This website uses cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue we assume that you consent to receive all cookies on all websites.
For further information, please click here >>.

PE/258/S - AĠENT TEMPORANJU, ASSISTENT GĦAR-RELAZZJONIJIET MAL-AWTORITAJIET NAZZJONALI (AST 5)

Post tax-xogħol : Brussell
Pubblikazzjoni fuq sit web estern : 30/09/2021 12:00
Servizz : 01-Cabinet du Secrétaire général
Referenza : PE/258/S - TEMPORARY STAFF (Assistant)
Gwida għall-kandidati :

Informazzjoni ġenerali

Qabel tapplika għandek taqra sew il-Gwida għall-Kandidati annessa ma' dan l-avviż ta' reklutaġġ.

Il-gwida hija parti integrali mill-avviż ta' reklutaġġ. Se tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri ta' selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew u kif tapplika.


WERREJ

A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELEĠIBILITÀ

B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

ANNESS: GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA' SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

 

 

A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELEĠIBILITÀ

1. Kummenti ġenerali

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għall-pożizzjoni ta' aġent temporanju (AST 5), għar-relazzjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali, għall-Kabinett tas-Segretarju Ġenerali.

Il-kuntratt se jiġi konkluż għal perjodu indefinit. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AST 5, l-ewwel skala, b'salarju bażiku ta' EUR 4 917,29 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u aktar riċenti mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15). Is-salarju huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se tiġi reklutata l-persuna li tintgħażel madankollu tista' tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta' din il-persuna. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f'ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b'xi allowances.

Ir-reklutaġġ ta' aġent temporanju huwa dirett biex jiżgura li l-istituzzjoni tuża s-servizzi ta' persuni tal-ogħla standard ta' kapaċità, effiċjenza u integrità, reklutati fuq l-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

2. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Meta jaħdem fl-Uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali, l-assistent għar-relazzjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali se jkun inkarigat mill-kuntatti mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali b'mod partikolari dawk tal-postijiet ta' ħidma tal-Parlament Ewropew, Franza, il-Lussemburgu u l-Belġju. B'mod partikolari, l-assistent jipprepara, jappoġġa u jsegwi gruppi ta' ħidma mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali fil-livell amministrattiv u politiku f'għadd ta' oqsma tal-attivitajiet tal-Parlament. Barra minn hekk l-assistent se:

  • jabbozza korrispondenza, b'mod partikolari bil-Franċiż, mal-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali inkluż dawk fl-ogħla livell,
  • jieħu ħsieb il-ftehimiet ta' sħubija u l-viżitaturi,
  • jieħu ħsieb l-assoċjazzjonijiet involuti fl-affarijiet Ewropej b'mod partikolari dawk fi Franza, il-Belġju, il-Lussemburgu u tar-reġjuni mal-fruntiera Ġermaniża.

F'dan il-kuntest, huma meħtieġa ħiliet organizzattivi sodi. Esperjenza preċedenti f'ambjent internazzjonali u speċjalment f'Parlament tkun ta' vantaġġ. Peress li l-pożizzjoni tinvolvi diversi kuntatti interni u esterni, huma meħtieġa ħiliet eċċellenti ta' kitba, sens diplomatiku żviluppat ferm, faċilità kbira ta' komunikazzjoni u ħiliet interpersonali tajbin ħafna.

Il-post huwa bbażat fi Brussells iżda jista' jiġi ttrasferit lejn wieħed mill-postijiet ta' ħidma l-oħra tal-Parlament. Jinvolvi vjaġġar regolari bejn it-tliet postijiet ta' ħidma tal-Parlament (Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu), kif ukoll fi bnadi oħra.

Il-funzjonijiet prinċipali se jinkludu dawn li ġejjin:

