konformi magħhom jistgħu jwasslu għall-iskwalifika immedjata tal-kandidat.
4. Lista ta’ kandidati idonei
Abbażi tar-riżultati, il-kumitat ta’ selezzjoni jfassal lista ta’ kandidati idonei, li tinkludi, f’ordni alfabetiku, l-ismijiet tat-tliet kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta’ punti fil-proċedura kollha (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet) u li jkunu laħqu l-livell minimu meħtieġ f’kull wieħed minn dawn it-testijiet. Il-lista tinkludi l-kandidati ex aequo kollha għall-aħħar post disponibbli.
Il-kandidati jiġu infurmati individwalment bil-miktub dwar ir-riżultati tagħhom.
Il-lista ta’ kandidati idonei tiġi ppubblikata fuq is-sit web uffiċjali tal-Parlament Ewropew.
Il-lista ta’ kandidati idonei tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru 2027. Il-validità tagħha tista’ tiġi prorogata permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra. F’dan il-każ, il-kandidati mniżżla fil-lista jkunu infurmati f’ħin utli.
Jekk jirċievu offerta ta’ impjieg, il-kandidati jkollhom jippreżentaw, għal finijiet ta’ verifika, il-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha meħtieġa, inklużi d-diplomi u ċ-ċertifikati tal-impjieg.
Il-fatt li isem il-kandidati jitniżżel fil-lista ta’ kandidati idonei ma jikkostitwixxi la dritt u lanqas garanzija ta’ reklutaġġ.
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
L-applikazzjoni ssir permezz tal-pjattaforma Apply4EP: https://apply4ep.gestmax.eu/search/index/lang/mt_MT
Aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-kompetizzjonijiet/fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel ma timla l-formola tal-applikazzjoni u tibgħat id-dokumenti ġustifikattivi rilevanti.
Data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet
it-2 ta’ Lulju 2024, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell
Malli tivvalida l-formola tal-applikazzjoni tiegħek, tintbagħatlek konferma awtomatikament.
Il-komunikazzjoni relatata ma’ din il-proċedura ta’ selezzjoni għandha ssir esklużivament permezz tal-kont Apply4EP tiegħek. Il-kandidati huma mitluba MA JĊEMPLUX biex jitolbu informazzjoni dwar din il-proċedura ta’ selezzjoni.
Hija r-responsabbiltà tal-kandidati jivverifikaw regolarment l-inbox tal-indirizz tal-email li indikaw fil-kont Apply4EP tagħhom.