  • Tħejjija, appoġġ u insegwiment tal-attivitajiet tal-gruppi ta' ħidma mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, b'mod partikolari dawk fi Franza, il-Lussemburgu u l-Belġju, filwaqt li dak li jkun jgħaddi informazzjoni lill-gradi superjuri u inferjuri tal-ġerarkija;
  • Għemil ta' kuntatti u koordinazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, b'mod partikolari dawk Franċiżi, Lussemburgiżi u Belġjani;
  • Għoti ta' assistenza lill-gruppi ta' ħidma mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali fid-diversi kompiti amministrattivi, b'mod partikolari l-abbozzar ta' minuti;
  • Tħejjija, appoġġ għat-twettiq u l-konklużjoni ta' negozjati ta' ftehimiet amministrattivi mal-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali, kif ukoll l-assoċjazzjonijiet involuti fl-affarijiet Ewropej, b'mod partikolari dawk Franċiżi, Lussemburgiżi u Belġjani u dawk tar-reġjuni mal-fruntiera Ġermaniża;
  • Kumpilazzjoni ta' fajls skont proċeduri stabbiliti, f'forma ta' karta jew elettronika, u għoti ta' fajls finalizzati b'informazzjoni ġenerali rilevanti lill-awtoritajiet tat-teħid ta' deċiżjonijiet, jekk ikun hemm bżonn;
  • Insegwiment tad-deċiżjonijiet, għoti ta' informazzjoni b'risposta għal mistoqsijiet dwar il-progress fil-każijiet, tfassil ta' rendikonti, ħafna drabi bi skadenzi qosra;
  • Organizzazzjoni ta' żjarat, ilqugħ tal-viżitaturi u twettiq ta' kompiti oħra speċifiċi fi ħdan il-qasam ta' attività tad-dipartiment.

Dawn il-funzjonijiet jirrikjedu l-ħiliet li ġejjin:

  • Ħiliet ta' organizzazzjoni u ppjanar
  • Ħiliet analitiċi u ta' komprensjoni
  • Approċċ metikoluż
  • Ħiliet interpersonali u ta' networking
  • Kunfidenzjalità/diskrezzjoni
  • Kapaċità li wieħed jipproduċi riżultati taħt pressjoni ta' ħin
  • Tattika u diplomazija

Rekwiżiti ta' eleġibilità

3. Eliġibbiltà

Fid-data tal-iskadenza stabbilita għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, il-kandidati jeħtiġilhom jissodisfaw dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 12(2) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-kandidati jridu:

  • ikunu ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,
  • igawdu d-drittijiet kollha bħala ċittadini,
  • ikunu ssodisfaw kull obbligu impost fuqhom mil-liġijiet fir-rigward tas-servizz militari,
  • jippreżentaw il-garanziji ta' moralità xierqa għall-qadi tal-funzjonijiet tagħhom.

(b) Kundizzjonijiet speċifiċi

(i) Kwalifiki u ħiliet meħtieġa

Il-kandidati jeħtieġ li jkollhom:

  • livell ta' edukazzjoni postsekondarja ċċertifikat b'diploma,

jew

  • livell ta' edukazzjoni sekondarja ċċertifikat b'diploma li tagħti aċċess għall-edukazzjoni postsekondarja, segwita minn esperjenza professjonali ta' mill-inqas tliet snin rilevanti għall-funzjonijiet. Dawn it-tliet snin ta' esperjenza mhux se jitqiesu għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali meħtieġa hawn taħt.

Il-kumitat ta' selezzjoni se jqis id-differenzi bejn is-sistemi edukattivi tal-Istati Membri. Eżempji tal-kwalifiki minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella inkluża fil-Gwida għall-Kandidati tal-proċeduri ta' selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew.

(ii) Esperjenza professjonali meħtieġa

Wara li tkun ksibt il-kwalifiki speċifikati hawn fuq, irid ikollok mill-inqas ħames snin esperjenza professjonali rilevanti għall-funzjonijiet speċifikati fit-taqsima A.2. Esperjenza preċedenti f'ambjent internazzjonali u speċjalment f'Parlament tkun ta' vantaġġ.

(iii) Għarfien lingwistiku

Il-kandidati għandu jkollhom għarfien fil-fond (livell C1) ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż,

u

għarfien komplut (level C1) tal-Franċiż (lingwa 2). Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1. Fil-każ li l-lingwa 1 tkun il-Franċiż, huwa meħtieġ għarfien sodisfaċenti (livell B2) ta' waħda mit-23 lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Eworpea.

Għarfien tal-Ġermaniż u/jew tal-Olandiż huwa ta' vantaġġ.

Jekk jogħġbok innota li l-livelli minimi mitluba hawn fuq japplikaw għal kull qasam ta' kapaċità lingwistika (id-diskors, il-kitba, il-qari u s-smigħ) imsemmi fil-formola ta' applikazzjoni. Dawn il-kapaċitajiet jikkorrispondu għal dawk speċifikati fil-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi (https://europa.eu/europass/mt/common-european-framework-reference).

L-applikanti huma infurmati li r-rekwiżit tal-lingwa speċifika mitlub, jiġifieri għarfien tajjeb ferm tal-Franċiż, ġie stabbilit fl-interess tas-servizz b'rispett għar-rekwiżiti speċifiċi tal-post.

B'mod aktar speċifiku, il-Franċiż huwa l-lingwa prinċipali ta' komunikazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali fit-tliet stati ospitanti tal-postijiet ta' ħidma tal-Parlament Ewropew, Franza, il-Belġju u l-Lussemburgu u waħda mill-lingwi l-aktar użati fil-komunikazzjoni interna tal-Parlament Ewropew. Konsegwentement, sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu kif imsemmi fit-Taqsima A. 2 ta' dan l-avviż ta' reklutaġġ u biex jiżgura l-funzjonament bla ntoppi tas-servizz, l-aġent temporanju rreklutat għandu jkun kapaċi jaħdem u jikkomunika b'mod effettiv bil-Franċiż.

Għarfien tal-Ġermaniż u/jew tal-Olandiż huwa ta' vantaġġ, minħabba li l-Olandiż jista' jkun bżonjuż fil-komunikazzjoni mal-awtoritajiet Belġjani u l-Ġermaniż fil-komunikazzjoni mal-awtoritajiet Lussemburgiżi u l-assoċjazzjonijiet involuti fl-affarijiet Ewropej tar-reġjuni mal-fruntiera Ġermaniża.

Barra minn hekk, fl-interess ta' trattament ugwali, il-kandidati kollha, anke jekk ikollhom il-Franċiż bħala l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom, huma mitluba jkollhom għarfien sodisfaċenti tat-tieni lingwa, li trid tkun waħda mil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

Eleġibilità għall-proċedura ta’ selezzjoni

B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA

1. Eleġibilità għall-proċedura ta' selezzjoni

Il-proċedura hija organizzata abbażi ta' kwalifiki u testijiet.

Jekk inti

  • tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali ta' eleġibilità u
  • ressaqt l-applikazzjoni tiegħek bi qbil mal-arranġamenti speċifikati u mhux aktar tard mid-data tal-iskadenza,

il-kumitat ta' selezzjoni se jivvaluta l-applikazzjoni tiegħek fid-dawl tar-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità.

Jekk tissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi ta' eleġibilità, inti tkun eleġibbli għall-proċedura ta' selezzjoni.

Il-kumitat ta' selezzjoni se jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni u li tkun appoġġata minn dokumenti ġustifikattivi (għal aktar dettalji, ara l-Gwida għall-Kandidati tal-proċeduri ta' selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew).

Evalwazzjoni tal-kwalifiki

2. Evalwazzjoni tal-kwalifiki

Il-kumitat ta' selezzjoni, abbażi ta' tabella tal-marki li jkun stabbilixxa minn qabel, iwettaq evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati eleġibbli għall-proċedura ta' selezzjoni u jistabbilixxi lista tal-aħjar 12-il kandidat li jiġu mistiedna għat-testijiet bil-miktub.

Il-kumitat ta' selezzjoni, huwa u jwettaq evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati, iqis b'mod partikolari l-aspetti li ġejjin (li għandhom ikunu appoġġati minn dokumenti ġustifikattivi mehmuża mal-fajl tal-applikazzjoni):

  • kwalifiki u diplomi addizzjonali u r-rabta tagħhom mal-funzjonijiet;
  • esperjenza fil-kumpilazzjoni ta' dossiers;
  • esperjenza fl-abbozzar ta' ittri, noti, rendikonti u minuti bil-Franċiż;
  • esperjenza fil-koordinazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali;
  • esperjenza fl-assistenza ta' kompiti amministrattivi u fis-segwitu ta' deċiżjonijiet;
  • esperjenza professjonali miksuba f'ambjent multikulturali u multinazzjonali.

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.

Testijiet

3. Testijiet

Test bil-miktub

a) Test ta' abbozzar bil-Franċiż, abbażi ta' sett ta' dokumenti, maħsub biex jivvaluta l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2 u li tifhem ir-rekwiżiti kummerċjali, tipprovdi soluzzjonijiet u appoġġ lill-utenti finali

Tul tat-test: 90 minuta
Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (minimu meħtieġ: 10 punti).

It-test jista' jiġi organizzat b'mod remot u online (ibbażat fuq il-kompjuter).

Is-sitt kandidati li jkunu kisbu l-ogħla marki fit-test bil-miktub jiġu mistiedna għat-testijiet orali, bil-kondizzjoni li jkunu kisbu l-marka minima meħtieġa.

Testijiet orali

b) Intervista mal-kumitat ta' selezzjoni bil-Franċiż, sabiex, b'kunsiderazzjoni tal-informazzjoni kollha mniżżla fil-fajl tal-applikazzjoni tiegħek, tkun tista' tiġi vvalutata l-kapaċità tiegħek li twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2. Il-kumitat ta' selezzjoni jista' jiddeċiedi li jittestja l-għarfien tal-lingwa tiegħek kif speċifikat fil-formola tal-applikazzjoni.

Tul tat-test: 45 minuta
Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).
Dan it-test jista' jiġi organizzat b'mod remot u online (ibbażat fuq il-kompjuter).

c) Logħba tar-rwoli jew eżerċizzji fi grupp bil-Franċiż sabiex il-kumitat ta' selezzjoni jkun jista' jivvaluta l-ħiliet tiegħek ta' adattament u negozjar u l-ħiliet interpersonali.

Tul tat-test: 25 minuta
Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (minimu meħtieġ: 10 punti).
Dan it-test jista' jiġi organizzat b'mod remot u online (ibbażat fuq il-kompjuter).

Se tirċievi struzzjonijiet dwar it-testijiet bil-miktub u orali fi żmien debitu. It-testijiet isiru fi żmien speċifiku f'data speċifika. Jekk ma tirrispondix għal invitazzjoni, ma tkunx tista' tiġi kkuntattjat bl-email jew ma tiġix għat-test, tiġi skwalifikat. Għandek issegwi l-istruzzjonijiet b'mod preċiż. Kull nuqqas li ssegwi l-istruzzjonijiet jew kull azzjoni li ma tkunx konformi mal-istruzzjonijiet tista' tirriżulta fi skwalifika immedjata.

Lista ta' riżerva

4. Inklużjoni fil-lista ta' riżerva

Il-lista ta' riżerva se tinkludi, skont l-ordni ta' mertu, l-ismijiet tat-tliet kandidati li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fil-proċedura kollha (l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-testijiet) u li jkunu laħqu l-livell minimu meħtieġ f'kull wieħed minn dawn it-testijiet.

Il-kandidati se jiġu infurmati individwalment bil-miktub dwar ir-riżultati tagħhom.

Il-lista ta' riżerva tiġi ppubblikata fuq l-intranet tal-Parlament Ewropew.

Il-lista ta' riżerva tibqa' valida sal-31 ta' Diċembru 2024; madankollu, tista' tiġi estiża. F'dan il-każ, il-kandidati mniżżlin fil-lista ta' riżerva jiġu informati fi żmien debitu.

Jekk inti tirċievi offerta ta' impjieg, tkun mitlub tippreżenta l-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha meħtieġa, inklużi diplomi u ċertifikati tal-impjieg, sabiex tkun tista' ssir verifika.

Il-fatt li ismek jitniżżel fil-lista ta' riżerva ma jikkostitwix dritt jew garanzija ta' reklutaġġ.

Tressiq tal-applikazzjonijiet

C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Biex tapplika, irid ikollok kont fuq il-pjattaforma Apply4EP: https://apply4ep.gestmax.eu/search/index/lang/mt_MT. Tista' toħloq kont WIEĦED biss. Biex tagħmel dan, ikklikkja fuq il-buttuna "Applika online" f'qiegħ il-paġna.

Qabel ma timla l-formola tal-applikazzjoni, jekk jogħġbok aqra sew il-Gwida għall-Kandidati tal-proċeduri ta' selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew u pprovdi d-dokumenti ġustifikattivi rilevanti.

L-iskadenza għall-applikazzjonijiet hija

12.00 (nofsinhar), ħin ta' Brussell, it-30 ta' Settembru 2021.

Tirċievi konferma awtomatika tal-wasla eżatt wara li l-formola tal-applikazzjoni tiegħek tiġi vvalidata.

Jekk jogħġbok IĊĊEMPILX rigward il-kalendarju tal-proċedura.